Ċentru Storiku ta' Lijiang
Iċ-Ċentru Storiku ta' Lijiang (biċ-Ċiniż simplifikat: 丽江古城; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 麗江古城), magħruf ukoll bl-isem antik ta' Dayan (biċ-Ċiniż: 大研), huwa ċ-ċentru storiku tar-raħal ta' Lijiang, fil-Provinċja ta' Yunnan, iċ-Ċina, u huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Storja
immodifikaIċ-ċentru storiku ta' Lijiang għandu storja li tmur lura iktar minn 1,000 sena u fl-imgħoddi kien f'salib it-toroq tal-kummerċ tul il-"Mogħdija Antika tal-Karovani taż-Żwiemel bit-Te". Iċ-ċentru storiku ta' Dayan huwa famuż għas-sistema ordnata ta' passaġġi fuq l-ilma u pontijiet, li hija sistema li malajr qed issir xi ħaġa tal-passat peress li l-ilma tal-pjan kulma jmur qed jonqos, x'aktarx minħabba l-bini eċċessiv fiż-żoni suburbani.
Il-kultura ta' Lijiang tgħaqqad flimkien il-kultura Nakhi tradizzjonali u elementi oħra ta' żmien id-dinastija Ming mill-influwenza tal-merkanti Ċiniżi tad-dinastija Han li insedjaw ir-reġjun sekli qabel. Il-poplu Nakhi baqa' juża stil ta' kostruzzjoni domestika bl-injam u bil-brikks tat-tajn li tgħallem mingħand il-merkanti minn Nanjing. Il-mastrudaxxi lokali għadhom jibnu djar elaborati bl-oqfsa tal-injam minn moħħhom mingħajr l-użu ta' pjanta. Dawn id-djar spiss jiġu mżejna b'tinqix b'dettalji ta' fjuri u għasafar mat-twieqi. It-tinqix issa jsir minn artiġjani Bai etniċi, iżda tingħata attenzjoni biex tintwera l-flora u l-fawna tal-erba' staġuni bl-istil Han Ċiniż. Saħansitra l-familja foqra li jaħdmu fil-biedja jużaw ir-riżorsi tagħhom kollha biex ikollhom it-twieqi bit-tinqix, u donnhom iqisuhom iktar importanti mill-għamara fid-dar. Il-panewijiet tat-twieqi huma disponibbli wkoll għall-bejgħ lit-turisti.
Il-poplu Nakhi tgħallem il-mużika klassika Ċiniża mill-viżitaturi minn Nanjing matul żmien id-dinastija Ming u għadhom idoqqu dik il-mużika sal-lum, ferm wara din il-forma tal-arti għebet f'inħawi oħra taċ-Ċina. Il-mużiċisti anzjani jorganizzaw ruħhom għal spettakli regolari fiċ-Ċentru Storiku ta' Dayan u għal spettakli inqas regolari fil-villaġġi tal-madwar.
Maġenb din l-evidenza ppreservata sew tal-kultura Han hemm imbagħad il-kultura Nakhi lokali, u din toħroġ fid-dieher fiċ-ċentru storiku u f'bosta toroq sal-lum fil-forma ta' żfin fi ċrieki, li jieħdu sehem fihom iż-żgħażagħ u l-anzjani mill-viċinati lokali. Dan iż-żfin fi ċrieki taċ-Ċentru Storiku ta' Dayan huwa mmexxi min-nisa Nakhi bil-kostumi Nakhi lokali.
Iż-żfin fi ċrieki bil-kostumi huwa drawwa wkoll tal-poplu Tibetan lejn it-Tramuntana ta' Lijiang u tal-poplu Bai lejn in-Nofsinhar. Fl-imgħoddi kien hemm ammont sostanzjali ta' insedjamenti Tibetani u Bai fiċ-Ċentru Storiku ta' Dayan iżda l-biċċa l-kbira ġew insedjati mill-ġdid f'distretti lil hinn miż-żoni turistiċi. Wieħed okkażjonalment jista' jesperjenza ż-żfin fi ċrieki tat-Tibetani fiċ-Ċentru Storiku ta' Dayan u iktar regolarment fil-ġonna privati fu fil-ġemgħat ta' Nongjiale (biċ-Ċiniż: 农家乐) tat-Tibetani lokali. Iż-żfin fi ċrieki tal-popli Nakhi u Tibetani jiġi pprattikat 'il barra mit-tempji Tibetani ta' Wenfeng Si (biċ-Ċiniż: 文峰寺) fuq il-Muntanja Wenbifeng (biċ-Ċiniż: 文笔峰), ta' Zhiyun Si (biċ-Ċiniż: 指云寺) qrib il-Lag ta' Lashi Hai (biċ-Ċiniż: 拉市海), u ta' Fuguo Si (biċ-Ċiniż: 富国寺) fuq il-Muntanja tad-Dragun tal-Ġada (biċ-Ċiniż: 玉龙雪山), speċjalment fil-jiem tal-festi tat-tempji.
Ir-raħal kollu ta' Lijiang u l-inħawi tal-madwar (inkluż Dayan u żewġ villaġġi fit-Tramuntana magħrufa bħala Baisha (biċ-Ċiniż: 白沙) u Shuhe (biċ-Ċiniż: 束河) rispettivament) tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-4 ta' Diċembru 1997.[1] Minn dak iż-żmien, il-gvern lokali ġarr iktar responsabbiltà għall-iżvilupp u għall-protezzjoni taċ-ċentru storiku. It-turiżmu f'Lijiang żdied matul dawn l-aħħar għoxrin sena b'viżitaturi minn madwar id-dinja kollha, għalkemm il-maġġoranza tat-turisti għadhom Han Ċiniżi minn inħawi oħra taċ-Ċina; iċ-ċentru storiku ta' Dayan ġie żviluppat mill-ġdid b'mod estensiv sabiex ikun jista' jappella kummerċjalment għat-turisti Han Ċiniżi u l-binjiet li ġenwinament huma antiki issa huma minoranza.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku ta' Lijiang ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997 u ġie estiż fl-2012.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Kultura
immodifikaL-ispettakli mużikali ta' Dongjing mill-poplu Nakhi, forma antika ta' mużika ritwali Han Ċiniża huma aċċessibbli bi ħlas f'Dayan u għal donazzjoni f'Shuhe, f'Baisha u xi kultant f'villaġġi oħra fl-inħawi. Tittella' wkoll rappreżentazzjoni tal-Karovani taż-Żwiemel bit-Te f'forma ta' musical organizzata mill-produttur u r-reġista tal-films Zhang Yimou.
Bidliet reċenti
immodifikaL-influss tat-turisti wara li s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kellu effetti drammatiċi. Il-biċċa l-kbira tal-abitanti Nakhi taċ-ċentru storiku ma għadhomx jgħixu hemmhekk minħabba li għolew il-prezzijiet tal-abitazzjonijiet u tal-oġġetti tal-ikel, u minflokhom issa hemm stabbilimenti turistiċi li jħallsu kirjiet għoljin lis-sidien Nakhi, li rtiraw fiż-żona l-ġdida tar-raħal. It-tkabbir ta' dawn in-negozji turistiċi fil-biċċa l-kbira huwa bla kontroll.[2]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d "Old Town of Lijiang". UNESCO.
- ^ "Reconciling Tourism and Conservation | China Heritage Quarterly". www.chinaheritagequarterly.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-09-02.