Wied ta' M'zab

wied fl-Alġerija

Il-Wied ta' M'zab jew Mzab (bil-Możabit: Aghlan, bl-Għarbi: مزاب, b'ittri Rumani: Mzāb) huwa reġjun naturali tat-Tramuntana tad-Deżert tas-Saħara fil-Provinċja ta' Ghardaïa, l-Alġerija. Jinsab 600 kilometru (370 mil) fin-Nofsinhar tal-Alġier u fih jgħixu madwar 360,000 abitant (skont stima tal-2005).[1]

Ghardaia u l-Wied ta' M'zab fl-isfond.

Ġeoloġija

immodifika

Il-Wied ta' M'zab (magħruf ukoll bħala Oued M'zab) huwa promontorju tal-ġebla tal-ġir.

Il-Możabiti ("Ath Mzab") huma fergħa ta' tribù Berbera kbira, l-Iznaten, li kienu jgħixu f'żoni kbar tal-qalba tan-Nofsinhar tal-Alġerija. Bosta ittri u simboli tat-Tifinagh huma mnaqqxa madwar il-Wied ta' M'zab.

Wara l-ħakma Musulmana tal-Magreb, il-Możabiti saru Musulmani skont l-iskola Mu'tazili. Il-popolazzjoni Kristjana indiġena baqgħet tippersisti sas-seklu 11. Wara l-waqgħa tal-istat Rustamida, il-familja rjali tar-Rustamidi flimkien ma' wħud miċ-ċittadini tagħhom għażlu l-Wied ta' M'zab bħala refuġju tagħhom. Madankollu, ir-Rustamidi kienu Ibadi u bagħtu predikatur (Abu Bakr an-Nafusi) li rnexxielu jikkonverti l-Możabiti indiġeni.

Franza invadiet l-Alġerija fl-1830. Il-Wied ta' M'zab ġie anness ma' Franza fl-1882 biss u reġa' lura taħt il-kontroll tal-indiġeni Alġerini fis-sajf tal-1962 permezz tal-indipendenza nazzjonali. Ghardaia (Taghardait) hija l-belt kapitali u l-belt prinċipali tal-Wied ta' M'zab, filwaqt li El Atteuf (Tajnint) huwa l-eqdem insedjament fir-reġjun. Beni Isguen (At Isgen) huwa l-iżjed raħal Iżlamiku Berberu sagru. L-aċċess huwa pprojbit f'diversi sezzjonijiet tar-raħal għal dawk kollha li mhumiex Możabiti u l-barranin kollha ma jistgħux iqattgħu lejn fi ħdan il-ħitan tiegħu. Melika (At Mlichet) hija popolata b'raħal kabily imsejjaħ Mlikch li għadu sa issa jinsab qrib Bouira, u fih diversi ċimiterji spazjużi u moskea storika fiċ-ċentru tal-ksar (jew ksour), filwaqt li Bounoura (At Bounour) huwa ksar storiku b'għalqa tas-siġar tal-palm f'Azwil, u El Guerrara (Igraren) u Berriane (Iberguen) ilhom jiffurmaw parti mill-Wied ta' M'zab mis-seklu 17.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Wied ta' M'zab ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

Arkitettura

immodifika
 
Immaġni satellitari tal-Wied ta' M'zab.

Hemm ħames qsur jew ksour, jiġifieri "villaġġi mdawra bil-ħitan", li jinsabu fuq promontorji bil-blat tul il-Wied ta' M'zab, u kollettivament huma magħrufa bħala l-Pentapoli. Ġew stabbiliti bejn l-1012 u l-1350, u huma: Ghardaïa (Tagherdayt), l-insedjament prinċipali llum il-ġurnata; Beni Isguen (At Isjen) (bl-Għarbi: بني يزقن); Melika (At Mlishet); Bounoura (At Bunur); u El Atteuf (Tajnint), l-eqdem fost il-ħames insedjamenti. Barra minn hekk, dan l-aħħar żdiedu wkoll l-insedjamenti reċenti ta' Bérianne u ta' El Guerrara, li kollettivament mal-ħames ksour l-oħra huma magħrufa bħala l-Eptopoli ta' M'zab.[4]

Il-puriżmu funzjonali tal-fidi Ibāḍī flimkien mal-istil ta' għajxien meħtieġ qrib oażi wasslu għal organizzazzjoni rigoruża tal-art u tal-ispazji. Kull ċittadella għandha moskea qisha fortizza, b'minaret li kien jintuża wkoll bħala torri tal-għassa. Id-djar ta' daqs u ta' tip standard kienu jinbnew fi ċrieki konċentriċi madwar il-moskea. L-arkitettura tal-insedjamenti tal-Wied ta' M'zab kienet iddisinjata għall-għajxien komunali egalitarju, b'rispett għall-privatezza tal-familji. L-istil ta' kostruzzjoni tal-Wied ta' M'zab huwa ta' tip Libjan-Feniċju, iktar speċifikament stil Berberu, u ġie replikat f'partijiet oħra tas-Saħara.[5]

Fis-sajf, il-Możabiti kienu jwettqu migrazzjoni lejn iċ-"ċittadelli tas-sajf" iċċentrati fl-oażi tas-siġar tal-palm. Il-wied jirrappreżenta wieħed mill-gruppi ewlenin ta' oażi tad-Deżert tas-Saħara, u huwa kkonfinat b'art arida magħrufa bħala chebka, mimlija baċiri ta' xmajjar nexfin.

Il-Wied ta' M'zab tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982 bħala eżempju intatt ta' ħabitat uman tradizzjonali adattat għall-ambjent tal-madwar.[3]

Soċjetà

immodifika

In-natura iżolata tal-Ibāḍiyya għenet biex l-inħawi jibqgħu ppreservati tajjeb, u biex l-Ibāḍī Σezzaba jibqgħu jiddominaw il-ħajja soċjali fl-inħawi. Kunsill federali, Majlis Ammi Said, jiġbor flimkien ir-rappreżentanti tas-seba' insedjamenti kif ukoll ta' Ouargla, raħal antik li jinsab 200 kilometru fix-Xlokk tal-Wied ta' M'zab. Dan il-kunsill jifforma korp federattiv għal kwistjonijiet reliġjużi, soċjali u kulma jmur kulturali. Dan il-kunsill federali reliġjuż jirrappreżenta "tip ta' governanza Iżlamika" unika.

 
Ghardaïa.

Bosta affarijiet mill-ħajja soċjali tal-Ibāḍiyya huma rregolati minn din is-sistema ta' governanza Iżlamika, bħall-piż tad-deheb li jingħata bħala dota lin-nisa (massimu ta' 60 gramma) u t-tul taċ-ċelebrazzjonijiet tat-tiġjiet (tlett ijiem). Il-kunsill jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet oħra marbuta mad-doti, maċ-ċelebrazzjonijiet u mal-ilbies. Fl-imgħoddi kien jimponi pieni bħall-eżilju u forma ta' "kwarantina tabriyya", fejn min kien iwettaq reat ma setax jinteraġixxi ma' ċittadini oħra. Madankollu, bl-integrazzjoni ekonomika, soċjali u politika fl-Alġerija, dawn is-sanzjonijiet saru inqas effettivi, u spiss ikollhom impatt ikbar fuq in-nisa.

Il-lingwa lokali tal-Wied ta' M'zab hija l-Możabit (Tumẓabt), fergħa tal-grupp Zenati ta' lingwi Berberi.

Ghardaya huwa wieħed mill-erba' territorji militari u amministrattivi kbar li fihom huwa maqsum in-Nofsinhar tal-Alġerija.

Demografija

immodifika

Iċ-ċittadini tal-Wied ta' M'zab huma l-Ibadi.[6]

Nies notevoli

immodifika

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Ghardaia Algeria - Travel to the Mzab Valley". www.globosapiens.net. Miġbur 2023-10-19.
  2. ^ "M'zab". www.jewishvirtuallibrary.org. Miġbur 2023-10-19.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "M'Zab Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
  4. ^ Urwin, Simon. "The fortified cities on the fringes of the Sahara". www.bbc.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
  5. ^ Houtsma, Martijn Theodoor (1987). "Mzab". E.J. Brill's first encyclopaedia of Islam, 1913–1936. Vol. 2. BRILL. p. 167. ISBN 90-04-08265-4.
  6. ^ Glassé, Cyril. 2008. The New Encyclopedia of Islam. Walnut Creek CA: AltraMira Press, p. 39.