Skoll il-Kbir tal-Qroll

sistema ta’ skolli tal-qroll li tinsab fil-Baħar tal-Qroll u Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll (bl-Ingliż: Great Barrier Reef) huwa l-ikbar sistema ta’ skoll tal-qroll fid-dinja[1][2] u huwa magħmul minn iktar minn 2,900 skoll tal-qroll individwali[3] u 900 gżira estiżi fuq iżjed minn 2,300 kilometru b’erja ta’ madwar 344,400 kilometru kwadru.[4][5] L-iskoll tal-qroll jinsab fil-Baħar tal-Qroll, lil hinn mill-kosta ta’ Queensland, l-Awstralja. L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jidher mill-ispazju u huwa l-ikbar struttura unika fid-dinja magħmula minn organiżmi ħajjin.[6] Dan l-iskoll tal-qroll huwa magħmul minn biljuni ta’ organiżmi ċkejkin, magħrufa bħala polipi tal-qroll.[7] L-iskoll jipprovdi sostenn lil diversità wiesgħa ta’ ħlejqiet u tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[8] Is-CNN tawh it-tikketta ta’ wieħed mis-seba’ għeġubijiet naturali tad-dinja fl-1997.[9] Il-Queensland National Trust iddikjaratu ikona statali ta’ Queensland fl-2006.[10]

Il-laguna u l-iskoll tal-qroll b’għamla ta’ qalb fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

Parti kbira tal-iskoll tal-qroll hija protetta bħala Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u dan jgħin biex jiġi limitat l-impatt tal-użu mill-bniedem, bħas-sajd u t-turiżmu. Pressjonijiet ambjentali oħra fuq l-iskoll tal-qroll u l-ekosistema tiegħu jinkludu s-sustanzi likwidi li jiskulaw fih, it-tibdil fil-klima flimkien mal-iskulurizzazzjoni tal-massa tal-qroll, ir-rimi tal-ħama tat-tħammil u t-tifqigħat ċikliċi tal-popolazzjoni tal-istilel tal-baħar, Acanthaster planci, li jieklu l-qroll.[11] Skont studju ppubblikat f’Ottubru 2012 mill-Proceedings of the National Academy of Sciences (Proċedimenti tal-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi), l-iskoll tal-qroll tilef iżjed minn nofs il-qroll tiegħu mill-1985, xi ħaġa li ġiet ikkonfermata mill-ġdid minn studju tal-2020 li sab li iktar minn nofs il-kopertura tal-qroll tal-iskoll intilfet bejn l-1995 u l-2017, minħabba l-effetti ta’ avveniment mifrux ta’ skulurizzazzjoni li seħħ fl-2020 u li l-effetti tiegħu għadhom ma ġewx ikkwantifikati.[12][13]

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ilu magħruf u jintuża mill-abitanti Aboriġini tal-Gżejjer Awstraljani u tal-Istrett ta’ Torres, u huwa parti importanti tal-kulturi u tal-ispiritwalità tal-gruppi lokali. L-iskoll tal-qroll huwa destinazzjoni popolari ħafna mat-turisti, speċjalment fir-reġjuni tal-Gżejjer Whitsunday u ta’ Cairns. It-turiżmu huwa attività ekonomika importanti għar-reġjun, u kull sena jiġġenera iktar minn AUD$3 biljun.[14] F’Novembru 2014, Google varaw il-Google Underwater Street View li permezz tiegħu wieħed jista’ jesplora diġitalment l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll b’mod tridimensjonali.[15]

Rapport ta’ Marzu 2016 iddikjara li l-iskulurizzazzjoni tal-qroll kien ferm iktar mifrux milli kien maħsub qabel, u kien qed jaffettwa l-partijiet tat-Tramuntana tal-iskoll tal-qroll minħabba ż-żieda fit-temperaturi tal-oċean.[16] F’Ottubru 2016, Outside ppubblikaw avviż tal-mewt tal-iskoll tal-qroll;[17] l-artiklu ġie kkritikat li kien prematur u kien qed ixekkel l-isforzi li kienu qed isiru biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-iskoll tal-qroll.[18] F’Marzu 2017, il-ġurnal Nature ppubblika dokument li juri li sezzjonijiet enormi ta’ biċċa sħiħa tal-iskoll tal-qroll wiesgħa 800 kilometru fil-parti tat-Tramuntana li kienet mietet matul l-2016 minħabba temperaturi tal-ilma wisq għoljin. Dan l-avveniment ġie deskritt mill-awturi bħala wieħed mill-effetti tat-tibdil fil-klima globali.[19] Il-persentaġġ ta’ qroll ġdid li kien qed jitwieled fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll naqas drastikament fl-2018 u x-xjenzati ddeskrivewh bħala l-istadju bikri ta’ “avveniment enormi ta’ selezzjoni naturali li qed iseħħ”. Ħafna mill-qroll adult riproduttiv miet fl-avvenimenti tal-iskulurizzazzjoni tal-2016-2017 u b’hekk dan wassal għal rati baxxi ta’ twelid tal-qroll. It-tipi ta’ qroll li rriproduċew inbidlu wkoll, u dan wassal għal “organizzazzjoni mill-ġdid fit-tul tal-ekosistema tal-iskoll tal-qroll jekk ix-xejra tkompli”.[20]

L-Att tal-1975 (sezzjoni 54) tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jesiġi li kull ħames snin jitfassal Rapport ta’ Prospettiva dwar is-saħħa, il-pressjonijiet u l-futur tal-iskoll tal-qroll. L-aħħar rapport ġie ppubblikat fl-2019.[21]

Ġeoloġija u ġeografija

immodifika
 
Veduta tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll mill-ajru

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll huwa karatteristika distinta tad-diviżjoni tal-Kordillera Awstraljana tal-Lvant. Huwa estiż mill-Istrett ta’ Torres (bejn Bramble Cay, il-gżira l-iktar fit-Tramuntana, u l-kosta tan-Nofsinhar ta’ Papua New Guinea) fit-Tramuntana sal-passaġġ bla isem bejn il-Gżira ta’ Lady Elliot (il-gżira l-iktar fin-Nofsinhar) u l-Gżira ta’ Fraser. Il-Gżira ta’ Lady Elliot tinsab 1,915-il kilometru fix-Xlokk ta’ Bramble Cay[22] u tinkludi l-Gżejjer Murray li huma ferm iżgħar.[23]

It-teorija tal-plakek tettoniċi tindika li l-Awstralja ċċaqilqet lejn it-Tramuntana b’rata ta’ seba’ ċentimetri fis-sena, u bdiet tagħmel dan mill-era Ċenożojka.[24] Il-Lvant tal-Awstralja esperjenza perjodu ta’ elevazzjoni tettonika, li ċaqilqet id-diviżjoni tad-drenaġġ fi Queensland xi 400 kilometru ’il ġewwa lejn l-art. Matul dan iż-żmien ukoll, Queensland esperjenzat żbroffar vulkaniku li wassal għal flussi vulkaniċi tal-bażalt mill-vulkani ċentrali u b’għamla ta’ tarka. Uħud minnhom saru gżejjer għoljin. Wara li fforma l-Baċir tal-Baħar tal-Qroll, l-iskolli tal-qroll bdew jikbru fil-Baċir, iżda sa madwar 25 miljun sena ilu, it-Tramuntana ta’ Queensland kien għad kellha ilmijiet miti fin-Nofsinhar tat-Tropiċi — li kienu kesħin wisq għat-tkabbir tal-qroll. L-istorja tal-iżvilupp tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll hija kumplessa; wara li Queensland iċċaqilqet f’ilmijiet tropikali, kienet influwenzata bil-kbir mit-tkabbir tal-iskoll tal-qroll u mid-deklin tiegħu malli l-livell tal-baħar inbidel.[25]

 
L-Iskoll tal-Qroll tal-Gżira tar-Russetti (bl-Ingliż: Heron Island)

L-iskolli tal-qroll jistgħu jikbru fid-dijametru tagħhom b’ċentimetru sa tliet ċentimetri fis-sena, u jikbru vertikalment bejn ċentimetru u 25 ċentimetru fis-sena; madankollu, l-iskolli tal-qroll jikbru biss f’fond ’il fuq minn 150 metru minħabba li jeħtieġu d-dawl tax-xemx, u ma jikbrux ’il fuq mil-livell tal-baħar.[26] Meta Queensland iċċaqilqet f’ilmijiet tropikali 24 miljun sena ilu, kiber xi qroll, iżda malajr żviluppa reġim ta’ sedimentazzjoni bl-erożjoni tal-Katina Diviżorja l-Kbira; li ħoloq delti tax-xmajjar, fawwara, u turbiditi, u għaldaqstant kundizzjonijiet mhux adattati għat-tkabbir tal-qroll. Għaxar miljun sena ilu, il-livell tal-baħar tbaxxa b’mod sinifikanti, u dan ippermetta iktar sedimentazzjoni. Is-sottostrat tal-iskoll tal-qroll jaf kellu bżonn jiżdied mis-sediment sakemm it-tarf tiegħu kien ’il bogħod wisq mis-sedimenti sospiżi biex ixekkel it-tkabbir tal-qroll. Barra minn hekk, bejn wieħed u ieħor 400,000 sena ilu kien hemm perjodu interglaċjali partikolarment sħun b’livelli tal-baħar ogħla u bidla fit-temperatura tal-ilma ta’ 4 °C (7 °F).

L-art li ffurmat is-sottostrat attwali tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll kienet pjanura kostali li ffurmat mill-erożjoni tas-sedimenti tal-Katina Diviżorja l-Kbira b’xi għoljiet ikbar (il-biċċa l-kbira minnhom kienu huma stess fdalijiet ta’ skolli tal-qroll iktar antiki, jew f’xi każijiet rari, vulkani).[27] Iċ-Ċentru tar-Riċerka dwar l-Iskolli tal-Qroll taċ-Ċentru tar-Riċerka Kooperattiva sab depożiti tal-“iskeletri” tal-qroll li jmorru lura għal nofs miljun sena.[28] L-Awtorità tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll (GBRMPA) tqis li l-iktar evidenza bikrija ta’ strutturi sħaħ tal-iskolli tal-qroll tmur lura għal 600,000 sena ilu.[29] Skont il-GBRMPA, l-istruttura attwali ħajja tal-iskoll tal-qroll jingħad li bdiet tikber fuq il-pjattaforma iktar antika madwar 20,000 sena ilu. L-Istitut Awstraljan tax-Xjenza tal-Baħar jaqbel u jsostni li l-bidu tat-tkabbir tal-iskoll tal-qroll attwali jmur lura għal żmien l-Aħħar Massimu Glaċjali. Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, il-livell tal-baħar kien 120 metru iktar baxx milli hu llum.[27]

Minn 20,000 sena ilu sa 6,000 sena ilu, il-livell tal-baħar għola b’mod kostanti madwar id-dinja. Peress li għola, il-qroll seta’ jikber iktar fl-għoli fuq il-marġnijiet marittimi tal-għoljiet tal-pjanura kostali li kienu għadhom kemm spiċċaw taħt l-ilma. Sa madwar 13,000 sena ilu, il-livell tal-baħar kien biss 60 metru iktar baxx minn dak ta’ żminijietna, u l-qroll beda jikber madwar l-għoljiet tal-pjanura kostali, li sa dak iż-żmien laħqu saru gżejjer kontinentali. Peress li l-livell tal-baħar kompla jiżdied iktar, il-biċċa l-kbira tal-gżejjer kontinentali spiċċaw taħt l-ilma. B’hekk il-qroll seta’ jikber fuq l-għoljiet li spiċċaw taħt l-ilma, u ffurmaw il-qaliet u l-iskolli tal-qroll attwali. Hemmhekk il-livell tal-baħar ma tantx għola b’mod sinifikanti fl-aħħar 6,000 sena. Skont l-istimi taċ-Ċentru tar-Riċerka dwar l-Iskolli tal-Qroll taċ-Ċentru tar-Riċerka Kooperattiva, l-età tal-istruttura ħajja attwali tal-iskoll tal-qroll hija ta’ bejn 6,000 u 8,000 sena. L-iskolli tal-qroll fl-ilma baxx li spiss jidhru fuq diversi ritratti mill-ajru u fuq immaġnijiet satellitari jkopru erja ta’ 20,679 km2, u l-biċċa l-kbira tagħha (madwar 80 %) kibret fuq pjattaformi tal-ġebla tal-ġir li huma relitti tal-fażijiet tal-imgħoddi (tal-Plejstoċen) tat-tkabbir tal-iskoll tal-qroll.[30]

Il-fdalijiet ta’ skoll tal-qroll antik simili għal dak tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jinsab f’The Kimberley, il-Punent tal-Awstralja.[31]

 
L-Iskoll tal-Qroll ta’ Arlington

Iż-Żona tal-Wirt Dinji tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ġiet maqsuma f’70 bijoreġjun[32], li 30 minnhom huma bijoreġjuni tal-iskolli tal-qroll.[33][34] Fil-parti tat-Tramuntana tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll iffurmaw skolli tal-qroll tad-delti jew b’għamla ta’ żigarella; dawn l-istrutturi jinsabu hawnhekk biss u mkien ieħor. Fl-2020, fiż-żona tat-Tramuntana, ġie skopert skoll tal-qroll ġdid, għoli 500 metru u wiesa’ 1.5 kilometru fil-bażi. Ma hemm l-ebda skoll tal-qroll b’għamla tonda fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u l-iskolli tal-qroll imqabbdin mal-art kontinentali huma rari.[35]

L-iskolli tal-qroll marġinali huma mifruxa sew, iżda huma l-iktar komuni lejn il-parti tan-Nofsinhar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, imqabbdin mal-gżejjer għoljin, bħal ngħidu aħna l-Gżejjer Whitsunday. L-iskolli tal-qroll tal-laguni jinsabu fil-parti tan-Nofsinhar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u iktar lejn it-Tramuntana, lil hinn mill-kosta tal-Bajja tal-Prinċipessa Charlotte. L-iskolli tal-qroll b’għamla ta’ nofs qamar huma l-iktar għamla komuni ta’ skolli tal-qroll fin-nofs tas-sistema, pereżempju l-iskolli tal-qroll madwar il-Gżira tal-Gremxul (bl-Ingliż: Lizard Island). L-iskolli tal-qroll b’għamla ta’ nofs qamar jinsabu wkoll fit-Tramuntana estrema tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u fl-Iskolli tal-Qroll ta’ Swain (20-22 grad fin-Nofsinhar). L-iskolli tal-qroll tal-pjanura jinsabu fil-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, ħdejn il-Peniżola ta’ Cape York, il-Bajja tal-Prinċipessa Charlotte, u Cairns. Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-iskoll tal-qroll jinsabu fuq skolli tal-qroll tal-pjanura.

Il-fawwara minn qiegħ il-baħar jista’ jkollhom impatt lokalizzat fuq l-iskoll tal-qroll, billi jipprovdu flussi tal-ilma ħelu, li xi kultant ikun rikk fin-nutrijenti u li jikkontribwixxi għall-ewtrofikazzjoni.[36][37]

Ekoloġija

immodifika
 
Fekruna tal-baħar fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jipprovdi sostenn għal diversità straordinarja ta’ ħlejqiet, fosthom bosta speċijiet vulnerabbli jew mhedda, li wħud minnhom jaf huma endemiċi għas-sistema tal-iskoll tal-qroll.[38]

Tletin speċi ta’ ċetaċji ġew irreġistrati fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, inkluż il-balenottera żgħira, id-denfil Indo-Paċifiku, u l-baliena tal-ġwienaħ kbar. Barra minn hekk jgħixu popolazzjonijiet kbar ta’ dugongi.[39][40] Iktar minn 1,500 speċi ta’ ħut jgħixu mal-iskoll tal-qroll, fosthom il-pixxibuffu, l-ispnotta ħamra, l-imperaturi tal-garġi ħomor, u diversi speċijiet ta’ paġell u ta’ troti tal-qroll. Disgħa u erbgħin speċi jbidu fi ġlejjeb, filwaqt li erbgħa u tmenin speċi oħra jbidu fi nħawi oħra.[41] Sbatax-il speċi ta’ sriep tal-baħar jgħixu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, f’ilmijiet sħan sa fond ta’ ħamsin metru u huma komuni fis-sezzjoni tan-Nofsinhar iktar milli f’dik tat-Tramuntana. L-ebda minnhom li jinsabu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll mhuma endemiċi u lanqas mhuma mhedda.[42]

Sitt speċijiet ta’ fkieren tal-baħar jiġu lejn l-iskoll tal-qroll biex jitnisslu: Chelonia mydas, Dermochelys coriacea, Eretmochelys imbricata, Caretta caretta, Natator depressus, u Lepidochelys olivacea. Il-fkieren tal-baħar ħodor fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll għandhom żewġ popolazzjonijiet distinti ġenetikament, waħda fil-parti tat-Tramuntana tal-iskoll tal-qroll u l-oħra fil-parti tan-Nofsinhar.[43] Ħmistax-il speċi ta’ alka tal-qiegħ jattiraw id-dugongi u l-fkieren tal-baħar, u jipprovdu ħabitat għall-ħut. L-iktar ġeneri komuni ta’ alka tal-qiegħ huma l-Halophila u l-Halodule.[44]

 
Stilla tal-baħar li tiekol il-qroll

Il-kukkudrilli tal-ilma baħar jgħixu fil-mangrovji u fl-imraġ salmastri tul ix-xatt qrib l-iskoll tal-qroll.[45] Ma ġiex irrapportat li jbejtu, u l-popolazzjoni tal-kukkudrilli tal-ilma baħar fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll hija mifruxa iżda b’densità baxxa. Madwar l-iskoll tal-qroll jgħixu xi 125 speċi ta’ klieb il-baħar, boll, rebekkini jew kimeri.[46][47] Barra minn hekk, ġew irreġistrati qrib il-5,000 speċi ta’ molluski, fosthom il-gandoffli ġganti u diversi nudibrankji u bebbux tal-baħar b’għamla ta’ kon. Ġew irreġistrati wkoll disgħa u erbgħin speċi ta’ gremxul tal-baħar u disa’ speċijiet ta’ żiemel il-baħar. Mill-inqas seba’ speċijiet ta’ żrinġijiet jgħixu fuq il-gżejjer tal-iskoll tal-qroll.[48]

215-il speċi ta’ għasafar (inkluż 22 speċi ta’ għasafar tal-baħar u 32 speċi ta’ għasafar tax-xatt) iżuru l-iskoll tal-qroll jew ibejtu fuq il-gżejjer, fosthom l-ajkla tal-baħar u ċ-ċirlewwa roża. Il-biċċa l-kbira tas-siti fejn ibejtu l-għasafar jinsabu fuq il-gżejjer fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, b’madwar 1.4 sa 1.7 miljun għasfur li jużaw is-siti biex jitnisslu.[49][50] Il-gżejjer tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jagħtu sostenn ukoll lil 2,195 speċi magħrufa ta’ pjanti, li tlieta minnhom huma endemiċi. Il-gżejjer tat-Tramuntana fihom bejn 300 u 350 speċi ta’ pjanti li l-iktar ikunu biz-zkuk, filwaqt li l-gżejjer tan-Nofsinhar fihom 200 speċi ta’ pjanti li l-iktar ikunu erbaċej; ir-reġjun tal-Gżejjer Whitsunday huwa l-iktar wieħed b’diversità, u jagħti sostenn lil 1,141 speċi. Il-pjanti jiġu ppropagati mill-għasafar.[48]

 
Par pixxibuffu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

Hemm mill-inqas 330 speċi ta’ Ascidia fis-sistema tal-iskoll tal-qroll b’dijametru ta’ bejn ċentimetru u għaxar ċentimetri. Bejn 300 u 500 speċi ta’ brijożoani jgħixu mal-iskoll tal-qroll. Barra minn hekk, b’kollox hemm erba’ mitt speċi ta’ qroll iebes u artab li jgħixu mal-iskoll. Il-maġġoranza tagħhom jirriproduċu permezz tal-gameti, u jitnisslu f’avvenimenti riproduttivi tal-massa li jiskattaw miż-żieda fit-temperaturi tal-baħar fir-rebbiegħa u fis-sajf, miċ-ċiklu tal-qamar u miċ-ċiklu ta’ binhar. L-iskolli tal-qroll tal-parti ta’ ġewwa tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jirriproduċu matul il-ġimgħa ta’ wara l-qamar kwinta f’Ottubru, filwaqt li l-iskolli tal-qroll tal-parti ta’ barra jirriproduċu f’Novembru u f’Diċembru.[51] Il-qroll artab komuni jifforma parti minn 36 ġeneri.[52] Mal-iskolli tal-qroll jgħixu ħames mitt speċi ta’ algi jew alki tal-baħar, inkluż tlettax-il speċi tal-ġeneru Halimeda, li jiddepożitaw agglomerazzjonijiet tal-ġir li jlaħħqu wisgħa ta’ mitt metru, u li joħolqu ekosistemi żgħar fis-superfiċe tagħhom li ġew imqabblin mal-art koperta mill-foresti tropikali.[25]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 
Eżempju tal-varjetà tal-qroll fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit naturali ġie rrikonoxxut abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”, il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”, il-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”, u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Protected Areas Programme -". wayback.archive-it.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-11. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "World Heritage places - The Great Barrier Reef, Queensland - World Heritage Values". web.archive.org. 2013-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-09. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Hopley, Smithers & Parnell 2007, p. 1
  4. ^ "Great Barrier Reef Travel Guide | Fodor's Travel Guides". web.archive.org. 2013-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-14. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Review of the Great Barrier Reef Marine Park Act 1975". web.archive.org. 2006-10-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-10-18. Miġbur 2021-06-25.
  6. ^ "Geoscience Australia: Media Releases: Great Barrier Reef: no buried treasure - 08 February 2002". web.archive.org. 2007-10-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-01. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Australia's Great Barrier REEF | Science World | Find Articles". archive.ph. 2012-07-08. Miġbur 2021-06-25.
  8. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Great Barrier Reef". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  9. ^ "Destination: The Natural Wonders of the World". web.archive.org. 2006-07-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-07-21. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "National Trust Queensland". web.archive.org. 2006-12-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-12-10. Miġbur 2021-06-25.
  11. ^ "Great Barrier Reef authority gives green light to dump dredging sludge | Environment | The Guardian". web.archive.org. 2019-02-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-02-21. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Great Barrier Reef has lost half its corals since 1985, new study says - The Washington Post". web.archive.org. 2019-02-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-02-09. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ CNN, By Amy Woodyatt. "The Great Barrier Reef has lost half its corals within 3 decades". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  14. ^ Access Economics Pty Ltd (2005) (2013-04-29). ""Measuring the economic and financial value of the Great Barrier Reef Marine Park" (PDF)" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-04-29. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "Google Launches Underwater Street View | Feature | Tempo.Co :: Indonesian News Portal". web.archive.org. 2014-11-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-11-29. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ "Great Barrier Reef coral bleaching more widespread than first thought, surveys reveal". web.archive.org. 2016-04-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-03. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Obituary: Great Barrier Reef (25 Million BC-2016) | Outside Online". web.archive.org. 2016-10-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-16. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "The Great Barrier Reef is not actually dead - CNN.com". web.archive.org. 2017-03-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-12. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Large Sections of Australia's Great Reef Are Now Dead, Scientists Find - The New York Times". web.archive.org. 2018-02-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-02-20. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ "Great Barrier Reef coral bleaching causes numbers of baby coral to plummet - Science News - ABC News". web.archive.org. 2019-04-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-04-10. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Great Barrier Reef Outlook Report". www.gbrmpa.gov.au (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  22. ^ Great Barrier Reef Marine Park Authority (2008-04-09). ""Great Barrier Reef General Reference Map"" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-09. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ Gentilli, Joseph (1951). Physiographic Diagram of Australia (bl-Ingliż). Geographical Press. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  24. ^ Davies, P.J., Symonds, P.A., Feary, D.A., Pigram, C.J. (1987). "Horizontal plate motion: a key allocyclic factor in the evolution of the Great Barrier Reef". Science. 238 (4834): 1697–1700.
  25. ^ a b Hopley, David; Smithers, Scott G.; Parnell, Kevin (2007). The Geomorphology of the Great Barrier Reef: Development, Diversity and Change. Cambridge University Press. ISBN 978-1-139-46392-8.
  26. ^ "Great Barrier Reef - MSN Encarta". web.archive.org. 2009-10-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-28. Miġbur 2021-06-25.
  27. ^ a b "AIMS ProjectNET - Index". web.archive.org. 2010-09-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-17. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ "CRC Reef Research Centre". web.archive.org. 2006-08-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-08-22. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. ^ Great Barrier Reef Marine Park Authority (2006) (2007-06-20). ""A 'big picture' view of the Great Barrier Reef"" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-20. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ Harris, Peter T.; Bridge, Thomas C.L.; Beaman, Robin J.; Webster, Jody M.; Nichol, Scott L. (2013-03-01). "Submerged banks in the Great Barrier Reef, Australia, greatly increase available coral reef habitat". ICES Journal of Marine Science. 70 (2): 284–293.
  31. ^ "NatureBase - The Devonian 'Great Barrier Reef'". web.archive.org. 2007-09-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-11. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  32. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Representative Areas in the Marine Park". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  33. ^ Great Barrier Marine Park Authority (2011-06-02). ""Protecting the Bioregions of the Great Barrier Reef" (PDF)" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-02. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  34. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Bio-region Information Sheets". web.archive.org. 2007-08-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-31. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  35. ^ CNN, By Amy Woodyatt. "'Massive' coral reef taller than the Empire State Building discovered in Australia". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  36. ^ "Catalyst: Wonky Holes - ABC TV Science". web.archive.org. 2019-04-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-04-19. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  37. ^ "'Wonky holes' blamed for coral death | New Scientist". web.archive.org. 2019-04-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-04-17. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ "Snapshot of life deep in the Great Barrier Reef (Media Release)". web.archive.org. 2007-08-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-30. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  39. ^ "Reef Facts - Plants and Animals". web.archive.org. 2006-08-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-08-21. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  40. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Environmental Status: Marine Mammals". web.archive.org. 2006-10-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-10-02. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  41. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Fish Spawning Aggregation Sites On The Great Barrier Reef". web.archive.org. 2008-12-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-12-16. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  42. ^ "Fauna and Flora of the Great Barrier Reef World Heritage Area. 2000".
  43. ^ Dobbs, Kirstin (2007). "Marine turtle and dugong habitats in the Great Barrier Reef Marine Park used to implement biophysical operational principles for the Representative Areas Program (PDF)" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-18. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  44. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Environmental Status: Seagrasses". web.archive.org. 2006-10-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-10-02. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Environmental Status: Marine Reptiles". web.archive.org. 2011-06-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-02. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  46. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Environmental Status: Sharks and rays". web.archive.org. 2007-03-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-03-29. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  47. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Appendix 4 - Other species of conservation concern". web.archive.org. 2007-08-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-31. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  48. ^ a b "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Appendix 5 - Island Flora and Fauna". web.archive.org. 2007-08-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-31. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  49. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Environmental status: birds". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  50. ^ "Great Barrier Reef Marine Park Authority :: Condition". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. ^ Great Barrier Reef Marine Park Authority (2006) (2007-06-14). ""Information Fact Sheets No.20 Coral Spawning" (PDF)" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-14. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  52. ^ "AIMS Research - Soft Coral Atlas of the Great Barrier Reef". web.archive.org. 2007-04-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-06. Miġbur 2021-06-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)