Tulou ta' Fujian

abitazzjonijiet rurali fiċ-Ċina

It-Tulou ta' Fujian (biċ-Ċiniż issimplifikat: 福建土楼; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 福建土樓; bil-Pinjin: Fújiàn tǔlóu; li litteralment tfisser "binjiet tal-ħamrija ta' Fujian") huma abitazzjonijiet rurali Ċiniżi li huma uniċi għall-Hakka fiż-żoni muntanjużi fix-Xlokk ta' Fujian, iċ-Ċina. Fil-biċċa l-kbira nbnew bejn is-sekli 12 u 20.

Waħda mit-Tulou ta' Tianluokeng.

Tulou hija binja normalment kbira, iffortifikata u magħluqa tal-ħamrija, b'konfigurazzjoni li spiss tkun rettangolari jew ċirkolari, b'ħitan tal-ħamrija kkumpattjata ħoxnin ħafna li jifilħu tagħbija kbira, għoljin bejn tliet sulari u ħames sulari u jakkomodaw sa 800 ruħ. Binjiet interni iżgħar sikwit ikunu mdawrin b'ħitan periferiċi kbar li fihom ikun hemm swali, imħażen, bjar u kwartieri residenzjali. L-istruttura kollha tixbah ftit lil belt żgħira ffortifikata.

L-istrutturi esterni ffortifikati huma ffurmati bil-ħamrija kkumpattjata, imħallta bil-ġebel, bil-bambù, bl-injam u b'materjali oħra disponibbli faċilment, biex jinħolqu ħitan ħoxnin sa 6 piedi (1.8 metru). Spiss tpoġġew friegħi, strixxi tal-injam u laqx tal-bambù fi ħdan il-ħitan bħala rinfurzar addizzjonali. Dan jirriżulta f'binja mdawla sew, b'ventilazzjoni tajba, li tiflaħ għar-riħ, li tiflaħ għat-terremoti, u li tkun sħuna fix-xitwa u friska fis-sajf. Is-soltu t-tulous ikollhom daħla prinċipali waħda, mgħassa b'bibien tal-injam ħoxnin 4–5 pulzieri (100–130 millimetru) u rinfurzati b'saff estern ieħor bi pjanċa tal-ħadid. Il-livell ta' fuq nett ta' dawn il-binjiet tal-ħamrija fih toqob fejn setgħu jitpoġġew l-ixkubetti għal skopijiet difensivi.

Il-biċċa l-kbira tat-tulou (bl-eċċezzjoni tar-raggruppament tat-tulou ta' Dadi fil-Kontea ta' Hua'an) jinsabu f'żona ġeografika relattivament żgħira, tul il-konfini bejn il-Kontej ta' Yongding, ta' Nanjing u ta' Pinghe tal-Provinċja ta' Fujian. Uħud mit-tulou jinsabu wkoll fil-Provinċja ta' Guangdong fil-qrib bħal fil-Lvant tal-Kontea ta' Dabu f'Meizhou. Dawn jiġu amministrati bħala sit turistiku uniku (magħruf bħala ż-Żona Xenika tat-Tuluo ta' Nanjing) b'daħla fil-Prefettura ta' Shuyang (fil-Kontea ta' Nanjing, Zhangzhou). Għaldaqstant, iż-żjarat f'din iż-żona normalment jinkludu żjara tal-iżjed raggruppamenti distintivi u famużi tat-tulou kemm f'"Yongding" (ir-raggruppament tat-Tulou ta' Gaobei, ir-raggruppament tat-Tulou ta' Hongkeng, ir-raggruppament tat-Tulou ta' Chuxi, id-Dar tal-Ħamrija ta' Zhenfulou, u d-Dar tal-Ħamrija ta' Yanxianglou) u f'"Nanjing" (ir-raggruppament tat-Tulou ta' Tianluokeng, ir-raggruppament tat-Tulou ta' Hekeng, id-Dar tal-Ħamrija ta' Heguilou, u d-Dar tal-Ħamrija ta' Huaiyuanlou).

Total ta' 46 Tulou ta' Fujian tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bħala "eżempji eċċezzjonali ta' bini tradizzjonali u ta' funzjoni bħala tip partikolari ta' għajxien f'komunità u organizzazzjoni difensiva, f'relazzjoni armonjuża mal-ambjent". Fost il-komponenti ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hemm ir-raggruppament tat-tulou ta' Chuxi, ir-raggruppament tat-tulou ta' Tianluokeng, ir-raggruppament tat-tulou ta' Hekeng, ir-raggruppament tat-tulou ta' Gaobei, ir-raggruppament tat-tulou ta' Dadi, ir-raggruppament tat-tulou ta' Hongkeng, Yangxianlou, Huiyuanlou, Zhengfulou, u Heguilou.

 
Is-sala anċestrali ta' Zhengchenglou.

Mis-snin 80 tas-seklu 20, it-Tulou ta' Fujian issejħu b'diversi modi, pereżempju "tulou tal-Hakka", "abitazzjonijiet tal-ħamrija", "fortizzi tondi" jew sempliċement Tulou. Tulou (biċ-Ċiniż: 土樓) litteralment tfisser "strutturi tal-ħamrija". L-istudjużi tal-arkitettura Ċiniża dan l-aħħar standardizzaw it-terminu Tulou ta' Fujian.

Pubblikazzjonijiet bikrin dwar it-tulou (l-ewwel waħda tfaċċat f'ġurnal tal-Istitut tat-Teknoloġija ta' Nanjing fl-1957) iddeskrivew it-tulou bħala d-djar tal-poplu Hakka, primarjament fil-Kontea ta' Yongding tal-Lbiċ ta' Fujian. Madankollu, sas-snin 80 tas-seklu 20, ammont sostanzjali ta' riċerka ġiet ippubblikata wkoll dwar it-tulou tal-ġirien tal-poplu Hakka, il-poplu tan-Nofsinhar ta' Fujian (magħruf biċ-Ċiniż bħala l-poplu Minnan). Dawk it-tulou jinsabu primarjament lejn il-Lvant ta' Yongding, b'mod partikolari fil-Kontea ta' Nanjing u fil-Kontea ta' Pinghe tax-Xlokk ta' Fujian.[1]

Partijiet mit-tulou tal-poplu Hakka jagħmlu parti mit-Tulou ta' Fujian. Filwaqt li t-tulou kollha fin-Nofsinhar ta' Fujian jagħmlu parti mit-Tulou ta' Fujian, dawn mhux kollha jagħmlu parti mit-tulou tal-poplu Hakka. Għaldaqstant, "Tulou ta' Fujian" mhuwiex sinonimu ta' "tulou" inġenerali, iżda jirreferi għal sottogrupp speċjali ta' tulou. B'kollox hemm iktar minn 20,000 tulou f'Fujian, filwaqt li hemm madwar 3,000 Tulou ta' Fujian biss li jinsabu fil-Lbiċ tar-reġjun. Madankollu, it-Tulou ta' Fujian huwa l-isem uffiċjali adottat mill-UNESCO għall-abitazzjonijiet kollha ta' dan it-tip.

 
Jiqinglou.

Abbażi tat-tifsira litterali tal-kliem biċ-Ċiniż tu (biċ-Ċiniż: 土; li tfisser "ħamrija") u lou (biċ-Ċiniż: 樓; li tfisser "binja [għolja]"), wieħed jista' jikkonkludi li t-terminu "tulou" jista' jitqies bħala deskrizzjoni ġenerika ta' binja tal-ħamrija kkumpattjata. Madankollu, din ma tantx hi definizzjoni utli, billi kif jinnota l-istudjuż tal-arkitettura tradizzjonali Ċiniża Huang Hanmin, prattikament wieħed jista' jsib diversi tipi ta' binjiet tal-ħamrija kkumpattjata fiċ-Ċina kollha. Minflok, l-aħjar li tintuża d-definizzjoni li fil-fatt tintuża f'Fujian: tulou hija binja kbira, mibnija bil-ħamrija kkumpattjata li tirfed tagħbija kbira, u li tintuża bħala residenza minn komunità (grupp ta' familji). L-ewwel parti tad-definizzjoni tqabbel it-tulou ma' strutturi bil-ħamrija kkumpattjata madwar qafas tal-injam li jirfed it-tagħbija; it-tieni parti tiddistingwi t-tulou bħala residenzi żgħar ta' għadd ta' familji individwali.[2]

Abbażi tad-definizzjoni ta' hawn fuq, Huang Hanmin jemmen li mill-varjetà kbira ta' arkitettura vernakolari bil-ħamrija kkumpattjata taċ-Ċina, l-istili reġjonali li ġejjin biss, kollha kemm huma assoċjati mal-popli Hakka jew Minnan, jistgħu jissejħu "tulou" (għall-inqas biċ-Ċiniż):[3]

  • it-"tulou ta' Guangdong": il-kumplessi ta' weilongwu (biċ-Ċiniż: 圍龍屋) tat-Tramuntana ta' Guangdong, u l-kumplessi ta' weiwu (biċ-Ċiniż: 圍屋) tal-Grigal ta' Guangdong;
  • it-"tulou ta' Jiangxi": il-kumplessi ta' tuweizi (biċ-Ċiniż: 土圍子) tan-Nofsinhar ta' Jiangxi;
  • it-"tulou ta' Fujian": diversi tipi ta' tulou tan-Nofsinhar ta' Fujian.

Filwaqt li t-tulou ta' Guangdong u ta' Jiangxi (magħrufa normalment bħala "villaġġi ffortifikati" jew "villaġġi ffortifikati tal-poplu Hakka) huma assoċjati mal-poplu Hakka, fost it-tulou ta' Fujian hemm diversi tipi ta' tulou, uħud karatteristiċi tal-poplu Hakka u oħrajn karatteristiċi tal-poplu Minnan.

Speċifikament għat-Tulou ta' Fujian, Huang Hanmin jagħti d-definizzjoni li ġejja: "Binja kbira b'diversi sulari fix-Xlokk tar-reġjun muntanjuż ta' Fujian għal għajxien f'komunità kbira u għad-difiża, mibnija bħala struttura b'qafas tal-injam u mdawra b'ħitan bil-ħamrija kkumpattjata li jiflaħ il-piż".[4]

Tulou notevoli ta' Fujian

immodifika

Raggruppament tat-Tulou ta' Chuxi

immodifika
 
Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Chuxi mill-għoli.

Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Chuxi (biċ-Ċiniż: 初溪土樓群) jinsab fil-Kontea ta' Yongding, fil-Prefettura ta' Xiayang, fil-villaġġ ta' Chuxi u tniżżel bħala l-komponent nru 1113-001 ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

  • Jiqinglou, l-ikbar tulou tonda kif ukoll l-eqdem waħda f'dan ir-raggruppament, inbniet fl-1419 matul ir-renju tal-Imperatur Yongle tad-dinastija Ming. Tikkonsisti minn żewġ ċrieki konċentriċi, u ċ-ċirku ta' barra huwa għoli erba' sulari, bi 53 kamra fuq kull sular. Iċ-ċirku ta' barra fih 72 sett ta' taraġ. Iċ-ċirku ta' ġewwa huwa għoli sular.

Zhenchenglou

immodifika
 
Zhenchenglou.

Zhenchenglou (biċ-Ċiniż: 振成樓), imlaqqma bħala "l-prinċep tat-tulou", tagħmel parti mir-raggruppament tat-Tulou ta' Hongkeng. Tinsab fil-villaġġ ta' Hongkeng, fil-Prefettura ta' Hukeng tal-Kontea ta' Yongding. Tniżżlet bħala l-komponent nru 1113-002 ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u nbniet fl-1912 mid-dixxendenti ta' merkant tat-tabakk għani. Zhenchenglou hija tulou bi żewġ ċrieki; iċ-ċirku ta' barra huwa għoli erba' sulari u fih total ta' 184 kamra, filwaqt li ċ-ċirku ta' ġewwa huwa għoli żewġ sulari u fih total ta' 32 kamra. Iċ-ċirku ta' barra ġie maqsum f'erba' segmenti skont il-kunċett ta' Bagua tal-Fengshui Ċiniż.

L-influwenza tal-Punent hija evidenti fil-kolonni bi stil Grieg tas-sala anċestrali, u fil-poġġaman ferrobattut tal-kuritur tat-tieni sular.

Chengqilou

immodifika
 
Chengqilou.
 
L-arkitettura b'erba' ċrieki konċentriċi ta' Chengqilou.

Chengqilou (biċ-Ċiniż: 承啟楼), imlaqqma bħala r-"re tat-tulou", jagħmel parti mir-raggruppament tat-Tulou ta' Gaobei (biċ-Ċiniż: 高北土楼群) fil-villaġġ ta' Gaobei, fil-Prefettura ta' Gaotou tal-Kontea ta' Yongding. Inbniet fl-1709 u fl-2008 tniżżlet bħala l-komponent nru 1113-003 ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Din it-tulou tonda kbira għandha erba' ċrieki konċentriċi madwar sala anċestrali fiċ-ċentru. Iċ-ċirku ta' barra għandu dijametru ta' 62.6 metru u huwa għoli erba' sulari, b'total ta' 288 kamra, jiġifieri 72 kamra f'kull sular, kuritur ċirkolari mit-tieni għar-raba' sular, u erba' settijiet ta' taraġ fil-punti kardinali li jikkollegaw il-pjan terran mas-sulari ta' fuq. Saqaf kbir sporġut 'il barra jgħatti ċ-ċirku prinċipali. Il-kmamar tal-pjan terran huma kċejjen għall-familji, il-kmamar tat-tieni sular huma mħażen tal-qmuħ, u l-kmamar tat-tielet u tar-raba' sulari huma l-kwartieri residenzjali u kmamar tas-sodda. It-tieni ċirku bi 80 kamra huwa għoli żewġ sulari, b'40 kamra fuq kull sular, it-tielet ċirku kien jintuża bħala librerija tal-komunità u fih sular bi 32 kamra; b'kollox hemm 370 kamra. Ir-raba' ċirku fih kuritur ċirkolari msaqqaf madwar is-sala anċestrali. Li kieku persuna toqgħod għal lejl f'kull kamra, iddum iktar minn sena biex toqgħod fil-kmamar kollha. Is-sala anċestrali tinsab fiċ-ċentru. Chengqilou għandha żewġ daħliet prinċipali u żewġ daħliet laterali. Klan tal-15-il ġenerazzjoni ta' Jiang b'57 familja u 300 ruħ jgħixu hawnhekk. Fl-aqwa żmien tagħha, kien hemm iktar minn 80 familja jgħixu f'Chengqilou.

Binjiet oħra f'dan ir-raggruppament jinkludu: Shenyuanlou bi tliet ċrieki, b'ċirku ta' barra b'dijametru ta' 70 metru; Wujiaolou (pentagonu) bi pjanta ta' pentagonu irregolari; u Shizelou, tulou rettangolari.

Raggruppament tat-Tulou ta' Tianluokeng

immodifika
 
Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Tianluokeng.

Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Tianluokeng (biċ-Ċiniż: 田螺坑土楼群) huwa raggruppament ta' ħames tulou li jinsab fil-Provinċja ta' Fujian, il-Belt ta' Zhangzhou, il-Kontea ta' Nanjing, il-Prefettura ta' Shuyang, il-villaġġ ta' Tian Luo Keng (litteralment il-villaġġ "tal-Foss tal-Bebbux") fin-Nofsinhar taċ-Ċina, madwar erba' sigħat bil-karozza minn Xiamen, minn toroq muntanjużi dojoq, imħarrbta u jserrpu. Jikkonsisti minn ħames tulou b'"Buyunlou" kwadru fin-nofs, imdawra bi tliet tulou tondi u tulou ovali, li jiffurmaw għamla qisha ta' "erba' platti u soppa" (biċ-Ċiniż: 四菜一湯). Il-ħames binjiet tal-ħamrija fil-villaġġ tal-Foss tal-Bebbux huma:

  • it-tulou kwadra ta' Buyunlou (il-binja Li Tilħaq is-Sħab) tinsab fiċ-ċentru tal-ħames strutturi; kienet l-ewwel tulou f'dan is-sit, u nbniet fl-1796. Fiha tliet sulari b'26 kamra f'kull sular, erba' settijiet ta' taraġ, u kuritur quddiem il-kmamar f'kull sular. Din il-binja ngħatat in-nar fl-1936 u ġiet rikostruwita fl-1953 skont il-pjanta oriġinali;
  • il-binja tal-ħamrija tonda tat-tulou ta' Hechang, binja għolja tliet sulari;
  • it-tulou ta' Zhenchang, li fiha tliet sulari, b'għamla tonda, b'26 kamra f'kull sular, li nbniet fl-1930;
  • it-tulou ta' Ruiyun, li nbniet fl-1936, fiha tliet sulari, b'26 kamra f'kull sular;
  • it-tulou ovali ta' Wenchang, li nbniet fl-1966, fiha tliet sulari, bi 32 kamra f'kull sular.

Yuchanglou

immodifika
 
Yuchanglou, b'ħames sulari, inbniet fl-1308.

Yuchanglou (biċ-Ċiniż: 裕昌樓) hija tulou ta' ħames sulari fil-Kontea ta' Nanjing, fil-Prefettura ta' Shuyang, fil-villaġġ ta' Xiabanliao. Inbniet fl-1308 matul id-dinastija Yuan mill-klan tal-familja Liu. Din hija waħda mill-eqdem u l-ogħla tulou fiċ-Ċina. Yuchanglou ġiet imlaqqma bħala l-"binja żigużajg", minħabba li l-istruttura vertikali tal-injam tagħha mhijiex dritta u perpendikolari, iżda għandha għamla ta' żigużajg lejn ix-xellug u lejn il-lemin. Inbniet b'dan il-mod minħabba żball fil-kejl tal-materjali tal-binja. Minkejja dan in-nuqqas apparenti, din it-tulou twila rnexxielha tiflaħ għall-elementi naturali u għat-taqbid soċjali ta' 700 sena. Iċ-ċirku ta' barra ta' Yuchanglou għandu dijametru ta' 36 metru u fih ħames sulari, b'50 kamra fuq kull sular, b'total ta' 270 kamra.

Kull waħda mill-25 kċina fil-pjan terran fin-nofs ta' wara taċ-ċirku għandha bir privat bl-ilma biswit il-fran. Din it-tulou hija l-unika waħda f'Fujian bi provvista tal-ilma daqstant konvenjenti.

Sal-2003 kien hemm ċirku fuq ġewwa ta' sular madwar is-sala anċestrali. Din il-parti tal-binja baqgħet intatta għal kważi 700 sena sa ma ġiet żarmata wara l-2003.

 
L-istruttura żigużajg ta' Yuchanglou.

Eryilou (biċ-Ċiniż: 二宜樓) tar-raggruppament tat-Tulou ta' Dadi tinsab fil-Belt ta' Zhangzhou, fil-Kontea ta' Hua'an, fil-Prefettura ta' Xiandu, fil-villaġġ ta' Dadi. Inbniet fl-1770 u tikkonsisti minn ċirku ta' barra b'erba' sulari u minn ċirku ta' ġewwa b'sular wieħed. Iċ-ċirku ta' barra fih dijametru ta' 71 metru, bi 48 kamra fuq kull livell. Eryilou ma fiha l-ebda kuritur fuq quddiem ta' kull sular ta' fuq; minflok fiha kuritur fuq wara biswit mal-ħitan. Il-kmamar taċ-ċirku ta' barra huma maqsuma vertikalment f'abitazzjonijiet domestiċi separati. Kull abitazzjoni domestika fiha sett ta' taraġ għaliha mhux kondiviża mal-familji l-oħra; uħud mill-ħitan diviżorji fihom wisa' frontali ta' tliet kmamar, u oħrajn fihom wisa' frontali ta' erba' kmamar. Il-ħajt diviżorju taċ-ċirku ta' ġewwa huwa mehmuż mal-ħajt diviżorju taċ-ċirku ewlieni permezz ta' veranda msaqqfa bħala antikamra.

Raggruppament tat-Tulou ta' Nanxi (inkluż Yanxianglou)

immodifika

Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Nanxi (biċ-Ċiniż: 南溪土楼群) huwa l-isem mogħti lil sezzjoni tal-Wied ta' Nanxi ("il-Qala tan-Nofsinhar") fir-raħal ta' Hukeng (il-Kontea ta' Yongding), li għal distanza ta' diversi kilometri huwa kważi kontinwament mibni bit-tulou. Minħabba l-effett viżiv li jispikka tar-raggruppament, xi awturi jirreferu għalih bħala "l-Ħajt il-Kbir tat-Tulou" (biċ-Ċiniż: 土楼长城). Waħda mit-tulou f'dan ir-raggruppament kbir, Yanxianglou (biċ-Ċiniż: 衍香楼), tulou tonda fil-villaġġ ta' Xinnan (biċ-Ċiniż: 新南村; bil-koordinati: 24°36′22″N 116°58′30″E) hija identifikata bħala l-komponent 1113-004 ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Heguilou

immodifika

Heguilou hija l-ikbar tulou rettangolari, b'erja ta' 3,000 metru kwadru u għolja 21.5 metru b'ħames sulari. Inbniet fuq art bassasa u hija l-ogħla tulou rettangolari.

Arkitettura

immodifika
 
Il-bir intern ta' Yuchanglou.

Il-konfigurazzjoni tat-Tulou ta' Fujian mexiet skont it-tradizzjoni Ċiniża tal-abitazzjonijiet bil-kunċett ta' "magħluqa minn barra, miftuħa fuq ġewwa": ħajt għoli madwar il-kwartieri residenzjali u bitħa komuni fin-nofs. Binja żgħira fiċ-ċentru b'faċċata miftuħa kienet tintuża bħala sala anċestrali biex l-antenati jingħataw ġieħ, għall-festivals, għal-laqgħat, għat-tiġijiet, għall-funerali u għal funzjonijiet ċerimonjali oħra. Il-pjanta tal-pjan terran tinkludi għamliet bħal ċrieki, nofs ċrieki, ovali, kwadri, rettangoli u pentagoni irregolari.

Il-pedamenti tat-tulou nbnew b'ġebel lixx tal-pavimentar fuq ħamrija kkumpattjata, f'żewġ jew fi tliet saffi. Madwar is-saff ta' fuq tal-pedamenti kien jinbena drenaġġ ċirkolari biex jipprevjeni li l-ilma tax-xita tagħmel ħsara lill-ħajt tat-tulou.

 
It-teknika tal-λ tal-madum tal-bejt.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-ħajt ta' barra li kien jirfed it-tagħbija tat-tulou jikkonsisti minn żewġ sezzjonijiet: is-sezzjoni t'isfel mibnija minn blokok tal-ġebel maqtugħin jew minn ġebel mix-xmara miżmum flimkien b'taħlita ta' ġir, ramel u tafal sa għoli ta' madwar metru jew tnejn, skont il-livell tal-għargħar reġjonali. Il-ħajt tal-ħamrija kkumpattjata kien jinbena fuq is-sezzjoni tal-ġebel. Il-kostruzzjoni tal-ħajt tal-ħamrija kkumpattjata mħallta bir-ross iwaħħal u rinfurzat bil-qasab orizzontali tal-bambù ġiet deskritta l-ewwel darba fl-istandard tal-bini Yingzao Fashi fid-dinastija Song.

Il-ħitan inbnew inklinati lejn iċ-ċentru, b'tali mod li l-forza tal-gravità naturali timbotta l-komponenti tal-ħajt flimkien. Dan il-metodu tal-inklinazzjoni 'l ġewwa ntuża wkoll fil-kostruzzjoni tal-Pagoda tat-Tempju ta' Fogong. Il-ħxuna tal-ħajt tat-tulou tonqos mal-għoli kif speċifikat fil-Yingzao Fashi. Iż-żewġ sulari t'isfel tat-tulou huma solidi bl-ebda tieqa jew toqba għall-ixkubetti; it-twieqi jibdew mit-tielet sal-ħames sular, peress li l-kmamar tas-sulari t'isfel kienu jintużaw bħala mħażen tal-familji u s-sulari ta' fuq kienu jintużaw bħala l-kwartieri residenzjali.

 
Il-kurituri ta' tulou.

Il-bjut kienu jinksew b'tavli tat-tafal imsajjar, b'arranġament radjali; kienet tintuża teknika li permezz tagħha t-tavli kienu jiddaħlu skont l-għamla ta' λ f'intervalli regolari biex jikkumpensaw għaċ-ċirkonferenza ikbar fuq barra. Il-maġġoranza tat-tavli tal-bejt kienu jitpoġġew f'posthom minn fuq s'isfel, u d-distakk ikkawżat mill-konfigurazzjoni radjali kien jiġi kkumpensat b'sezzjonijiet żgħar ta' tavli poġġuti f'għamla ta' λ. Din it-teknika kienet tippermetti li t-tavli jitpoġġew radjalment mingħajr ebda distakk viżibbli, u mingħajr l-użu ta' tavli żgħar fuq nett u ta' tavli kbar fuq in-naħa t'isfel.

It-truf tal-bejt normalment huma estiżi għal madwar żewġ metri, bħala protezzjoni għall-ħajt tal-ħamrija mill-ilma tax-xita li jinżel mill-bejt.

Il-qafas tal-injam li jirfed il-bejt ma kellu l-ebda element ta' dougong li kien komuni fil-bini tradizzjonali Ċiniż.

Il-kurituri ċirkolari mit-tieni sal-ogħla sular kienu magħmula minn fallakki tal-injam poġġuti fuq xorok tal-injam orizzontali b'naħa waħda mdaħħla fil-ħajt tal-ħamrija. Il-kurituri kienu jiġu protetti minn ċirku ta' poġġamani tal-injam.

Is-settijiet tat-taraġ kienu jitqassmu b'mod uniformi madwar il-kurituri, normalment b'total ta' erba' settijiet ta' taraġ. Kull taraġ jagħti mill-pjan terran sal-ogħla sular.

Normalment, fil-bitħa fiċ-ċentru tat-tulou kien ikun hemm bjar pubbliċi f'gruppi ta' tnejn jew tlieta; it-tulou iktar lussużi kien ikollhom bir intern għal kull familja fil-kċina tal-pjan terran. Il-biċċa l-kbira tat-tulou għandhom pajpijiet tal-ilma apposta bħala protezzjoni min-nar (aċċidentali jew minħabba xi attakk) għas-sulari ta' fuq tal-injam.

L-ikbar Tulou tonda

immodifika

Chengqilou fil-Kontea ta' Yongding ilha kkunsidrata bħala l-ikbar tulou, b'dijametru ta' 62.5 metru. Madankollu, Huang Hanmin skopra li Shunyulou (biċ-Ċiniż: 顺裕楼) fil-Kontea ta' Nanjing hija saħansitra ikbar, b'dijametru ta' 74.1 metru. Din it-tulou nbniet fl-1933, fiha erba' sulari, b'ħajt ta' barra għoli 15-il metru u oħxon 1.6 metru, b'64 kamra tul il-perimetru tagħha, b'daħla prinċipali u b'żewġ daħliet laterali. Madankollu, l-"ikbar tulou" inġenerali hija Fushenglou (biċ-Ċiniż: 福盛楼), li bdiet tinbena fl-1968 u tlestiet fl-1981. Id-dijametru tagħha huwa ta' 77.42 metru u tinsab fil-villaġġ ta' Chendong fil-Kontea ta' Yongding.

L-iżgħar Tulou

immodifika

Cuilinlou (biċ-Ċiniż: 翠林楼) fil-Prefettura ta' Nankeng tal-Kontea ta' Nanjing hija l-iżgħar tulou, b'dijametru ta' 14-il metru. Din it-tulou ta' tliet sulari nbniet fl-1617.

L-eqdem Tulou

immodifika

It-tulou ellittika ta' Qiyunlou (biċ-Ċiniż: 齐云楼) fil-villaġġ ta' Shajian tal-Kontea ta' Hua An hija l-eqdem tulou u nbniet fl-1371.

Abitazzjonijiet għal komunità ta' persuni ugwali

immodifika
 
Ir-raggruppament tat-Tulou ta' Hekeng.

Għad-differenza ta' strutturi oħra ta' abitazzjonijiet madwar id-dinja fejn l-arkitettura hija turija tal-ġerarkija soċjali, it-Tulou ta' Fujian għandhom karatteristika unika bħala mudell ta' abitazzjonijiet għal komunità ta' persuni ugwali. Il-kmamar kollha nbnew bl-istess daqs u bl-istess kwalità ta' materjal, bl-istess tiżjin fuq barra, bl-istess stil ta' twieqi u ta' bibien, u ma hemm l-ebda "penthouse" għal min huwa iktar imlaħħaq fis-soċjetà; familja żgħira kellha s-sjieda ta' sett vertikali mill-pjan terran sas-sular ta' fuq nett, filwaqt li familja ikbar kien ikollha s-sjieda ta' żewġ jew tliet settijiet vertikali.

Normalment it-tulou kienu jkunu okkupati minn klan wieħed ta' familja kbira ta' diversi ġenerazzjonijiet; xi tulou ikbar kienu jkunu okkupati minn iktar minn klan wieħed ta' familja kbira. Apparti l-binja stess, bosta faċilitajiet bħal bjar, sala ċerimonjali, kmamar tal-banju, kmamar tal-ħasil, u mħażen bl-armi kienu ta' proprjetà kondiviża. Anke l-artijiet u r-raba' tal-madwar, bis-siġar tal-frott, eċċ. kienu kondiviżi. Ir-residenti tat-tulou kienu jaħdmu r-raba' b'mod komunali. Dan baqa' jiġi pprattikat sas-snin 60 tas-seklu 20; dak iż-żmien tulou sikwit kienet tkun okkupata minn grupp komunali wieħed tal-produzzjoni. Kull familja żgħira issa għandha l-proprjetà privata tagħha u kull fergħa tal-familja għandha l-privatezza tagħha bil-bibien magħluqa.

Fl-imgħoddi, l-allokazzjoni tal-abitazzjonijiet kienet ibbażata fuq fergħa maskili tal-familja; kull iben kien jingħadd bħala fergħa waħda. Id-dmirijiet pubbliċi bħall-organizzazzjoni tal-festivals, it-tindif taż-żoni pubbliċi, il-ftuħ u l-għeluq tad-daħla prinċipali, eċċ., kienu assenjati wkoll lil fergħa tal-familja b'rotazzjoni.

Il-fergħat kollha ta' klan tal-familja kienu jgħixu taħt saqaf wieħed, bħala simbolu tal-unità u l-protezzjoni ta' klan. Id-djar tal-familji jħarsu lejn is-sala anċestrali ċentrali, bħala simbolu tal-ġieħ lill-antenati u tas-solidarjetà fi ħdan il-klan. Meta klan kien jikber, l-abitazzjoni kienet tikber radjalment billi jiżdied ċirku konċentriku ieħor fuq barra jew billi tinbena tulou oħra fil-qrib, u b'hekk kien jinħoloq raggruppament biex jiġi żgurat li l-membri ta' klan jibqgħu jgħixu flimkien.

Bl-iżvilupp ta' abitazzjonijiet ġodda bil-faċilitajiet moderni fiċ-Ċina rurali, bosta residenti tat-tulou ma baqgħux jgħixu f'dawn l-istrutturi jew marru jgħixu f'irħula jew fi bliet ikbar biex isibu impjiegi aħjar. Madankollu, l-eks residenti jistgħu jagħżlu li jżommu r-residenzi tat-tulou anċestrali msakkrin u jużawhom biss okkażjonalment meta jerġgħu lura għal xi okkażjoni tal-familja jew matul il-btajjel jew il-festivals.

 
Id-daħla bil-qafas tal-granit.

Mis-seklu 12 sas-seklu 19, diversi ħallelin armati kienu jwettqu għadd ta' attakki fin-Nofsinhar taċ-Ċina. Iċ-ċittadini tan-Nofsinhar ta' Fujian għall-ewwel bnew fortizzi fil-quċċata tal-muntanji bħala awtodifiża. Dawn il-fortizzi bikrin iktar 'il quddiem evolvew f'Tulou ta' Fujian.

Il-ħitan ħoxnin ta' barra tat-tulou (ħoxnin żewġ metri fin-naħa t'isfel u li jonqsu għal ħxuna ta' metru fin-naħa ta' fuq) kienu jilqgħu l-vleġeġ u l-balal tal-attakki. Is-sezzjoni baxxa iktar ħoxna tal-ħajt ta' barra xi kultant kienet tinbena bil-blokok tal-granit jew bil-ġebel kbir mix-xmara. B'hekk din is-sezzjoni ma setgħetx titħaffer, peress li n-naħa ta' barra tal-ġebel kien jitqiegħed apposta bit-truf iż-żgħar ippuntati 'l barra — għaldaqstant għalxejn dak li jkun jipprova jħaffer f'din is-sezzjoni. It-tħaffir ta' mina taħt il-ħajt ma kinitx possibbli lanqas, minħabba li din is-sezzjoni tal-ħitan kienet estiża 'l isfel sa fond ta' iktar minn metru.

Is-sezzjoni tal-ħamrija tal-ħitan kienet tinbena b'ħamrija kkumpattjata flimkien ma' taħlita ta' ġir, ramel u tafal u kienet tiġi rinfurzata bi strixxi orizzontali tal-bambù biex kollox jagħqad b'mod laterali, u b'hekk l-istruttura kienet tkun soda daqs il-kastelli tal-Punent. Fl-1934, grupp ta' raħħala tal-Kontea ta' Yongding f'rewwixta kien okkupa tulou biex jirreżisti l-attakk tal-armata, li sparat 19-il balla bil-kanuni lejn dik it-tulou, iżda ma tantx għamlet ħsara fil-ħajt ta' barra.

 
Arma tan-nar għad-difiża kontra l-għedewwa.

Il-parti d-dgħajfa fis-sistema tal-ħitan normalament kienet tkun id-daħla, iżda d-daħla ta' tulou ta' Fujian kienet iddisinjata apposta għad-difiża. Il-qafas tad-daħla kien magħmul minn blokka solida tal-granit; il-bibien doppji tad-daħla kienu magħmula minn biċċiet solidi tal-injam ħoxnin sa 13-il ċentimetru u reżistenti għan-nar, u kienu rinfurzati bi pjanċi ħoxnin tal-ħadid. Il-bieb tad-daħla prinċipali kien ikun imbarrat b'diversi biċċiet orizzontali u vertikali tal-injam imdaħħlin f'ħofor fil-granit. Sabiex jiġi evitat li l-għadu jeqred il-bibien tad-daħla prinċipali bin-nar, xi bibien kienu mgħammra b'tankijiet tal-ilma fuqhom biex minnufih kwalunkwe nar seta' jintefa.

Ir-residenti tat-Tulou ta' Fujian kienu jużaw armi tan-nar għad-difiża attiva, u kienu jisparaw lejn l-għadu minn ħofor apposta fin-naħa ta' fuq tal-istruttura. Xi Tulou ta' Fujian inbnew b'kuritur ċirkolari tul il-ħajt ta' ġewwa biex jiġi ffaċilitat iċ-ċaqliq tan-nies armati u tal-munizzjon f'każ ta' attakk.

Riċerka

immodifika

It-terminu "tulou" tfaċċa għall-ewwel darba f'rekords tal-1573 tal-Kontea ta' Zhangzhou matul id-dinastija Ming; ġie rreġistrat li minħabba ż-żieda ta' attakki kriminali, bosta ċittadini tal-villaġġi bnew fortizzi mdawrin bil-ħitan u għadd ta' tulou bħala mezz ta' awtodifiża. Bosta familji bdew jgħixu flimkien fi ħdan fortizza, u diversi fortizzi jew tulou ngħaqdu bi gwardjani fuq għassa kostanti; tnabar u gongs jgħajtu kienu jindaqqu bħala sinjal ta' allarm f'każ ta' xi kriminali jew invażuri fil-qrib. Minħabba s-solidarjetà kbira fost ir-residenti tat-tulou, saħansitra gruppi kbar u b'saħħithom ta' kriminali b'għexieren ta' eluf ta' rġiel ma kinux jazzardaw jattakkaw l-abitanti tat-tulou.

It-terminu "tulou" tfaċċa wkoll okkażjonalment f'xi poeżiji; apparti minn hekk, l-eżistenza tat-tulou ma ħarġitx fid-dieher fil-letteratura ewlenija, u ma ssemmietx fil-letteratura ppubblikata qabel l-1956 fi studju dwar l-ambjent popolari.

Fl-1956 il-professur Liu Dun-Zhen (biċ-Ċiniż: 刘敦桢), il-Kap tar-Riċerka dwar l-Abitazzjonijiet Ċiniżi kien l-ewwel studjuż li wettaq riċerka dwar it-Tulou ta' Fujian, u fil-ktieb tiegħu L-Istorja tal-Arkitettura Ċiniża tal-Qedem (biċ-Ċiniż: 中国古代建筑史) ippubblikat fl-1964 iddeskriva t-tulou ta' Chengqilou u ta' Yihuailou (biċ-Ċiniż: 艺槐楼).

F'April 1957, l-artiklu Abitazzjonijiet tal-Poplu Hakka fil-Kontea ta' Yongding tal-Provinċja ta' Fujian (biċ-Ċiniż: 福建永定客家住宅) ta' Zhang Buqian (biċ-Ċiniż: 张步骞), ta' Zhu Mingquan (biċ-Ċiniż: 朱鸣泉) u ta' Hu Zhanlie (biċ-Ċiniż: 胡占烈) ġie ppubblikat fil-Ġurnal tal-Istitut tat-Teknoloġija ta' Nanjing.[5]

Fl-1980 it-tulou ta' Chengqi ssemmew fi ktieb bit-titlu L-Istorja tal-Arkitettura Ċiniża tal-Qedem. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, diversi studjużi miċ-Ċina kontinentali, mit-Tajwan, mil-Ġappun, mill-Ewropa u mill-Amerka żaru Fujian, Zhangzhou u Yongding biex jesploraw u jistudjaw it-tulou; b'hekk it-tulou ma baqgħux iżolati u saru magħrufin fil-livell. B'mod partikolari l-istudjuż Ċiniż Huang Hanmin (issa l-Kap tal-Istitut tad-Disinn tal-Arkitettura ta' Fujian) qatta' iktar minn għoxrin sena jirriċerka t-Tulou ta' Fujian; it-teżi tiegħu tal-Masters Il-Karatteristiċi Tradizzjonali u l-Istil Reġjonali tar-Residenzi Ċivili ta' Fujian tlestiet fl-1982 u ġiet ippubblikata fuq ir-rivista Ċiniża Architect. Studjuż Ġappuniż ippubblika rapport imsejjaħ Studju dwar l-Abitazzjonijiet Ċivili Ċiniżi — It-Tulou Tondi u t-Tuluo Kwadri u wara organizza wirja fotografika u ppubblika ktieb fl-1989. Fl-1997, l-arkitett Olandiż Herman Hertzberger spezzjona t-Tulou ta' Fujian, u fl-1999 Dr. Neville Agnew tal-Istitut tal-Konservazzjoni ta' Getty spezzjona Tianluokeng, Yuchanglou u Heguilou.

Il-ktieb Tulou ta' Fujian Tulou ta' Huang Hanmin ippubblikat fit-Tajwan fl-1994, rivedut u ppubblikat mill-ġdid fiċ-Ċina fl-2003, attwalment huwa wieħed mill-iżjed studji awtentiċi dwar it-Tulou ta' Fujian, li jkopri l-istorja tat-tulou, il-karatteristiċi u l-istil tagħhom, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha, l-aspett folkloristiku, eċċ., b'mijiet ta' tpinġijiet u kampjuni tal-kuluri.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

It-Tulou ta' Fujian ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[6]

Trasport

immodifika

It-Tulou ta' Fujian huma sparpaljati fir-reġjun muntanjuż tax-Xlokk tal-Provinċja ta' Fujian.

It-tulou fil-Kontea ta' Nanjing huma kkollegati mas-sede tal-kontea, il-Prefettura ta' Shancheng (il-post immarkat bħala l-"Kontea ta' Nanjing" f'bosta mapep), permezz ta' diversi toroq muntanjużi jserrpu; it-triq prinċipali tal-inħawi, it-Triq Nru 562 tal-Kontea (X562) dan l-aħħar ġiet imtejba. Il-Prefettura ta' Shancheng hija faċilment aċċessibbli permezz tal-awtostrada ta' Zhanglong li tikkollega l-Belt ta' Zhangzhou mal-Belt ta' Longyan. L-awtostrada ta' Zhanglong tikkollega r-reġjun mal-bqija tan-network Ċiniż tal-awtostradi. Bejn wieħed u ieħor trid sagħtejn bil-karozza minn Xiamen għall-Prefettura ta' Shancheng.

Barra minn hekk hemm karozzi tal-linja regolari minn Xiamen u minn Fuzhou għal Longyan jew għal Zhangzhou; traġitt li jdum xi 4 sigħat 'l hemm u 4 sigħat lura.

Ma hemm l-ebda linja ferrovjarja fil-qalba ta' fejn jinsabu t-tulou (il-Punent tal-Kontea ta' Nanjing, il-Lvant tal-Kontea ta' Yongding, u l-Punent tal-Kontea ta' Pinghe). L-eqreb stazzjon ferrovjarju għall-biċċa l-kbira tat-tulou tal-Kontea ta' Yongding huwa l-Istazzjon ta' Yongding, li madankollu joffri servizz limitat ħafna għall-passiġġieri (il-ferrovija ta' darba kuljum bejn Xiamen u Guangzhou).

Mill-ftuħ tal-linja ferrovjarja ta' veloċità għolja bejn Longyan u Xiamen f'Ġunju 2012, il-vjaġġaturi jistgħu jaslu f'Longyan minn Xiamen f'45 minuta; hemm servizz dirett minn Fuzhou u minn Shanghai wkoll. Il-linja ferrovjarja tinkludi stazzjon intermedju (Nanjing), li jaqdi l-Lvant tal-Kontea ta' Nanjing; madankollu, ma tantx hi daqshekk qrib it-tulou. Sabiex jiċċelebraw il-wirt tat-tulou fi ħdan il-kontea, l-arkitetti ddisinjaw stazzjon ġdid bl-għamla ta' tliet tulou tondi.

Fil-kultura popolari

immodifika

It-Tulou ta' Fujian jidhru fil-manga Seraphim 266613336Wings.

Il-protagonista tal-cartoons Mulan oriġinat minn Tulou ta' Fujian.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Huang, Hanmin (黄汉民) (2009), 福建土楼-中国传统民居的瑰宝 (Fujian Tulou: a jewel of China's traditional residential architecture), 三联书店 (Sanlian Books), ISBN 9787108031754. p. 35.
  2. ^ Huang, Hanmin (黄汉民) (2009), 福建土楼-中国传统民居的瑰宝 (Fujian Tulou: a jewel of China's traditional residential architecture), 三联书店 (Sanlian Books), ISBN 9787108031754. pp. 110-111.
  3. ^ Huang, Hanmin (黄汉民) (2009), 福建土楼-中国传统民居的瑰宝 (Fujian Tulou: a jewel of China's traditional residential architecture), 三联书店 (Sanlian Books), ISBN 9787108031754. p. 114.
  4. ^ Huang, Hanmin (黄汉民) (2009), 福建土楼-中国传统民居的瑰宝 (Fujian Tulou: a jewel of China's traditional residential architecture), 三联书店 (Sanlian Books), ISBN 9787108031754. p. 112.
  5. ^ Huang, Hanmin (黄汉民) (2009), 福建土楼-中国传统民居的瑰宝 (Fujian Tulou: a jewel of China's traditional residential architecture), 三联书店 (Sanlian Books), ISBN 9787108031754. p. 17.
  6. ^ a b "Fujian Tulou". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-13.