Wied ta' Qadisha

wied fil-Governorat tat-Tramuntana tal-Libanu

Il-Wied ta' Qadisha (bl-Għarbi: وادي قاديشا), magħruf ukoll bħala l-Fondoq ta' Qadisha jew Wadi Qadisha (bil-Franċiż: Ouadi Qadisha), huwa fondoq li jinsab fi ħdan id-Distretti ta' Bsharri u ta' Zgharta tal-Governorat ta' Libanu. Il-wied issawwar mix-xmara Qadisha, magħrufa wkoll bħala Nahr Abu Ali meta tasal f'Tripoli. Qadisha tfisser "Sagru" bl-Aramajk, u l-wied xi kultant jissejjaħ il-Wied Sagru. Għal bosta sekli l-wied laqa' komunitajiet monastiċi Kristjani. Il-wied jinsab taħt l-Għolja ta' Al-Makmal fit-Tramuntana tal-Libanu.

Il-Wied ta' Qadisha.

L-integrità tal-wied tinsab f'riskju minħabba t-tkabbir tal-insedjamenti umani, il-kostruzzjoni illegali, u l-attività inkonsistenti tal-konservazzjoni. Għalkemm is-sit ma tniżżilx fil-lista tas-siti fil-periklu tal-UNESCO,[1] kien hemm twissijiet li t-tkasbir kontinwu jista' jwassal għal dan il-pass.[2]

 
Bsharri.

Il-Wied Sagru, Nahr Qadisha, inixxi għal 35 kilometru mis-sors tiegħu f'għar (grotta) ftit 'l isfel mill-Foresta taċ-Ċedri ta' Alla. Il-ġnub tal-wied huma rdumijiet weqfin li fihom bosta għerien, spiss f'għoli ta' iktar minn 1,000 metru u kollha b'aċċess diffiċli. L-iżjed sezzjoni xenika tal-wied hija estiża għal bejn wieħed u ieħor 20 kilometru bejn Bsharri (bl-Għarbi: بشري), raħal twelid Kahlil Gibran, u Tourza (bl-Għarbi: طورزا).

Iċ-Ċedri ta' Alla

immodifika

Il-Wied ta' Kadisha jinsab qrib il-Foresta taċ-Ċedri ta' Alla, bis-siġar taċ-ċedru antiki tal-Libanu, wieħed mill-iprem materjali tal-bini fid-dinja tal-qedem.[3] Il-foresta jingħad li fiha 375 siġra individwali; tnejn minnhom jingħad li għandhom iktar minn 3,000 sena, għaxra minnhom għandhom iktar minn 1,000 sena, u l-kumplament għandhom mill-inqas mijiet ta' snin. Iċ-Ċedru ta' Libanu (Cedrus Libani) jiġi deskritt fid-dokumenti tal-qedem dwar il-botanika bħala l-eqdem siġra fid-dinja. Kien ammirat mill-Iżraeliti, li ġabuh magħhom f'arthom biex jibnu l-ewwel u t-tieni tempji f'Ġerusalemm. Sorsi storiċi jirrapportaw li l-foresti taċ-ċedru bdew jgħebu fi żmien Ġustinjanu fis-seklu 6 W.K.

 
Wieħed mill-għerien fil-Wied ta' Qadisha.

Il-bosta għerien naturali tal-Wied ta' Qadisha ntużaw bħala postijiet għall-kenn u bħala oqbra saħansitra mill-perjodu Paleolitiku. Fl-Għar ta' Aassi Hauqqa b'mod partikolari, qrib Hawqa, instabu oġġetti arkeoloġiċi li jindikaw l-użu Paleolitiku, Ruman u Medjevali. Mis-sekli bikrin tal-Kristjaneżmu, il-Wied Sagru ntuża bħala refuġju għal dawk li riedu joqogħdu waħedhom għall-kwiet. L-istoriċi jemmnu li fil-Wied ta' Qadisha kien hemm komunitajiet monastiċi kontinwament mis-snin bikrin tal-Kristjaneżmu. Għal xi żmien kien ukoll destinazzjoni tal-mistiċi Musulmani Sufisti, li kienu jżuru s-sit biex jimmeditaw jew biex joqogħdu waħedhom għall-kwiet.

Il-patrijiet Maroniti stabbilew iċ-ċentru l-ġdid tagħhom f'Qannubin, fil-qalba tal-Wied ta' Qadisha, u l-monasteri malajr infirxu fl-għoljiet tal-madwar. L-insedjament Maronit bikri fil-wied kien iżewweġ il-ħajja komunitarja u eremitika.

 
L-irdumijiet u l-għerien ta' Hadchit.

Is-slaten Mamluk Baibars u Qalaoun mexxew kampanji militari fl-1268 u fl-1283, rispettivament, kontra l-fortizzi-għerien, il-monasteri, u l-villaġġi tal-madwar. Minkejja dawn l-attakki, il-monasteru ta' Deir Qannubin sar is-sede tal-Patriarka Maronit fis-seklu 15 u baqa' hekk għal 500 sena. Fis-seklu 17, ir-reputazzjoni tal-patrijiet Maroniti għad-devozzjoni reliġjuża ġiet promossa permezz tal-iskola Maronita stabbilita f'Ruma fl-1584. Bis-saħħa ta' din ir-reputazzjoni, bosta poeti, storiċi, ġeografi, politiċi u membri tal-kleru Ewropej żaru s-sede u saħansitra baqgħu jgħixu fil-Wied. L-ewwel stamperija fil-Lvant Nofsani ġiet stabbilita fl-1585 fil-Monasteru ta' Qozhaya fil-Wied ta' Qadisha, u fl-1610 ġie ppubblikat l-ewwel ktieb tagħha, il-Ktieb tas-Salmi bis-Sirjan b'karattri Sirjani. Barra minn hekk, din l-istamperija kienet l-ewwel waħda li stampat kotba bl-Għarbi.[4]

Mumji ta' Qadisha

immodifika

Tmien mumji naturali ppreservati ta' ċittadini tal-villaġġi li jmorru lura għall-ħabta tal-1283 instabu minn Fadi Baroudy, Pierre Abi Aoun, Paul Kahawaja u Antoine Ghaouch, tim ta' speleologi[5] mill-organizzazzjoni xjentifika GERSL fil-Wied ta' Qadisha bejn l-1989 u l-1991. Dawn instabu fl-Għar ta' 'Asi-al Hadath flimkien ma' ġabra ta' artefatti.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Ouadi Qadisha (il-Wied Sagru) u l-Foresta taċ-Ċedri ta' God (Horsh Arz el-Rab) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998 minħabba l-importanza tas-sit għal uħud mill-iżjed insedjamenti monastiċi Krisjtani bikrin fid-dinja, u l-importanza kontinwa tas-sit għall-fidi Kristjana.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[7]

Monastiċiżmu Kristjan

immodifika
 
Salib qrib il-Monasteru ta' Qozhaya.

Il-Wied ta' Qadisha (il-Wied Sagru) fih uħud mill-iżjed komunitajiet monastiċi Kristjani antiki tal-Lvant Nofsani. L-għerien naturali tal-wied, peress li ma kellhomx wisq kumditajiet, kienu sparpaljati, u l-aċċess għalihom kien diffiċli, kienu jipprovdu biżżejjed kundizzjonijiet iżolati u mhux ospitabbli għall-patrijiet u għall-eremiti biex jgħixu l-ħajja Kristjana fis-skiet, fil-kontemplazzjoni u fid-devozzjoni. Bosta mill-għerien u mill-irregolaritajiet fil-ġnub tal-irdumijiet ġew adattati biex jintużaw bħala abitazzjonijiet individwali (ċelel), kappelli u monasteri, u tali binjiet komplew jitħaffru fl-irdumijiet tal-wied. Uħud minn ġewwa ġew imżejna bl-affreski u bil-faċċati. Madwar l-għerien hemm għelieqi mtarrġa magħmula mill-eremiti għat-tkabbir tal-qmuħ, tal-għeneb u taż-żebbuġ.

Filwaqt li hemm bosta monasteri fil-wied, hemm ukoll diversi kumplessi monastiċi prinċipali:

Monasteru ta' Qannubin

immodifika

Il-Monasteru ta' Qannubin (bl-Għarbi: Deir Qannubin (دير قنوبين)) jinsab fuq in-naħa tal-Grigal tal-Wied ta' Qadisha. Għalkemm l-istabbiliment tal-monasteru spiss jiġi attribwit lill-Imperatur Teodożju l-Kbir fit-375 W.K., x'aktarx li ġie stabbilit iktar minn dixxiplu ta' San Teodożju ċ-Ċenobit. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-monasteru tħaffer fil-blat ta' ġenb l-irdum u fih ċelel monastiċi, knisja, kjostru u akkomodazzjoni għall-vjaġġaturi.

Mis-seklu 15, Qannubin sar is-sede tal-Patriarka Maronit.

Monasteru ta' Sant'Antnin ta' Qozhaya

immodifika
 
Il-Monasteru ta' Qozhaya.

Il-Monasteru ta' Qozhaya (bl-Għarbi: Deir Mar Antonios Qozhaya (دير مارانطﻮنيوﺱ ﻗﺰحيا)) jinsab fuq in-naħa opposta tal-Wied ta' Qadisha fejn hemm il-Monasteru ta' Qannubin. Skont it-tradizzjoni ġie stabbilit fis-seklu 4 minn San Hilarion, f'ġieħ l-ankorit Eġizzjan, Sant'Antnin il-Kbir, għalkemm l-iżjed rekords dokumentarji bikrin imorru lura għall-ħabta tas-sena 1000. Inqered fis-seklu 16 iżda malajr ġie rrestawrat. Fih kuritur, kamra tal-laqgħat, kappella, mitħna u għadd ta' eremitaġġi mħaffrin fil-blat fil-qrib.

Il-monasteru fih ukoll l-ewwel stamperija tal-Lvant Nofsani li ġiet ivvintata fl-1610. L-ewwel ktieb li ġie stampat kien Ktieb tas-Salmi bilingwi b'260 paġna b'folji żgħar. Is-salmi huma rranġati f'żewġ kolonni, fuq il-lemin hemm it-test bis-Sirjan u fuq ix-xellug hemm it-test bl-Għarbi, iżda miktub b'ittri Sirjani, magħruf bħala Garshuni.[8]

Monasteru tal-Madonna ta' Hawqa

immodifika

Saydet Hawqa jinsab f'altitudni ta' 1,150 metru bejn il-Monasteri ta' Qannubin u ta' Qozhaya, fil-bażi ta' għar enormi. Il-monasteru ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 13 miċ-ċittadini tal-villaġġ ta' Hawqa. L-eremitaġġ milli jidher kien stabbilit fuq pjattaforma wiesgħa f'għoli medju, fejn kien hemm ġibjun tal-ilma alimentat minn kanali. Fuq nett, aċċessibbli biss b'sellum, hemm għar twil madwar 47 metru, fejn instabu għadd ta' bċejjeċ Medjevali tal-fuħħar u ponot tal-vleġeġ li jissuġġerixxu li kien jintuża bħala refuġju. Instabu wkoll traċċi ta' fortifikazzjonijiet fl-Għar ta' Aassi Hauqqa f'altitudni ta' 1,170 metru. Is-sejbiet arkeoloġiċi juru li dan l-għar kien jintuża fil-Paleolitiku, fi żmien ir-Rumani u fil-Medju Evu.

Monasteru ta' Mar Sarkis

immodifika
 
Il-Monasteru tal-Qaddisin Sarkis u Bakhos, Ehden.

Il-Monasteru ta' Mar Sarkis, imsejjaħ ukoll Ras Al Nahr, jinsab fuq Ehden, Kfarsghab, Bane u Hadath El Jebbeh. Minħabba l-pożizzjoni eċċezzjonali tiegħu fuq il-wied f'altitudni ta' 1,500 metru, il-monasteru huwa mlaqqam bħala l-Għassies ta' Qadisha. Huwa ddedikat lill-Qaddisin Sarkis u Bakhos (San Sergius u Bacchus). L-isem Ras Al Nahr ifisser il-quċċata tax-xmara peress li jinsab qrib is-sors ta' Mar Sarkis, il-kontributur prinċipali tax-xmara Qlaynsieh li tingħaqad max-xmara Qannubin fil-wied.

 
Il-Monasteru ta' Mar Elisha mperreċ mal-irdum.

L-ewwel knisja tal-Qaddisin Sarkis u Bakhos inbniet f'nofs is-seklu 8 W.K. fuq il-fdalijiet ta' tempju tal-Kananiti ddedikat lil divinità tal-agrikoltura. Maġenbha nbniet knisja oħra ddedikat lill-Madonna fl-1198. Diversi binjiet inbnew mill-1404 sal-1690, meta l-Patriarka Estephan Douaihy irrestawra parti mill-binjiet.

Monasteru ta' Mar Lishaa

immodifika

Il-Monasteru ta' Mar Lishaa jew St Elisha (دير مار ﺃليشع) imsemmi għall-ewwel darba fis-seklu 14, huwa kondiviż bejn żewġ komunitajiet, ordni Maronit solitarju u l-ordni tal-Karmlitani Ħafjin. Jikkonsisti minn tlieta jew erba' ċelel żgħar, refettorju, u xi uffiċċji; il-knisja komunali tinkludi erba' kappelli mħaffra fil-blat.

Monasteri oħra

immodifika

Stabbilimenti monastiċi oħra fil-Wied ta' Qadisha huma l-Monasteru ta' Mar Girgis, bil-Kappella ta' Mar Challita, il-Monasteru ta' Mar Yuhanna, il-Monasteru ta' Mar Abun, bl-Eremitaġġ ta' Mar Sarkis, u l-Monasteru ta' Mart Moura, Ehden u oħrajn.

Hemm grupp ieħor ta' monasteri fil-Wied ta' Hadchit (Ouadi Houlat) fil-qrib. Dawn jinkludu l-kumplessi tal-monasteri-eremitaġġi ta' Deir es-Salib, ta' Mar Antonios, ta' Mar Semaane, u ta' Mar Assia, flimkien mal-kappelli iżolati ta' Mar Bohna u ta' Mar Chmouna.

Irħula, villaġġi u monasteri

immodifika
  • Fid-Distrett ta' Bsharri

Bsharri, Dimane, Bane, Tourza, Hasroun, Bazaoun, Bqarqacha, Bqaa Kafra, Braissat, Hadchit, Blaouza, Hadath, il-Monasteru ta' Qannoubine, il-Monasteru ta' Hawqa.

  • Fid-Distrett ta' Zgharta

Arbet Qozhaya, Ehden, Kfarsghab, Hawqa, Aintourine, Sereel, El Fradiss, Mazraat En Nahr, Beit Balais, il-Monasteru ta' Qozhaya, il-Monasteru ta' Mar Sarkis, Ras Al Nahr.

 

Referenzi

immodifika
  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-02.
  2. ^ "UNESCO Threatens to Remove Qadisha Valley from World Heritage List - Naharnet Newsdesk". web.archive.org. 2011-07-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-26. Miġbur 2023-12-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Dokument tan-Nominazzjoni" (PDF).
  4. ^ "History of Lebanon". web.archive.org. 2008-03-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-03-16. Miġbur 2023-12-02.
  5. ^ Abi Aoun B., Baroudy F., Ghaouch A. Khawaja P and alias Momies du Liban: Rapport préliminaire sur la découverte archaéologique de 'Asi-al-Hadat (XIIIe siècle), Franza, Édifra, 1994.
  6. ^ "Asi l Hadath - Fortified Cave | GERSL : Speleology : Lebanon" (bl-Ingliż). 1989-12-06. Miġbur 2023-12-02.
  7. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ouadi Qadisha (the Holy Valley) and the Forest of the Cedars of God (Horsh Arz el-Rab)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-02.
  8. ^ "The Maronite Monastery of St. Anthony at Qozhaya Issues the Qozhaya Psalter, the First Book Printed in the Arab World : History of Information". www.historyofinformation.com. Miġbur 2023-12-02.