Twyfelfontein

sit tat-tinqix u tat-tpittir fuq il-blat fin-Namibja

Twyfelfontein (bl-Afrikaans tfisser litteralment fawwara inċerta), uffiċjalment magħruf bħala ǀUi-ǁAis (bid-Damara/bin-Nama tfisser litteralment ġibjun tal-qbiż), huwa sit bit-tinqix tal-qedem fuq il-blat fir-Reġjun ta' Kunene fil-Majjistral tan-Namibja. Jikkonsisti minn fawwara f'wied li mal-ġnub tiegħu fih ix-xaqlibiet ta' muntanja ċatta tal-ġebel ramli li ma tantx tinżel wisq xita fuqha u li tesperjenza firxa wiesgħa ta' temperaturi binhar.

It-tinqix fuq il-blat ta' Twyfelfontein, fejn l-annimali tnaqqxu l-ewwel, segwiti miċ-ċrieki ta' fuqhom.

Is-sit ilu abitat għal 6,000 sena, l-ewwel minn kaċċaturi-ġemmiegħa u iktar 'il quddiem minn rgħajja Khoikhoi. Iż-żewġ gruppi etniċi kienu jużawha bħala post ta' qima u bħala post għat-twettiq ta' ritwali xamaniċi. Matul dawn ir-ritwali, inħolqu mill-inqas 2,500 tinqixa fuq il-blat, kif ukoll xi ftit tpittir fuq il-blat. Peress li fis-sit hemm waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' petroglifiċi fl-Afrika, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]

Il-wied ta' Twyfelfontein ġie abitat minn kaċċaturi-ġemmiegħa ta' Żmien il-Ħaġar tal-grupp kulturali ta' Wilton madwar 6,000 sena ilu. Dan il-grupp wettaq il-biċċa l-kbira tat-tinqix u x'aktarx it-tpittir kollu fuq il-blat. Bejn 2,000 u 2,500 sena ilu, il-Khoikhoi, grupp etniku b'rabta mas-San (Bushmen), kien jokkupa l-wied, li dak iż-żmien kien magħruf bl-isem tiegħu bid-Damara/bin-Nama bħala ǀUi-ǁAis (ġibjun tal-qbiż). Il-Khoikhoi pproduċew ukoll tpittir fuq il-blat li jista' jiġi distint b'mod ċar mit-tinqix l-antik.[2]

L-inħawi ma ġewx abitati mill-Ewropej qabel il-perjodu ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta nixfa kbira wasslet biex xi bdiewa li jitkellmu bl-Afrikaans (Boers) imorru jgħixu hemmhekk. Iktar 'il quddiem ir-raba' ġie akkwistat mill-gvern tal-apartheid bħala parti mill-Pjan ta' Odendaal u sar parti mill-bantustan ta' Damaraland. L-insedjaturi ta' karnaġjon bajda telqu fl-1965.[3]

It-topografu Reinhard Maack, li skopra wkoll it-tpittir fuq il-blat tal-Mara l-Bajda f'Brandberg, irrapporta l-preżenza ta' tinqix fuq il-blat fl-inħawi fl-1921.[4] Investigazzjoni iktar bir-reqqa twettqet biss wara li David Levin studja l-vijabbiltà tal-attività agrikola fl-1947. Huwa reġa' skopra l-fawwara iżda tħabat biex jasal għall-estrazzjoni ta' biżżejjed ilma biex isostni l-familja u l-merħla tiegħu. Bil-mod il-mod sar ossessjonat bid-dubji dwar il-kapaċità tal-fawwara, u ħabib tiegħu li kien jitkellem bl-Afrikaans beda jsejjaħlu David Twyfelfontein (David Dubji dwar il-Fawwara) minħabba f'hekk. Meta Levin xtara l-art u rreġistraha fl-1948, huwa taha l-isem ta' Twyfelfontein.[5] Filwaqt li spiss tiġi tradotta bħala fawwara dubjuża, traduzzjoni iktar bir-reqqa tal-kelma twyfel hija "inċerta".[6]

Fl-1950 l-investigazzjoni xjentifika tal-arti fuq il-blat bdiet b'investigazzjoni minn Ernst Rudolph Scherz li ddeskriva iktar minn 2,500 tinqixa fuq 212-il ħaġra tal-ġebel ramli.[7] Illum il-ġurnata huwa stmat li s-sit fih iktar minn 5,000 xbieha individwali.

Pożizzjoni u deskrizzjoni

immodifika
 
It-tpittir ta' raġel fuq il-blat.

Twyfelfontein jinsab fin-Nofsinhar tar-Reġjun ta' Kunene tan-Namibja, f'żona li qabel kienet magħrufa bħala Damaraland. Is-sit jinsab fuq ix-xtut tax-xmara Aba Huab fil-wied ta' Huab tal-formazzjoni tal-Għolja ta' Etjo. Il-blat li fuqu hemm l-arti jinsab f'wied imdawwar bix-xaqlibiet ta' muntanja ċatta tal-ġebel ramli. Akwifer ta' taħt l-art fuq saff impermeabbli tax-shale jsostni fawwara f'din iż-żona tassew niexfa. L-isem Twyfelfontein jirreferi għall-fawwara stess, għall-wied li fih il-fawwara, u fil-kuntest tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu anke għal żona usa' li fiha attrazzjonijiet turistiċi oħra: it-tinqix fuq il-blat, il-formazzjonijiet ġeoloġiċi tal-Pajpijiet tal-Orgni, tal-Muntanja Maħruqa, tal-Krater ta' Doros, u tal-Foresta Petrifikata.[8] Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jkopri ż-żona tat-tinqix u tat-tpittir fuq il-blat.

 
It-tinqix fuq il-blat ta' ġiraffa.

L-inħawi huma magħmula minn żona tranżizzjonali bejn semideżert, savanna u arbuxxelli li tirċievi inqas minn 150 millimetru (5.9 pulzieri) ta' xita fis-sena. It-temperaturi binhar ivarjaw bejn 10 u 28 °C (50 u 82 °F) fix-xahar xitwi ta' Lulju u bejn 21 u 35 °C (70 u 95 °F) fix-xahar sajfi ta' Novembru.[9]

Twyfelfontein jinsab 20 km (12-il mil) fin-Nofsinhar tat-triq ewlenija C39 minn Sesfontein għal Khorixas. Minn hemmhekk is-sit huwa kkollegat permezz tat-triq distrettwali D3214. It-Twyfelfontein Country Lodge jinkludi mitjar taż-żrar. Il-loġġa, is-sit tal-kampeġġ, iċ-ċentru għall-viżitaturi u l-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet turistiċi l-oħra jiġu ġestiti b'mod konġunt bejn is-sidien tal-loġġa u l-Entità tal-Konservazzjoni ta' Twyfelfontein-Uibasen.

 
It-tinqix fuq il-blat ta' ġiraffa u ta' bhejjem tal-ifrat.
 
Rinoċeront.
 
Żebra.

Iż-żona bl-arti fuq il-blat tikkonsisti minn ħmistax-il sit iżgħar li ġew introdotti minn Scherz fl-istħarriġ inizjali tiegħu tas-sit u dawn għadhom jintużaw biex tiġi deskritta l-pożizzjoni tal-opri tal-arti f'Twyfelfontein.[9]

Nru tas-sit Isem tas-sit [Traduzzjoni] Koordinati Kontenut importanti
1 Nördlich des Zeremonienplatzes [Tramuntana mill-Post taċ-Ċerimonji] 20°33′53″S 14°21′52″E
  • 65 tinqixa fuq il-blat.
  • 2 ġiraffi kbar imnaqqxa b'oġġett bil-ponta fin.
2 Zeremonienplatz [Post taċ-Ċerimonji] 20°34′15″S 14°22′11″E
  • Iktar minn 175 tinqixa fuq il-blat.
  • Għar bit-tpittir fuq il-blat.
  • Tinqix rari ta' marki tal-idejn.
3 Die Sieben Tafeln [Is-Seba' Ħaġriet] 20°34′27″S 14°22′38″E
  • 150–175 tinqixa fuq il-blat.
  • 2 tinqixiet sovraimposti.
  • Raggruppament ta' marka ta' sieq umana b'4 swaba' u ta' ġenitur u l-wild tiegħu/tagħha.
4 Periferija ta' Die Sieben Tafeln [Is-Seba' Ħaġriet] 20°34′35″S 14°22′34″E
  • 2 ġiraffi f'kundizzjoni eċċellenti.
  • Xogħol mhux irfinut, x'aktarx ta' xakall.
5 Hasenblock [Blata tal-Liebru] 20°34′45″S 14°22′23″E
  • 40 tinqixa u 30 tpittir.
  • 18-il xbieha umana b'pożi differenti.
  • Barri kudu bil-qrun u b'riġlejn ta' ġiraffa.
6 Kumpless Prinċipali tas-Sit ta' Twyfelfontein 20°34′27″S 14°22′38″E
  • Symbolfelsen [Blata tas-Simboli] bi xbihat ġeometriċi.
  • Tpittir fuq il-blat b'pigmenti ħomor.
7 L-Għalqa tal-Ħaġar 20°35′41″S 14°22′21″E
  • 120 tinqixa fuq il-blat, iktar minn 200 ħofra semiċirkolari fil-blat.
  • Xbieha ta' nagħma magħquda ma' ekwid b'linja b'oġġett bil-ponta.
8 Die große Wohnfläche [Żona l-Kbira tal-Għajxien] 20°35′36″S 14°22′30″E
  • 50 tinqixa fuq il-blat, 43 tpittir fuq il-blat, 70 xbieha ġeometrika.
  • Kudu jiżfen ("Fabeltier").
9 Die südliche Wohnfläche [Żona tal-Għajxien tan-Nofsinhar] 20°35′50″S 14°22′31″E
  • 250 tinqixa fuq il-blat, 40 xbieha ġeometrika.
  • Ġiraffa bi tliet linji mmewwġin ma' rasha.
  • Riesenblock [ħaġra ġganteska] b'ġiraffa bilqiegħda.
10 Die rechte Talseite [In-Naħa tal-Lemin tal-Wied] 20°35′51″S 14°22′30″E
  • 75 tinqixa fuq il-blat fuq 15-il ħaġra.
  • Löwenplatte [il-Ħaġra tal-Iljun] b'iljun antropomorfizzat.
11 Die linke Talseite [In-Naħa tax-Xellug tal-Wied] 20°35′54″S 14°22′31″E
  • 150 tinqixa fuq il-blat fuq 30 ħaġra; bejn wieħed u ieħor 24 xbieha ġeometrika.
  • Affenplatte [Ħaġra tax-Xadina] b'figura umana mnaqqxa b'oġġett bil-ponta.
  • Halbmondplatte [Ħaġra tan-Nofs Qamar] b'ġiraffa bilqiegħda.
  • Iljunfant u rinoċeront ġganteski.
12 Der Westliche Berghang [Ix-Xaqliba tal-Għolja tal-Punent] 20°35′53″S 14°22′29″E
  • Carstenplatte [Ħaġra ta' Carsten] b'diversi tinqixiet ta' annimali b'oġġett bil-ponta.
13 Am Fuß des Westlichen Berghangs [Qiegħ tal-Għolja tal-Punent] 20°35′52″S 14°22′26″E
  • 120 tinqixa fuq il-blat u 10 blokok tal-blat.
  • Blata b'diversi marki tal-annimali u b'felin b'seba' swaba'.
14 Beim Großen Malereiblock [Blokka Kbira tat-Tpittir] 20°35′56″S 14°22′23″E
  • 20 tinqixa u 25 tpittir f'għar.
  • L-iżjed tpittir ippreservat fil-wied.
15 Beim Großen Malereiblock [Fil-Periferija tal-Blokka Kbira tat-Tpittir] 20°35′58″S 14°22′13″E
  • Raggruppament ta' tinqix fuq il-blat ta' annimali u ħofor semiċirkolari.

Opri tal-arti

immodifika
 
It-tpittir Kudu jiżfen.
 
It-tinqix fuq il-blat b'iljun bis-swaba' ta' raġel u denb twil ħafna.

Il-blat tal-ġebel ramli f'Twyfelfontein huwa miksi bl-hekk imsejjaħ verniċ tad-deżert, li huwa saff iebes li jidher kannella jew griż skur. It-tinqix fuq il-blat twettaq b'daqqiet b'oġġett bil-ponta qisu skalpell fuq dan is-saff, biex b'hekk kien jiġi espost il-blat ta' taħt b'lewn iktar ċar. Dan it-tinqix inħoloq matul perjodi differenti f'dawn l-aħħar eluf ta' snin. L-eqdem tinqix x'aktarx li sar xi 10,000 sena ilu, u l-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda x'aktarx li ntemm bil-wasla tat-tribujiet ta' rgħajja għall-ħabta tal-1000 W.K.[10] Tliet tipi differenti ta' tinqix fuq il-blat jistgħu jiġu distinti f'Twyfelfontein:

  • xbihat ikoniċi (xbihat ta' annimali, ta' bnedmin u ta' ħlejjaq tal-fantasija);
  • pittogrammi (arti ġeometrika fuq il-blat, bħal ċrieki b'oġġett bil-ponta jew ringieli ta' tikek);
  • tinqix mill-użu ta' kuljum (ħofor tat-tħin, logħob, ħaġar mużikali).

Barra minn hekk, is-sit fih tpittir fuq il-blat fi 13-il post differenti, bi xbihat ta' bnedmin impittrin bl-okra ħamra f'sitt postijiet imkennija fil-blat. Okkorrenza simili ta' tpittir u ta' tinqix fuq il-blat hija rari ħafna.

Il-kaċċaturi-ġemmiegħa wettqu l-biċċa l-kbira tat-tinqix ikoniku u x'aktarx tat-tpittir kollu. It-tinqix jirrappreżenta annimali bħal rinoċeronti, iljunfanti, nagħmiet u ġiraffi, kif ukoll xbihat ta' marki umani u tal-annimali. Uħud mill-figuri, l-iktar prominenti fosthom tal-"Iljun Antropomorfizzat" — iljun b'denb tassew twil u mgħawweġ 'il fuq b'marka ta' sitt swaba' — juru t-trasformazzjoni tal-bnedmin f'annimali. Din it-trasformazzjoni u t-turija tal-annimali flimkien mal-marki tagħhom x'aktarx tindika li nħolqu bħala parti minn ritwali xamaniċi. L-iżjed perċezzjoni sempliċistika li juru biss tentattivi tal-kaċċaturi-ġemmiegħa biex jiksbu l-ikel issa hija maħsuba bħala wisq inġenwa.

It-tinqix tal-annimali li ċertament qatt ma għexu f'din iż-żona, bħall-iljun tal-baħar,[11] il-pingwini, u x'aktarx il-fjammingi jindikaw li l-kaċċaturi-ġemmiegħi jaf kienu jmorru sal-kosta li tinsab iktar minn 100 km (62 mil) 'il bogħod.[12] Stħarriġ arkeoloġiku modern immexxi minn Sven Ouzman jiddubita dawn id-deskrizzjonijiet tal-investigazzjoni inizjali ta' Scherz u jiddeskrivi l-fawna mhux daqstant rikonoxxibbli faċilment bħala "annimali strambi" — xogħol mhux irfinut ta' annimali, x'aktarx ġiraffi, li kienu jgħixu f'Twyfelfontein.

Ir-rgħajja Khoikhoi pproduċew ix-xbihat ġeometriċi, x'aktarx biex juru gruppi ta' rgħajja. Huma ħolqu wkoll ix-xbihat iktar sempliċi fl-inħawi li kienu jintużaw għat-tħin u għal-logħob. Uħud mill-ħaġriet fihom marki mill-użu bħala ħaġar mużikali, li jagħmlu ħsejjes mhux tas-soltu meta jintlaqtu b'xi ħaġa.

Arkeoloġija

immodifika

L-isem arkeoloġiku tas-sit huwa Twyfelfontein 534. Dan huwa maqsum fi 15-il sit iżgħar kif deskritt minn Scherz fl-1975. Fost l-oġġett li nstabu mis-sit hemm varjetà ta' għodod tal-ġebel magħmula l-iktar mill-kwarzit. It-tip u l-għamla ta' dawn l-għodod jindikaw mhux biss l-użu fuq il-blat iżda wkoll il-prevalenza ta' xogħlijiet tal-injam u tal-ġilda. Opri tal-arti bħal pendenti u żibeġ minn frammenti ta' qxur tal-bajd tan-nagħma instabu f'diversi postijiet. Mill-oġġetti tal-użu ta' kuljum, ġew skavati frammenti tal-karbonju maħruq u tal-għadam flimkien ma' frammenti ta' bċejjeċ tal-fuħħar mhux imżejna, għalkemm il-fuħħar jaf oriġina minn bdiewa iktar bikrin milli mill-kultura ta' Żmien il-Ħaġar li pproduċiet l-arti fuq il-blat.[13]

Il-valur arkeoloġiku tas-sit ma fihx paragun mal-importanza tal-kollezzjoni tal-arti fuq il-blat. Madankollu, is-sejbiet jappoġġaw il-ħsieb tal-oriġini xamanika tat-tinqix minħabba l-fdalijiet tal-ikel mis-sit li ntwera li kienu għadam ta' għażżiela żgħar, ta' prokavji tal-blat u saħansitra ta' gremxul iktar milli tal-ispeċijiet il-kbar tax-xbihat.[14]

Protezzjoni u rikonoxximent

immodifika
 
Il-formazzjoni tal-blat li qisha "ħalq ta' iljun" fil-quċċata tal-Wied ta' Huab.

Fil-15 ta' Awwissu 1952 iż-żona ġiet iddikjarata bħala Monument Nazzjonali mill-amministrazzjoni tal-Lbiċ tal-Afrika. Minkejja r-rikonoxximent bikri tiegħu, is-sit ma ġiex protett qabel l-1986 meta ż-żona kollha ġiet iddikjarata bħala riżerva naturali. B'hekk, ħafna mill-petroglifiċi ġarrbu xi ħsarat jew tneħħew. Barra minn hekk, xi viżitaturi ħallew il-graffiti tagħhom stess fuq il-blat tal-ġebel ramli.[15]

Skont il-leġiżlazzjoni tan-Namibja, issa s-sit huwa protett skont it-Taqsima 54 tal-Att dwar il-Wirt Nazzjonali. Fl-2007, l-UNESCO approvat lil Twyfelfontein bħala l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fin-Namibja u bħala waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' petroglifiċi fuq il-blat fl-Afrika. L-organizzazzjoni rrikonoxxiet "rekord koerenti u ta' kwalità għolja ta' prattiki ritwali marbuta mal-komunitajiet ta' kaċċaturi-ġemmiegħa [...] tul mill-inqas żewġ millenji" (il-kriterju (iii)), u "rabtiet bejn il-prattiki ritwali u ekonomiċi fl-assoċjazzjoni sagra apparenti tal-art biswit akwifer" (il-kriterju (v)).[1] Twyfelfontein kien l-unika Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fin-Namibja sal-2013 meta mbagħad żdied il-Baħar tar-Ramel tan-Namibja.

 
Tafoni f'Twyfelfontein.

Sabiex jiżgura li l-UNESCO telenka s-sit, il-gvern tan-Namibja ddefinixxa żona ta' lqugħ ta' 91.9 km2 (35.5 mil kwadru) biex jiġi protett il-pajsaġġ tal-madwar. Fil-qalba ta' 0.6 km2 (0.2 mili kwadri) tas-sit, ir-ragħa huwa ristrett u l-istabbiliment ta' faċilitajiet turistiċi huwa pprojbit. Għalkemm Twyfelfontein jitqies bħala "ġeneralment intatt", it-Twyfelfontein Country Lodge fi ħdan iż-żona ta' lqugħ tas-sit tat-tinqix fuq il-blat taz-"Zeremonienplatz" (Post taċ-Ċerimonji) huwa punt ta' tħassib għall-UNESCO, li ddikjarat li "dan ikkomprometta ferm l-integrità tat-tinqix fuq il-blat f'din iż-żona". Il-mogħdija għall-mixi ppermettiet lill-viżitaturi jkollhom aċċess bla superviżjoni u din titqies li tgħaddi wisq qrib ta' bosta mill-opri tal-arti fuq il-blat. Madankollu, il-ġestjoni tas-sit ittejbet mill-applikazzjoni tas-sit biex jiġi elenkat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-viżitaturi; issa ħadd ma jista' jmur jimxi tul il-mogħdija mingħajr superviżjoni.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Twyfelfontein jew ǀUi-ǁAes ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Iktar qari

immodifika
  • Ouzman, Sven. "Rock Art of Twyfelfontein, Namibia, Africa. Twyfelfontein Site Report". Bradshaw Foundation.
  • Scherz, Ernst-Rudolf (1975). Felsbilder in Südwest-Afrika. Teil II: Die Gravierungen im Nordwesten Südwest-Afrikas (bil-Ġermaniż).
  • Breunig, Peter (2014). Archäologischer Reiseführer Namibia (bil-Ġermaniż). Frankfurt am Main: Africa Magna Verlag. ISBN 978-3-937248-39-4.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d "Twyfelfontein or /Ui-//aes - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-21.
  2. ^ Thomas, Dowson (2007). "Grave engravings". The UNESCO Courier (6). UNESCO: 4–5. ISSN 1993-8616.
  3. ^ Vogt, Andreas (2004). National Monuments in Namibia (1st ed.). Windhoek: Gamsberg Macmillan. pp. 35–37. ISBN 99916-0-593-2.
  4. ^ "Namibia Tourism on tourbrief.com - Twyfelfontein". Miġbur 2024-12-22.
  5. ^ Levin, Michiel; Goldbeck, Mannfred (2013). David Levin of Twyfelfontein : the unknown story. Gondwana history. Windhoek, in-Namibja: Gondwana Travel Centre (Pty) Ltd. ISBN 9789991688879.
  6. ^ "Twyfelfontein: Die Quelle des Zweifels". Gondwana History (bil-Ġermaniż). 73.
  7. ^ "74-1916-1918". www.klausdierks.com. Miġbur 2024-12-22.
  8. ^ "Twyfelfontein Country Lodge | Damaraland | Namibia". www.namibweb.com. Miġbur 2024-12-22.
  9. ^ a b "Twyfelfontein Site Report by Sven Ouzman - Namibia Rock Art Africa". web.archive.org. 2014-10-21. Miġbur 2024-12-22.
  10. ^ "Aħbarijiet UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-22.
  11. ^ Hardy, Paula; Firestone, Matthew D (2007). Botswana & Namibia (Multi Country Guide). Lonely Planet. p. 295. ISBN 978-1-74104-760-8.
  12. ^ Rice, Mary; Gibson, Craig (2003). Heat, Dust and Dreams: An Exploration of People and Environment in Namibia's Kaokoland and Damaraland. Struik Publishers. p. 47. ISBN 978-1-86872-632-5.
  13. ^ Viereck, A.; Rudner, J. (1957). "Twyfelfontein: A Centre of Prehistoric Art in South West Africa". The South African Archaeological Bulletin. 12 (45): 15–26. doi:10.2307/3886436. JSTOR 3886436.
  14. ^ Schneider, Gabi (2004). The Roadside Geology of Namibia. Sammlung Geologischer Führer. Vol. 97. Berlin · Stuttgart: Gebrüder Borntraeger. p. 120. ISBN 3-443-15080-2.
  15. ^ "the Namibian: Shikongo urges Namibia to take care of heritage site". archive.ph. 2013-06-28. Miġbur 2024-12-22.