Yin Xu

sit arkeoloġiku tal-aħħar belt kapitali tad-dinastija Shang fiċ-Ċina

Yin Xu, spelluta wkoll bħala Yinxu (pronunzja biċ-Ċiniż Mandarin: [ín.ɕý]; biċ-Ċiniż: 殷墟; litteralment "Fdalijiet ta' Yin") huwa sit arkeoloġiku Ċiniż b'rabta ma' Yin, l-ewwel belt kapitali tad-dinastija Shang (mill-ħabta tal-1600 sal-ħabta tal-1046 Q.K.). Yin tinsab fil-belt attwali ta' Anyang, fil-Provinċja ta' Henan, u fl-imgħoddi kienet il-belt kapitali matul il-perjodu aħħari tad-dinastija Shang (mill-ħabta tal-1250 sal-ħabta tal-1046 Q.K.), matul ir-renji ta' 12-il re tad-dinastija Shang. Matul dan iż-żmien feġġet il-kitba tal-għadam tal-oraklu, l-iżjed kitba Ċiniża bikrija magħrufa. Flimkien mal-kitba tal-għadam tal-oraklu u evidenza materjali oħra dwar l-eżistenza tad-dinastija Shang, is-sit intesa għal millenji sħaħ. Meta reġa' ġie skopert fl-1899, twettqet investigazzjoni fir-rigward tal-għadam tal-oraklu li nstab li kien qed jinbiegħ fil-qrib. L-iskoperta mill-ġdid ta' Yin Xu mmarkat il-bidu ta' deċennji ta' skavi u studji intensivi. Dan is-sit huwa wieħed mill-eqdem u mill-ikbar siti arkeoloġiċi fiċ-Ċina, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1] Yin Xu jinsab fit-Tramuntana ta' Henan, qrib il-belt moderna attwali ta' Anyang u l-konfini kondiviżi bejn Henan, Hebei u Shanxi. L-aċċess tal-pubbliku fis-sit huwa permess.

Yin Xu.

Storja tradizzjonali

immodifika

Skont id-dizzjunarju tas-seklu 2 ta' Shuowen Jiezi (biċ-Ċiniż: 說文解字), il-karattru Ċiniż "殷" (yīn) oriġinarjament kien jirreferi għad-"daqq ta' mużika vibranti". Għalkemm jintuża spiss matul l-istorja bil-miktub bħala referenza għad-dinastija Shang u għall-belt kapitali finali tagħha, l-isem Yīn (biċ-Ċiniż: 殷) milli jidher ma ntużax b'dan il-mod qabel id-dinastija Zhou li ġiet wara. B'mod partikolari, milli jidher l-isem ma ntużax fl-għadam tal-oraklu, fejn issir referenza għall-istat bħala Shāng (biċ-Ċiniż: 商), u għall-belt kapitali finali tagħha bħala Dàyì Shāng (biċ-Ċiniż: 大邑商; litteralment "l-Insedjament il-Kbir tad-dinastija Shang").[2]

Fost id-dokumenti storiċi Ċiniżi li għadhom eżistenti, Yin tiġi deskritta bħala l-belt kapitali finali tad-dinastija Shang. Madankollu, ma hemmx qbil dwar meta seħħ it-trasferiment tal-belt kapitali għal Yin. Kemm il-Ktieb tad-Dokumenti, (speċifikament fil-kapitlu dwar "Pan Geng", li huwa maħsub li jmur lura għall-aħħar tar-rebbiegħa u l-bidu tal-ħarifa), kif ukoll l-Annali tal-Bambù jiddikjaraw li r-re tad-dinastija Shang Pan Geng ittrasferixxa l-belt kapitali għal Yin. L-Annali tal-Bambù jiddikjaraw, b'mod iktar speċifiku, li matul ir-renju tiegħu, Pan Geng ittrasferixxa l-belt kapitali minn Yān (biċ-Ċiniż: 奄; illum il-ġurnata Qufu, fil-Provinċja ta' Shandong), għal sit imsejjaħ Běimĕng (biċ-Ċiniż: 北蒙), where it was then renamed to Yīn (biċ-Ċiniż: 殷).[3] Min-naħa l-oħra, skont ir-Reġistri tal-Istoriku Grandjuż ta' Sima Qian, Pan Geng ittrasferixxa l-belt kapitali tad-dinastija Shang minn sit fit-Tramuntana tax-Xmara Safra għal Bo (biċ-Ċiniż: 亳), il-belt kapitali tal-fundatur tad-dinastija Shang, Tang, fin-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara — sit li mhuwiex konsistenti mas-sit ta' Yin.

Minkejja dan, Yin żgur li ġiet stabbilita bħala l-belt kapitali tad-dinastija Shang sa żmien ir-Re Wu Ding. Wu Ding vara bosta kampanji militari minn din il-bażi kontra t-tribujiet tal-madwar, u b'hekk żgura li t-tmexxija tad-dinastija Shang tilħaq il-qofol tagħha fl-istorja hemmhekk.

Skont il-ġrajjiet tradizzjonali, il-mexxija ta' wara kienu jippreferu jixxalaw minflok jieħdu ħsieb l-affarijiet statali. Ir-Re Zhòu, l-aħħar re tad-dinastija Shang, baqa' jitfakkar għan-nuqqas ta' ħniena u għall-eċċessi tiegħu. Kulma jmur il-liġijiet awtokratiċi tiegħu aljenaw in-nobbli sa ma r-Re Wu tad-dinastija Zhou rnexxielu jikseb l-appoġġ biex jegħleb lid-dinastija Shang u jieħu t-tron f'idejh.

Id-dinastija Zhou stabbiliet il-belt kapitali tagħha f'Fenghao qrib il-belt moderna ta' Xi'an, u Yīn ġiet abbandunata u tħalliet fi stat ta' fdalijiet. Dawn il-fdalijiet issemmew minn Sima Qian fir-Reġistri tal-Istoriku Grandjuż tiegħu, iktar preċiżament fil-Battalja ta' Julu, u ġew deskritti fid-dettall minn Li Daoyuan fil-Kummentarju Klassiku dwar ix-Xmara, ippubblikat matul il-perjodu tad-dinastiji tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana (420-589 W.K.). Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-belt antika ta' Yīn ġiet rrilegata għal leġġenda flimkien mad-dinastija fundatriċi tagħha sa ma ġiet skoperta mill-ġdid fl-aħħar snin tad-dinastija Qing.

Skoperti arkeoloġiċi

immodifika
 
Spapola ta' gendus b'kitba li tirreġistra d-divinazzjonijiet ta' Zhēng (biċ-Ċiniż: 爭) matul ir-renju tar-Re Wu Ding.

Is-sit ta' Yin Xu huwa magħruf sew għall-għadam tal-oraklu, li ġie rrikonoxxut għall-ewwel darba li kien fih kitba Ċiniża tal-qedem fl-1899 minn Wang Yirong, id-direttur tal-Akkademja Imperjali.[4] Rakkont partikolari ta' Wang kien li dak iż-żmien kien qed ibati minħabba l-malarja u t-tabib ordnalu Longgu (biċ-Ċiniż: 龍骨; litteralment "għadam tad-dragun") mingħand spiżerija Ċiniża tradizzjonali. Huwa nnota tinqix stramb fuq dak l-għadam u kkonkluda li dan jaf kien kampjun ta' forma antika ta' kitba Ċiniża.

L-aħbarijiet tal-iskoperta tal-għadam tal-oraklu ħolqu suq għalihom fost il-kollezzjonisti tal-antikwarjat, u wasslu għal diversi mewġiet ta' skavi illegali matul diversi deċennji, fejn ittieħdu għexieren ta' eluf ta' oġġetti.[5] Is-sors tal-"għadam tad-dragun" eventwalment instab li jmur lura għall-villaġġ żgħir ta' Xiaotun, ftit 'il barra minn Anyang. Fl-1910, l-istudjuż magħruf Luo Zhenyu sostna li l-inħawi kienu s-sit tal-aħħar belt kapitali tad-dinastija Shang.[6] Il-missjunarju u l-analist tal-għadam tal-oraklu Kanadiż James Menzies identifika wkoll b'mod indipendenti lil Anyang bħala l-belt kapitali fl-1910.[7] Fl-1917, Wang Guowei ddeċifra l-kitbiet tal-għadam tal-oraklu li kien fihom l-ismijiet tar-rejiet tad-dinastija Shang u bena ġenealoġija sħiħa tad-dinastija Shang. Din kienet taqbel ferm mar-Reġistri tal-Istoriku Grandjuż ta' Sima Qian, li jikkonfermaw l-awtentiċità storika tad-dinastija Shang leġġendarja u l-importanza arkeoloġika ta' Yin Xu. Madankollu, il-kitbiet tal-għadam tal-oraklu jirreġistraw isem l-istat bħala Dàyìshāng (biċ-Ċiniż: 大邑商) jew Shāngyì (biċ-Ċiniż: 商邑).

L-ewwel skavi arkeoloġiċi uffiċjali f'Yin Xu tmexxew mill-arkeologu Li Ji tal-Istitut tal-Istorja u tal-Filosofija mill-1928-1937. Fihom instabu l-fdalijiet ta' palazz irjali, diversi oqbra rjali, u iktar minn 100,000 għadam tal-oraklu li juru li d-dinastija Shang kellha kitba strutturata sew b'sistema kompluta ta' karattri bil-miktub.[8]

Mill-1950 l-iskavi mwettqa mill-Istitut tal-Arkeoloġija tal-Akkademja Ċiniża tax-Xjenzi Soċjali sabu evidenza ta' stratifikazzjoni fis-sit ta' Hougang, fdalijiet ta' palazzi u tempji, ċimiterji rjali, kitbiet tal-għadam tal-oraklu, postijiet tal-produzzjoni tal-bronż u tal-kitbiet tal-għadam, u wasslu għall-iskoperta tas-sit ta' Huanbei max-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Huan. Is-sit huwa wieħed mill-ikbar u l-eqdem siti tal-arkeoloġija Ċiniża, u l-iskavi wittew it-triq għax-xogħol madwar il-pajjiż kollu.

Fis-sit ġew rikonoxxuti erba' perjodi. Dawn huma korelatati bejn wieħed u ieħor mal-perjodi tal-għadam tal-oraklu assenjati minn Dong Zuobin, mar-rejiet u mad-dati assenjati mal-Proġett Kronoloġiku tal-Xia–Shang–Zhou kif ġej:[9][10]

Saff Perjodu tal-għadam tal-oraklu Rejiet Dati approssimattivi
Yin Xu I Pan Geng, Xiao Xin, Xiao Yi 1300–1250 Q.K.
Yin Xu II I Wu Ding 1250–1192 Q.K.
II Zu Geng, Zu Jia 1191–1148 Q.K.
Yin Xu III III Lin Xin, Geng Ding
IV Wu Yi, Wen Wu Ding 1147–1102 Q.K.
Yin Xu IV V Di Yi, Di Xin 1101–1046 Q.K.
 
Foss fil-Qabar ta' Fu Hao.

B'erja ta' 30 kilometru kwadru, Yin Xu huwa l-ikbar sit arkeoloġiku fiċ-Ċina. L-iskavi żvelaw iktar minn 80 sit bil-pedamenti bit-tajn ikkumpattjat, inkluż palazzi, santwarji, oqbra u postijiet tal-produzzjoni. Minn dawn il-fdalijiet l-arkeologi rnexxielhom jikkonfermaw li dan is-sit kien iċ-ċentru spiritwali u kulturali tad-dinastija Shang.

L-iżjed qabar irjali ppreservat sew tad-dinastija Shang li nstab f'Yin Xu huwa l-Qabar ta' Fu Hao. Din kien mexxejja militari u l-mara tar-re tad-dinastija Shang Wu Ding. Il-qabar ġie skopert fl-1976 minn Zheng Zhenxiang u ġie datat li jmur lura għall-1250 Q.K. Ma kien mittiefes xejn meta nstab, għad-differenza tal-oqbra l-oħra li kienu ġarrbu ħsarat minħabba s-serq, u apparti l-fdalijiet tar-reġina l-qabar kien fih ukoll l-iskeletri ta' sitt klieb, 16-il skeletru uman ta' skjavi, u bosta oġġetti funebri ta' valur arkeoloġiku enormi. Il-qabar ġie skavat għalkollox u ġie rrestawrat b'mod estensiv u issa huwa miftuħ għall-pubbliku. Is-sala tal-wirjiet tas-sit fiha wkoll fosos bil-karrijiet fejn instabu l-iżjed kampjuni bikrin ta' karrijiet immexxijin mill-annimali skoperti mill-arkeoloġija Ċiniża.

Importanza storika

immodifika
 
Id-ding (kaldarun) ta' Houmuwu.

Qabel l-iskavi ta' Yin Xu, il-kronoloġija storika Ċiniża kienet tibda fl-ewwel sena tad-dinastija Zhou sussegwenti, iżda l-iskoperta tal-kitbiet tal-għadam tal-oraklu kkonfermat l-istoriċità tad-dinastija Shang, li kienet bdiet tiġi ddubitata. Il-qafas tal-istorja Ċiniża bikrija tal-qedem ġiet rikostruwita, u b'hekk sar possibbli li tiġi vvalutata l-kredibbiltà tal-ġrajjiet tradizzjonali tal-istorja tad-dinastija Shang.

Il-150,000 għadam tal-oraklu li nstabu f'Yin Xu jinkludu l-biċċa l-kbira tal-iżjed evidenza bikrija taċ-Ċiniż bil-miktub. Instabu wkoll oġġetti tal-bronż u tal-ġada li huma evidenza tad-drawwiet funebri f'Yin Xu, inkluż is-sagrifiċċji umani u tal-annimali.[11]

Għadd kbir ta' oġġetti tal-artiġjanat u postijiet tal-produzzjoni tal-artiġjanat ġew skoperti f'Yin Xu. Id-disinni fuq l-utensili u fuq l-oġġetti tal-bronż jinkludu dawk li qishom uċuħ tal-annimali, disinni ta' ċrieki konċentriċi u disinni ta' taotie. L-ammont kbir ta' oġġetti tal-bronż li ġew skavati fis-sit bħall-kaldarun ta' Houmuwu ġew prodotti bi proċess elaborat bil-forom.[12]

Studji ġenetiċi

immodifika

Studju tad-DNA mitokondrijali (li ntiret mil-linja materna) mill-oqbra ta' Yin Xu wera li hemm similarità mal-Han Ċiniżi moderni tat-Tramuntana, iżda differenzi sinifikanti mal-Han Ċiniżi tan-Nofsinhar.[13]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Yin Xu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "Yin Xu". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-03.
  2. ^ Keightley, David N. (1999), "The Shang: China's first historical dynasty", in Loewe, Michael; Shaughnessy, Edward L. (eds.), The Cambridge History of Ancient China, Cambridge: Cambridge University Press, pp. 232–291, ISBN 978-0-521-47030-8. p. 232.
  3. ^ Bai, Shouyi (2002). An Outline History of China. Beijing: Foreign Language Press. ISBN 7-119-02347-0.
  4. ^ Chou, Hung-hsiang 周鴻翔 (1976). Oracle Bone Collections in the United States. University of California Press. ISBN 0-520-09534-0. p. 1.
  5. ^ Xu, Yahui (許雅惠 Hsu Ya-huei) (2002). Ancient Chinese Writing, Oracle Bone Inscriptions from the Ruins of Yin. English translation by Mark Caltonhill and Jeff Moser. Taipei: National Palace Museum. ISBN 978-957-562-420-0. p. 6.
  6. ^ Wilkinson, Endymion (2000). Chinese History: A Manual (2nd ed.). Harvard University Asia Center. ISBN 978-0-674-00249-4. p. 391.
  7. ^ Goodrich, L. Carrington (August 1957). "James Mellon Menzies, 1885–1957". The Journal of Asian Studies. 16 (4): 672–673.
  8. ^ "CCTV-English Channel-travelogue". www.cctv.com. Miġbur 2024-09-03.
  9. ^ Thorp, Robert L. (1981). "The Date of Tomb 5 at Yinxu, Anyang: A Review Article". Artibus Asiae. 43 (3): 239–246. p. 241.
  10. ^ XSZCP Group (2000), Xià-Shāng-Zhōu duàndài gōngchéng 1996—2000 nián jiēduàn chéngguǒ bàogào: Jiǎn běn 夏商周断代工程1996—2000年阶段成果报告: 简本 [The Xia-Shang-Zhou Chronology Project Report for the years 1996–2000 (abridged)], Beijing: 世界图书出版公司, ISBN 978-7-5062-4138-0.
  11. ^ Zhou Yaogang (周要港) (2020). 文化遗产价值的评估——以安阳殷墟为例. 洛阳考古 (in Chinese). 2: 71.
  12. ^ Peng, Peng (2021). "Decentralizing the Origin of Civilization: Early Archaeological Efforts in China". History of Humanities. 6 (2): 515–548.
  13. ^ Zeng, Wen; Li, Jiawei; Yue, Hongbin; Zhou, Hui; Zhu, Hong (2013). Poster: Preliminary Research on Hereditary Features of Yinxu Population. 82nd Annual Meeting of the American Association of Physical Anthropologists.