Tlacotalpan

raħal fil-Muniċipalità ta' Tlacotalpan, Veracruz, il-Messiku

Tlacotalpan huwa raħal fil-Muniċipalità ta' Tlacotalpan fl-istat Messikan ta' Veracruz, li jiġi ddeżinjat bħal Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998 primarjament għall-arkitettura u għall-konfigurazzjoni kolonjali tiegħu. Ir-raħal ġie stabbilit fl-1550 fuq dik li oriġinarjament kienet gżira fix-xmara Papaloapan. Mill-era kolonjali sas-seklu 20, kien port importanti, wieħed mill-ftit portijiet tax-xmajjar interni fl-Amerka Latina. Madankollu, bil-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, l-importanza ta' Tlacotalpan majnat ferm. Mill-aħħar tas-seklu 20, bdew isiru sforzi biex jiġu kkonservati l-arkitettura u l-konfigurazzjoni Spanjoli/tal-Karibew tar-raħal, sa ma laħqu l-qofol tagħhom bid-deżinjazzjoni mill-UNESCO. Illum il-ġurnata, ir-riżorsi ekonomiċi prinċipali tar-raħal huma s-sajd u t-turiżmu, speċjalment għall-ħabta tal-festa annwali f'ġieħ il-Madonna tal-Preżentazzjoni ta' Kristu.

Tlacotalpan
 Messiku
Amministrazzjoni
Stat sovranMessiku
State of MexicoVeracruz
Municipality of MexicoTlacotalpan Municipality (en) Translate
Kodiċi postali 95460
Ġeografija
Koordinati 18°36′47″N 95°39′23″W / 18.613025°N 95.6562736°W / 18.613025; -95.6562736Koordinati: 18°36′47″N 95°39′23″W / 18.613025°N 95.6562736°W / 18.613025; -95.6562736
Tlacotalpan is located in Mexico
Tlacotalpan
Tlacotalpan
Tlacotalpan (Mexico)
Superfiċjenti 75 hectare, 320 hectare
Għoli 10 m
Demografija
Popolazzjoni 7,600 abitanti
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1847
Kodiċi tat-telefon 288
tlacotalpan-turismo.gob.mx

Deskrizzjoni immodifika

Ir-raħal huwa mlaqqam "il-ġawhra tax-xmara Papaloapan".[1]

Tlacotalpan huwa uniku fost il-biċċa l-kbira tal-insedjamenti urbani fl-Amerka Latina peress li huwa port ta' xmara interna, 'il ġewwa mill-ocean. Jitqies bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-konfigurazzjoni, l-arkitettura, l-istorja u t-tradizzjonijiet tiegħu.[2] Il-konfigurazzjoni urbana u l-arkitettura tiegħu jmorru lura għas-seklu 17, u r-raħal irnexxielu jikkonservahom sew. Il-konfigurazzjoni tar-raħal qisha checkboard, u tkopri 153 blokka fuq 75 ettaru, maqsuma fuq żewġ sezzjonijiet: sezzjoni "Spanjola" fil-Punent u sezzjoni "nattiva" iżgħar fil-Lvant, isseparati b'żona pubblika b'binjiet kummerċjali u uffiċjali flimkien ma' xi spazji pubbliċi. Is-sezzjoni Spanjola tar-raħal hija kkaratterizzata b'toroq wesgħin b'mod parallel max-xmara Papaloapan u kkollegati ma' xulxin b'karreġġati dojoq. F'din iż-żona hemm parks u spazji pubbliċi b'siġar maturi, bħall-Parque Hidalgo, magħruf għall-mużiċisti jdoqqu fih, u l-Plazuela de Doña Maria, ftit fil-Lvant miċ-ċentru, fl-eqdem parti tar-raħal, imdawra bi ħwienet fejn jinħadmu l-għamara, l-istrumenti mużikali u prodotti fini oħra tal-injam. L-arkitettura hija kkaratterizzata minn djar ta' sular jew tnejn bil-kolonni u bi btieħi interni bi stil tal-Andalucia, b'arkati bi stil tal-Karibew, b'soqfa b'tegoli ħomor u b'faċċati kkuluriti, li wħud minnhom imorru lura għas-seklu 18. Dawn huma partikolarment abbundanti fil-kwartieri ta' San Miguelito u ta' La Candelaria. Ħafna mid-djar għad għandhom il-konfigurazzjoni tradizzjonali minn ġewwa u saħansitra l-għamara tradizzjonali.[3]

Għalkemm l-aqwa żmien tar-raħal kien fis-seklu 19, Tlacotalpan għadu kklassifikat bħala port ta' xmara mill-gvern Messikan, u jaqdi l-iktar lid-dgħajjes tas-sajd u xi dgħajjes żgħar tar-rondi navali. Għandu moll tal-konkos twil 160 metru, u biċċa xatt tul ix-xmara fejn wieħed jista' jagħmel passejn u jmur jiekol f'wieħed mill-bosta ristoranti.[4]

Ftit lura mix-xatt tax-xmara hemm il-pjazza prinċipali tar-raħal imsejħa Plaza Zaragoza. Il-pjazza hija pavimentata bl-irħam abjad u mimlija siġar tal-palm. Fin-nofs tal-pjazza hemm kjosk tas-seklu 19 iddisinjat mill-iskultur lokali Francisco Sanchez Terán.

Attrazzjonijiet immodifika

 
Il-Mużew tad-Dar ta' Agustín Lara

L-attrazzjoni prinċipali f'din il-pjazza hi s-Santwarju tal-Madonna tal-Preżentazzjoni ta' Kristu (Nuestra Señora de la Candelaria) fuq in-naħa tat-Tramuntana. Din il-knisja nbniet fl-aħħar tas-seklu 18 (il-kostruzzjoni bdiet fl-1770) taħt Juan de Medina bil-ġebel mill-Golf tal-Messiku biex tħaddan fiha x-xbieha tal-Madonna, li ġabu magħhom il-baħħara fis-seklu 17. Iċ-ċelebrazzjoni annwali ewlenija tar-raħal timla din il-knisja bix-xemgħat u bil-fjuri.[5]

Il-knisja l-oħra fil-pjazza hija l-Knisja Parrokkjali ta' San Cristóbal, li tmur lura għall-1849. Il-knisja hi Neoklassika b'xi influwenzi Għarab, u għandha arloġġ fit-torri tagħha li jingħad li ġie mill-Ingilterra xi żewġ sekli ilu. L-artali prinċipali tagħha ġew skolpiti mill-injam u fihom ix-xbieha notevoli tal-Madonna ta' Guadalupe. Hemm artal importanti ddedikat lil Ġesù fil-kappella laterali maġenb iż-żona tal-artal prinċipali.

Madankollu, la s-santwarju u lanqas il-knisja parrokkjali mhuma l-eqdem knisja fir-raħal. L-eqdem waħda hi l-Knisja ta' San Miguelito, li tinsab fil-Plaza de las Madres. Din inbniet fl-1785 fl-eqqel żmien tal-Barokk fil-Messiku.

L-aħħar struttura prinċipali fi Plaza Zaragoza huwa l-palazz muniċipali. Dan inbena fl-1849 u fih bosta pitturi biż-żejt magħmula minn Salvador Ferrando kif ukoll arkivju ta' dokumenti li jmorru lura għall-perjodu kolonjali.

Fil-Lvant tas-Santwarju hemm pjazza żgħira msejħa Plazuela Agustín Lara, li ssemmiet għall-kantawtur li għandu statwa ddedikata lilu f'nofs il-pjazza. Il-Casa Artesanal Rafaela Murillo de Barbero tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar ta' din il-pjazza, u din fl-imgħoddi kienet tintuża bħala l-ħabs muniċipali. Illum il-ġurnata fiha lbiesi tan-nisa b'rakkmu fin, ilbiesi tradizzjonali tal-irġiel, għamara tal-injam u prodotti oħra. Il-Mużew ta' Salvador Ferrando jinsab fuq in-naħa tal-Lvant, u huwa ddedikat lill-pittur u l-pijunier tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali ta' Veracruz, f'dar li kienet tiegħu. Il-mużew fih xi xogħlijiet tal-artist u ta' artisti oħra, b'oġġetti antiki ta' żmienu.

Il-Mużew tad-Dar ta' Agustín Lara jinsab fit-Triq Gonzalo Aguirre Beltran fil-Lvant tal-pjazza prinċipali u huwa wieħed mill-iktar ċentri kulturali attivi. Ġie ddedikat lill-kantawtur u l-poeta li għex ħafna minn ħajtu fir-raħal. Fih ritratti u oġġetti marbuta ma' Lara u mal-karriera tiegħu, kif ukoll ma' artisti importanti oħra taż-żona bħal Salvador Ferrando, Alberto Fuster u Eric Arana (iktar kontemporanju). Attrazzjoni oħra marbuta mal-ħajja ta' Lara hija l-Blanca Nieves Cantina, magħrufa wkoll bħala l-Mużew-Bar ta' Tobías Carbajal Rivera. Kien post għall-qalb il-kantawtur, fejn kien jixrob ix-xarba alkoħolika lokali msejħa toritos mal-ħbieb. Ilu jopera għal iktar minn sittin sena, iżda oriġinarjament kien imsejjaħ El Encango de Tobías. L-isem attwali tiegħu, "Snow White" bl-Ispanjol, ġej minn Lara stess, b'risq is-sid ta' dak iż-żmien Tobías Carbajal u s-sebat itfal tiegħu. Is-sezzjoni tal-mużew tal-bar fiha l-uniku statwa ta' Lara liebes guayabera u kappell magħmul bil-friegħi tal-palm.[5]

Iċ-ċentru kulturali tar-raħal ingħata kunjom Lara wkoll (Casa de Cultura Agustín Lara). Jinsab fit-Triq Venustiano Carranza u jservi bħala post fejn jiltaqgħu l-artisti, il-mużiċisti u ż-żeffiena, u huwa post fejn jiġu offruti klassijiet taż-żifna tradizzjonali ta' Veracruz magħrufa bħala zapateado u ta' diversi strumenti mużikali. Fih wirja permanenti ta' oġġetti relatati ma' Lara, flimkien ma' pitturi ta' Salvador Ferrando u ta' Alberto Fuster.

It-Teatru Nezahuacoyotl jinsab ukoll tul it-Triq Venustiano Carranza u nbena fl-1891 bi stil Franċiż matul il-perjodu ta' Porfirio Díaz.

Dar oħra li ġiet ikkonvertita f'attrazzjoni hi l-"Mini-Żu". L-istruttura u l-kollezzjoni kienu ta' Pío Barrán. Fiha hemm kollezzjoni ta' oġġetti u ta' annimali, speċjalment mill-ġbid tal-films li Barrán kien jikkollezzjona matul ħajtu kollha, inkluż kollezzjoni notevoli marbuta ma' Agustín Lara. L-iżjed aspett mhux tas-soltu tas-sit hu l-kollezzjoni ta' annimali eżotiċi, u wħud minnhom jgħixu liberi f'din il-proprjetà. Il-kollezzjoni tinkludi kukkudrilli, fkieren tal-ilma, pellikani u għasafar tal-priża.

Il-Jardín del Arte Tlacotalpeño (il-Ġnien tal-Arti ta' Tlacotalpan) jesponi u jbigħ opri tal-arti ta' artisti tar-reġjun. Il-ġnien jinsab fin-Nofsinhar tal-pjazza prinċipali.[5]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Il-plakka tal-UNESCO fil-pjazza prinċipali

Iż-Żona tal-Monumenti Storiċi ta' Tlacotalpan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Festa immodifika

Fil-kalendarju intensiv tal-festi tal-Messiku, iċ-ċelebrazzjoni tal-Virgen de la Candelaria f'Tlacotalpan, Veracruz, hija famuża ħafna. Mill-31 ta' Jannar sat-2 ta' Frar ta' kull sena, eluf ta' nies jiffullaw fit-toroq ta' Tlacotalpan. Matul il-festa, il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini ta' Tlacotalpan jiftħu d-djar tagħhom biex jilqgħu l-eluf ta' viżitaturi. Matul il-jiem tal-festa, issir il-Laqgħa Nazzjonali tal-jaraneros u tal-versadores fi Plaza Doña Martha ġeneralment filgħaxija.

Ġeografija u ambjent immodifika

 
Dar fi Tlacotalpan li turi l-livell tal-għargħar tal-2010

Tlacotalpan jinsab fiċ-ċentru tal-istat Messikan tal-Lvant ta' Veracruz, madwar 90 kilometru mill-port ta' Veracruz u 203 kilometri fix-Xlokk tal-belt kapitali statali, Xalapa. Jagħmel parti mir-reġjun ta' Sotavento tal-istat.

Il-ġeografija taż-żona hija pjuttost ċatta, bi ftit għoljiet lejn il-Punent. Il-biċċa l-kbira tat-territorju (60 %) jintuża biex jirgħu l-bhejjem, bi 15 % għat-tkabbir tal-għelejjel u b'20 % mgħerreq fl-ilma.

It-territorju huwa ddefinit mix-xmara Papaloapan, flimkien max-xmajjar San Juan u Tuxpan li huma tributarji tagħha. Ix-xmara Papaloapan hija navigabbli, iżda ma tantx hemm servizzi jew sinjalar għat-traffiku tad-dgħajjes.

Ir-raħal għandu klima semitropikali, b'temperatura annwali medja ta' 25.1 °C. Ikun hemm żewġ staġuni distinti. Minn Ottubru sa April, it-temp ikun iddominat mill-kurrenti tal-arja kiesħa mit-Tramuntana, magħrufa bħala "nortes". Dawn il-kurrenti jistgħu jikkawżaw irwiefen qawwija u trombi tal-arja. Matul il-kumplament tas-sena, it-temp ikun iddominat mill-Kurrent Atlantiku (Corriente Atlántica), li jġib miegħu rjieħ sħan u umdużi mix-Xlokk tal-Messiku, li jikkawżaw il-biċċa l-kbira tax-xita annwali. Settembru jkun l-iktar xahar bil-maltempati u ż-żona tkun affettwata wkoll regolarment mill-uragani. Dawn jistgħu jikkawżaw għargħar kbir bħal fil-każ tal-Uragan Roxanne fl-1995, l-Uragani Dean u Felix fl-1997, l-Uragan Karl fl-2010 u l-Uragan Ernesto fl-2012.

Il-veġetazzjoni hija ħorfija, u l-ispeċijiet prinċipali tas-siġar huma l-ballut, il-fraxxnu, iż-żafżafa u l-luq. Hemm ukoll żoni bil-mangrovji.

Fiż-żona ta' Tlacotalpan hemm xi depożiti taż-żejt.

Storja immodifika

 
Mappa kolonjali bikrija li turi lil Tlacotalpan bħala gżira fil-Mużew ta' Salvador Ferrando

L-isem "Tlacotalpan" huwa modifika Spanjola tat-terminu bin-Nahuatl "Tlaxcotaliapan" li jfisser "art bejn l-ilmijiet". Dan jirreferi għall-gżira tal-insedjament oriġinali fix-xmara Papaloapan. Meta x-xatt tat-Tramuntana tax-xmara ġie mmodifikat, il-gżira ġiet magħquda mal-art kontinentali. F'nofs is-seklu 19, l-isem tar-raħal kien San Cristobal Tlacotalpan, iżda mbagħad tqassar.

Ma tantx għandna tagħrif dwar l-istorja pre-Ispanika taż-żona, iżda oriġinarjament kienet abitata mit-Totonac. Iktar 'il quddiem ħadulhom posthom it-Toltec fis-seklu 12. Fl-1461, Moctezuma Ilhuicamina beda l-ewwel sforzi Azteki ta' espansjoni hawnhekk, li iktar 'il quddiem ġew ikkontrollati mid-dominju ta' Cotaxtlan. Fl-1475, Axayacatl ħakem ir-raħal flimkien ma' Coixtlahuaca, Tochtepec u Cosamaloapan, u ta l-ismijiet attwali lil dawn il-postijiet kollha.

Fl-1518, Pedro de Alvarado għamel spedizzjoni u baħħar 'il fuq mix-xmara Papaloapan, u fl-1521 Hernán Cortés bagħat lil Gonzalo de Sandoval hawnhekk biex ifittex għad-deheb. Wara l-Konkwista fl-1521, Alfonso Romero ngħata din iż-żona bħala encomienda. Fil-muniċipalità attwali, f'post li dak iż-żmien kien jissejjaħ Coanapa-Ayotzinapa, Cortes stabbilixxa l-ewwel impjant tal-kannamiela fil-Messiku fl-1532. Fl-1550 it-territorju ngħata mir-re Spanjol lil Gaspar Rivakeneyra u użah għar-ragħa tal-bhejjem tiegħu. Huwa ma setax jipprevjeni lis-sajjieda milli jistabbilixxu r-raħal iżda rrikjeda li tinbena kappella ddedikata lill-Madonna tal-Preżentazzjoni ta' Kristu.

Il-kolonizzazzjoni taż-żona saret bil-mod, bi 12-il Spanjol biss fl-1544 u mhux iktar minn 320 sal-1777. Iċ-ċifri ta' popolazzjonijiet oħra matul il-perjodu kolonjali huma neqsin iżda fl-1808 kien hemm 1,156 abitant indiġenu u 1,616-il "pardos" jew nies ta' nisel indiġenu u Afrikan.

Fil-bidu tas-seklu 17, kien hemm tentattiv ta' subordinazzjoni taż-żona għal Cosamaloapan, iżda l-indiġeni rnexxielhom jirreżistu. Fis-seklu 17, ir-raħal sar ċentru kummerċjali għall-haciendas tal-madwar, u dan wassal għat-tkabbir fil-popolazzjoni Spanjola tiegħu. Il-ġid u l-istatus tar-raħal bħala port attira lill-pirati Ingliżi fis-sekli 17 u 18, u fl-1667 tawh in-nar.

Fl-1714, ix-xmara Papaloapan faret u r-raħal kellu jiċċaqlaq fil-post attwali tiegħu, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Chuniapa. Ir-raħal ġarrab tliet nirien kbar oħra fl-1698, fl-1788 u fl-1790. L-aħħar tnejn wasslu biex l-awtoritajiet jirrikjedu l-bini mill-ġdid b'ħitan tal-ġebel, b'soqfa bit-tegoli, u bl-istabbiliment ta' spazji miftuħa u bis-siġar. Dawk li ma setgħux jibnu b'dan il-mod kellhom jiċċaqilqu fil-parti tal-Lvant tar-raħal li kellha rekwiżiti inqas rigorużi. Il-biċċa l-kbira tal-eqdem binjiet huma ta' dan iż-żmien u ddeterminaw l-istil komuni tad-djar kbar bil-btieħi, bis-soqfa bit-tegoli u bil-passaġġi bl-arkati.

It-territorju tal-muniċipalità ġie ffissat sal-aħħar tas-seklu 18.

Tlacotalpan laħaq il-qofol tiegħu bħala raħal portwali fis-seklu 19. Fil-bidu ta' dak is-seklu, immigranti Franċiżi, Ġermaniżi u Taljani ġew jgħixu fiż-żona biex jiżirgħu, jaħsdu u jinsġu l-qoton, sabiex imbagħad jinbigħ fis-swieq Ingliżi. Mill-1821, Tlacotalpan esperjenza tkabbir ekonomiku bħala port għall-prodotti minn Oaxaca u minn Puebla lejn Veracruz u 'l barra mill-pajjiż lejn New Orleans, Havana u Bordeaux. Sal-1855 ospita tmintax-il vapur tal-istim u vapur kbir tat-tbaħħir li kienu jittrasportaw l-injam, it-tabakk, il-qoton, il-qmuħ, iz-zokkor, il-brandy, il-ġlud, il-laħam immellaħ, il-kukkudrilli, ir-rix tar-russetti, l-għamara u s-sapun. Fl-1825 infetaħ wieħed mill-ewwel kulleġġi nawtiċi tal-Messiku, stabbilit minn Guadalupe Victoria. Fl-1847, Tlacotalpan ġie ddikjarat uffiċjalment bħala raħal bħala rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-difiża kontra l-forzi tal-Istati Uniti fil-Gwerra bejn il-Messikani u l-Amerikani. Fl-1864 ir-raħal ittieħed mill-forzi Franċiżi taħt Marechal jum wara li ttieħed Alvarado. Iktar tard f'dik l-istess sena, il-forzi Repubblikani taħt Alejandro Garcia reġgħu ħadu ż-żona f'idejhom. Fl-1865 ir-raħal ġie ddikjarat belt u belt kapitali proviżorja għar-reżistenza kontra l-Franċiżi. Fl-1879, Miguel Z. Cházaro stabbilixxa t-tielet skola preparatorja ta' Veracruz. Hemmhekk Porfirio Díaz organizza rewwixta kontra l-gvern ta' Sebastián Lerdo de Tejada, li wasslet għall-bidla fl-isem ta' Tlacotalpan de Porfirio Díaz fl-1896. Dan l-isem inbidel għal kif inhu llum il-ġurnata wara r-Rivoluzzjoni Messikana. Fil-bidu tas-seklu 20, ir-raħal kellu tmien skejjel, tliet lukandi, disa' fabbriki u 100 dar ta' sular.

Madankollu, fl-ewwel parti tas-seklu 20, l-importanza ta' Tlacotalpan bħala port, li kienet sostnietu mill-perjodu kolonjali, majnat minħabba l-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja tal-Ferrocarril del Istmo. Il-popolazzjoni tiegħu kibret kemxejn biss mill-1950 sal-1980 u baqgħet stabbli minn dak iż-żmien, bi ftit iktar minn 8,800 ruħ.

Fl-1968 bdew isiru sforzi ta' konservazzjoni meta Tlacotalpan ġie ddikjarat bħala "raħal tipiku" tal-Messiku mill-istat ta' Veracruz. Fl-1986 ġie ddikjarat bħala Żona tal-Monumenti Storiċi mill-gvern federali li kellha tiġi ġestita mill-Instituto Nacional de Antropologia e Historia (INAH) u mill-Instituto Nacional de Bellas Artes (INBA). Fl-1985 u fl-1997 ġiet stabbilita żona ta' tranżizzjoni li tinkludi ż-żoni fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, li sservi bħala żona ta' lqugħ għaż-żona prinċipali ta' konservazzjoni. Fl-1998 Tlacotalpan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-istorja tiegħu bħala port ta' xmara, għall-arkitettura tiegħu u għat-tradizzjonijiet tiegħu fil-poeżija, fil-mużika u fiż-żfin.[2]

Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-INAH u l-Fondo Nacional para la Cultura y las Arts (FONCA) ħadmu sabiex jerġgħu jagħtu ħajja lir-raħal u jtejbu l-ekonomija tiegħu, b'mod partikolari permezz tat-turiżmu.[5]

Referenzi immodifika

  1. ^ González, Víctor Manuel Jiménez; Vázquez, Itos, eds. (2010). Veracruz: Guía para descubrir los encantos del estado. Belt tal-Messiku: Editorial Océano de México. pp. 67–69. ISBN 978-607-400-323-9.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Monuments Zone of Tlacotalpan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-14.
  3. ^ "Mexico Desconocido Guía Especial Descubre Veracruz". México Desconocido. Belt tal-Messiku: Mexico Desconocido: 70–73. April 2014. ISSN 1870-9397.
  4. ^ ""Tlacotalpan, Veracruz" (PDF). Messiku: SEMAR" (PDF).
  5. ^ a b ċ d "Veracruz - Tlacotalpan". web.archive.org. 2014-04-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-24. Miġbur 2022-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)