Terminoloġija
It-terminoloġija hija ġabra jew grupp ta' kelmiet jew tifsiriet speċjalizzati marbuta ma' qasam partikolari, u hija l-istudju ta' tali termini u l-użu tagħhom. Dan l-istudju huwa magħruf ukoll bħala xjenza tat-terminoloġija. It-termini huma kelmiet inġenerali, kelmiet komposti jew espressjonijiet b'diversi kelmiet li f'kuntesti speċifiċi jingħataw tifsiriet speċifiċi — jistgħu jiddevjaw mit-tifsiriet li l-istess kelmiet ikollhom f'kuntesti oħra u fil-lingwaġġ ta' kuljum.[1] It-terminoloġija hija dixxiplina li tistudja, fost affarijiet oħra, l-iżvilupp ta' tali termini u l-interrelazzjonijiet tagħhom ma' dominju speċjalizzat. It-terminoloġija hija differenti mil-lessikografija peress li tinvolvi l-istudju ta' kunċetti, ta' sistemi kunċettwali u t-tikketti tagħhom (it-termini), filwaqt li l-lessikografika tistudja l-kelmiet u t-tifsiriet tagħhom.
It-terminoloġija hija dixxiplina li b'mod sistematiku tistudja “t-tikkettar jew id-deżinjazzjoni ta' kunċetti” partikolari għal qasam jew għal dominju wieħed jew iktar tal-attività tal-bniedem. Dan isir permezz tar-riċerka u l-analiżi tat-termini f'kuntest bl-iskop li jiġi ddokumentat u promoss l-użu konsistenti. It-terminoloġija tista' tkun limitata għal lingwa waħda jew iktar (pereżempju t-terminoloġija bilingwi jew multilingwi), jew ikollha enfasi interdixxiplinari fuq l-użu tat-termini f'oqsma differenti.[2][3]
Ħarsa ġenerali
immodifikaId-dixxiplina tat-terminoloġija tikkonsisti l-ewwel u qabel kollox fl-aspetti li ġejjin:
- l-analiżi tal-kunċetti u tal-istrutturi tal-kunċetti li jintużaw f'qasam jew f'dominji ta' attività
- l-identifikazzjoni tat-termini assenjati lill-kunċetti
- fil-każ tat-terminoloġija bilingwi jew multilingwi, l-istabbiliment ta' korrispondenzi bejn it-termini f'diversi lingwi
- il-kompilazzjoni tat-terminoloġija fuq il-karta jew elettronikament f'bażijiet tad-data
- il-ġestjoni tal-bażijiet tad-data tat-terminoloġija
- il-ħolqien ta' termini ġodda, skont kif ikun meħtieġ.
Tipi ta' terminoloġija
immodifikaIssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta' xogħol terminoloġiku:
- Xogħol ad hoc fuq it-terminoloġija, li għandu x'jaqsam ma' termini wieħed jew ma' għadd limitat ta' termini.
- Ġabra sistematika ta' terminoloġija, li għandha x'taqsma mat-termini kollha f'qasam jew f'dominju speċifiku, ħafna drabi permezz tal-ħolqien ta' ontoloġija strutturata tat-termini fi ħdan dak id-dominju u l-interrelazzjonijiet tagħhom.
It-terminoloġija ad hoc hija prevalenti fil-professjoni tat-traduzzjoni, fejn traduzzjoni ta' termini speċifiku (jew grupp ta' termini) tkun meħtieġa malajr biex tiġi solvuta problema tat-traduzzjoni.
Terminoloġija bħala dixxiplina
immodifikaTerminologu jkun espert tal-organizzazzjoni kategorika u jtejjeb ir-reqqa u l-kontenut tat-terminoloġija. L-industriji tekniċi u l-istituzzjonijiet tal-istandardizzazzjoni jikkompilaw il-glossarji tagħhom stess. Dan jipprovdi l-konsistenza meħtieġa f'diversi oqsma, fergħat, movimenti u speċjalitajiet, biex isir xogħol terminoloġiku siewi u mbagħad il-materjal jiġi offrut għal-letteratura tradizzjonali u akkademika tad-dixxiplina.
It-terminoloġija hija kruċjali wkoll fis-soluzzjoni ta' problemi meta wieħed jinsab bejn ħalltejn, pereżempju fit-traduzzjoni lingwistika u fl-epistemoloġija soċjali. It-terminoloġija tgħin biex jinbnew pontijiet ta' għarfien u biex qasam jiġi estiż f'ieħor. It-tradutturi jirriċerkaw it-terminoloġija tal-lingwi li jittraduċu bihom u minnhom. It-terminoloġija tigi mgħallma flimkien mat-traduzzjoni fl-universitajiet u fl-iskejjel tat-traduzzjoni. Id-dipartimenti u l-uffiċċji l-kbar tat-traduzzjoni spiss ikollhom taqsima tat-terminoloġija.
Teoriji terminoloġiċi
immodifikaFost it-teoriji terminoloġiċi nsibu t-teorija ġenerali tat-terminoloġija[4], is-soċjoterminoloġija[5], it-teorija komunikattiva tat-terminoloġija[6], it-terminoloġija soċjokonjittiva[7], u l-approċċ konjittiv tat-terminoloġija bbażata fuq frames.[8]
Aktar tagħrif
immodifika- Sonneveld, H, Loenning, K: (1994): Introducing terminology, in Terminology, pp. 1-6.
- Wright, S.E.; Budin, G.: (1997): Handbook of Terminology Management, Volume 1, Basic Aspects of Terminology Management, Amsterdam, Philadelphia, John Benjamins, p. 370.
- Gaudin, F., 2003, Socioterminologie: une approche sociolinguistique de la terminologie, éd. De Boeck-Duculot, Belgium.
- Wright, S.E.; Budin, G.: (2001): Handbooks of Terminology Management, Volume 2, Application-Oriented Terminology Management, Amsterdam, Philadelphia, John Benjamins.
- Kockaert, H.J.; Steurs, F.: (2014): Handbook of Terminology, Volume 1, Amsterdam, Philadelphia, John Benjamins
Referenzi
immodifika- ^ "Definition of TERM" (bl-Ingliż). Merriam-Webster. Miġbur 2021-03-01.
- ^ "ISO - 01.020 - Terminology (principles and coordination)". ISO. Miġbur 2021-03-01.
- ^ "ISO - ISO/TC 37 - Language and terminology". ISO. Miġbur 2021-03-01.
- ^ Wüster, E. (1979). Einführung in die allgemeine Terminologielehre und terminologische Lexikographie. Teil 1-2. Springer-Verlag.
- ^ Gaudin, F. (1993). "Socioterminologie: propos et propositions épistémologiques". Le Langage et l'Homme. Intercommunications. 28 (4): 247–257.
- ^ Cabré, M.T. (1999). La terminología: representación y comunicación.
- ^ Temmerman, R. (2000). Towards new ways of terminology description: the sociocognitive-approach. John Benjamins.
- ^ Faber, P.; Montero, S.; Castro, M.R.; Senso, J.; Prieto, J.A.; León, P.; Márquez C.; Vega, M. (2006). "Process-oriented terminology management in the domain of Coastal Engineering". Terminology. John Benjamins Publishing Company. 12 (2): 189–213.