Svaneti
Svaneti jew Svanetia (bis-Svan: შუ̂ან, ლემშუ̂ანიერა shwan, lemshwaniera; Suania f'sorsi tal-qedem; bil-Georgian: სვანეთი Svaneti) hija provinċja storika fin-naħa tal-Majjistral tal-Georgia. Svaneti tinsab tul il-katina muntanjuża tal-Kawkasi u hija wieħed mill-iżjed reġjuni muntanjużi tal-Georgia. Fiha jgħixu l-iktar is-Svan, sottogrupp etniku ta' Georgiani.
Svaneti tinsab fix-xaqlibiet tan-Nofsinhar tal-muntanji ċentrali tal-Kawkasi u hija mdawra bi qċaċet ta' 3,000–5,000 metru. Svaneti hija l-ogħla żona abitata fil-Kawkasu. Erba' mill-ogħla 10 qċaċet tal-Kawkasu jinsabu fir-reġjun. L-ogħla muntanja fil-Georgia, il-Muntanja ta' Shkhara, għolja 5,201 metru (17,059 pied), tinsab fil-provinċja. Qċaċet prominenti jinkludu Tetnuldi (4,974 metru / 16,319-il pied), Shota Rustaveli (4,960 metru / 16,273 pied), il-Muntanja ta' Ushba (4,710 metri / 15,453 pied), Ailama (4,525 metru / 14,842 pied), kif ukoll Lalveri, Latsga u oħrajn.
Svaneti hija magħmula minn żewġ widien abitati:
- in-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti (Zemo Svaneti) fin-naħa ta' fuq tax-xmara Inguri; li amministrattivament tagħmel parti minn Samegrelo-Zemo Svaneti; ir-raħal prinċipali huwa Mestia;
- in-Naħa t'Isfel ta' Svaneti (Kvemo Svaneti) fin-naħa ta' fuq tax-xmara Tskhenistsqali; li amministrattivament tagħmel parti minn Racha-Lechkhumi; ir-raħal prinċipali huwa Lentekhi.
Dawn iż-żewġ widien huma sseparati mill-Katina Muntanjuża ta' Svaneti li hija kważi għolja daqs il-katina muntanjuża prinċipali tal-Kawkasi. Svaneti storika kienet tinkludi wkoll il-Fondoq ta' Kodori fil-provinċja ribelli ta' biswit tal-Abkażja, u parti mill-widien tax-xmajjar tal-madwar ta' Kuban u ta' Baksan fit-Tramuntana tal-quċċata tal-Kawkasu. Fl-1848, Bodenstedt fil-kitba tiegħu qal li li wieħed seta' jasal fin-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti permezz ta' mogħdija diffiċli bil-mixi biss li kienet tingħalaq fix-xitwa.[1]
Pajsaġġ
immodifikaIl-pajsaġġ ta' Svaneti huwa ddominat mill-muntanji li huma sseparati permezz ta' fniedaq fondi. Il-biċċa l-kbira tar-reġjun taħt l-1,800 metru (5,904 piedi) 'il fuq mil-livell tal-baħar hija miksija b'foresti b'siġar imħallta u koniferi. Iż-żona forestali hija magħmula minn speċijiet ta' siġar bħall-abit, iż-żnuber, il-fagu, il-ballut u l-karpin. Speċijiet oħra li huma inqas komuni iżda li xorta waħda jinstabu f'xi żoni jinkludu l-qastan, il-betula, l-aġġru, l-arżnu u l-buxus. Iż-żona estiża bejn 1,800 metru sa bejn wieħed u ieħor madwar 3,000 metru (5,904–9,840 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar tikkonsisti minn mergħat u bwar tal-ħaxix alpini. Il-borra u l-glaċieri permanenti jiksu ż-żoni 'l fuq minn 3,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Ir-reġjun huwa notevoli għall-glaċieri u għall-qċaċet pittoreski tiegħu. Il-quċċata ewlenija ta' Svaneti x'aktarx li hija l-Muntanja ta' Ushba 'l fuq mill-Fondoq ta' Inguri u tidher minn bosta partijiet tar-reġjun.
Klima
immodifikaIl-klima ta' Svaneti hija umduża u hija influwenzata mill-mases tal-arja mill-Baħar l-Iswed matul is-sena kollha. It-temperatura u l-preċipitazzjoni medja jvarjaw b'mod konsiderevoli skont l-elevazzjoni. Il-preċipitazzjoni annwali tvarja bejn 1,000 u 3,200 millimetru (39 u 126 pulzier). L-ogħla ammont ta' preċipitazzjoni tinżel fil-Muntanji tal-Kawkasu l-Kbir. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn borra qalila ħafna fix-xitwa u l-valangi jseħħu spiss. Il-borra jaf tilħaq il-ħames metri (16.4-il pied) f'xi żoni. Inġenerali, l-iżjed reġjuni baxxi ta' Svaneti (800–1,200 metru / 2,624–3,936 pied 'il fuq mil-livell tal-baħar) huma kkaratterizzati minn sjuf sħan twal u minn xtiewi relattivament kesħin u bil-borra. Fl-altitudnijiet nofsana (1,200–1,800 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar) ikun hemm sjuf relattivament sħan u xtiewi relattivament kesħin. Iż-żoni 'l fuq minn 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar jinsabu f'medda li tesperjenza sjuf qosra u friski (inqas minn tliet xhur) u xtiewi twal u kesħin. Partijiet kbar minn Svaneti jinsabu 'l fuq minn 3,000 metru (9,840 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, żona li effettivament lanqas ikollha sajf fil-verità. Minħabba l-prossimità ta' Svaneti mal-Baħar l-Iswed, ir-reġjun jiffranka t-temperaturi estremament kesħin li huma karatteristiċi tal-muntanji għoljin.
Storja
immodifikaIs-Svan normalment jiġu identifikati mas-Soanes imsemmija mill-ġeografu Grieg Strabo, li bejn wieħed u ieħor jikkollokahom fl-inħawi li għadhom okkupati mis-Svan moderni. Il-provinċja kienet dipendenza tal-Kolkiċi, u tar-renju suċċessur ta' Lazica (Egrisi) sal-552 W.K., meta s-Svan ħadu vantaġġ mill-Gwerra ta' Lazica, irrepudjaw din il-konnessjoni u għaddew għand il-Persjani. The Oxford Dictionary of Late Antiquity jindika li "milli jidher din l-għażla kienet tirrifletti preferenza ġenerali ta' Suania favur l-alleanza mal-Persja, meta mqabbla ma' preferenza ta' Lazica favur l-alleanza mar-Rumani, li baqgħet kwistjoni ta' tensjoni sal-konkwisti tal-Għarab". Il-Biżantini riedu r-reġjun, għaliex ladarba jirnexxilhom jiżguraw is-sigurtà tal-mogħdijiet muntanjużi tiegħu, huma setgħu jipprevjenu l-attakki Persjani fuq iż-żoni tal-fruntiera ta' Lazica. Bi tmiem il-gwerra fil-562, Svanetia reġgħet saret parti minn Lazica. Imbagħad, il-provinċja ngħaqdet mar-Renju tal-Abkażja (Ġwanni u Adarnase tad-dinastija Shavliani, 871–893) sabiex tifforma monarkija unifikata li ġiet inkorporata fir-Renju tal-Georgia fil-bidu tas-seklu 11. Svanetia saret dukat (saeristavo) fi ħdanu, immexxi minn duka (eristavi). Il-kultura Ortodossa tal-provinċja ffjorixxiet b'mod partikolari matul "l-epoka tad-deheb" tal-Georgia taħt ir-Reġina Tamar (li rrenjat fl-1184–1213), li kienet irrispettata kważi bħala divinità femminili min-nies ta' Svaneti. Skont leġġenda, ir-Reġina Tamar kienet iżżur id-dukat kull sena. Is-Svan kienu magħrufa bħala ġellieda kiefra għal sekli sħaħ. Il-pavaljun tal-gwerra tagħhom li kien jintefaħ kien jismu Lemi (Iljun) minħabba l-għamla tiegħu.
Il-Mongoli nomadi qatt ma waslu sa Svanetia, u għal xi żmien ir-reġjun sar fortizza kulturali sikura. Wara l-aħħar diżintegrazzjoni tar-Renju tal-Georgia fis-snin 60 tas-seklu 15, faqqa' l-ġlied għall-kontroll tal-provinċja. Parti min-naħa ta' fuq ta' Svanetia ffurmat prinċipat indipendenti taħt il-Prinċipessa Dadeshkeliani, fergħa tal-familja Gelovani, filwaqt li n-naħa t'isfel ta' Svanetia, immexxija oriġinarjament mill-Prinċipessa Gelovani, ġiet użurpata temporanjament u sottomessa għall-prinċipiessa Mingreljana Dadiani. Wara kunflitt intern gravi, il-Prinċep Tsioq’ Dadeshkeliani ta' Svanetia ffirma trattat ta' protettorat mal-Imperu Russu fis-26 ta' Novembru 1833. Minħabba d-diffikultà tal-aċċess, ir-reġjun żamm awtonomija sinifikanti sal-1857, meta r-Russja ħadet vantaġġ mit-taqbid fewdali dinastiku fi Svanetia u effettivament aboliet l-awtonomija tal-prinċipat. Fl-1875, ir-Russi imponew ruħhom iktar billi imponew taxxi addizzjonali. Faqqgħu l-protesti, u r-Russja skjerat truppi kontra l-provinċja. Minkejja li ġarrbet telfiet kbar, l-unitajiet tal-armata Russa eventwalment għelbu r-ribelli u ħarqulhom għalkollox il-fortizza tagħhom Khalde fl-1876.
Bħala parti mill-governorat Russu ta' Kutais, Svanetia nqasmet f'żewġ raions (distretti) — Mestia (li qabel kienet Sethi) u Lentekhi — taħt it-tmexxija Sovjetika. Fl-1921 kien hemm rewwixta fir-reġjun kontra s-Sovjetiċi iżda ma rnexxietx.
Fl-1987 il-valangi qerdu diversi djar u qatlu kważi 80 ruħ, bosta minnhom tfal tal-iskola. Wara l-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista tal-Unjoni Sovjetika u l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Sovjetika għaddew digriet għar-rilokazzjoni mill-ġdid ta' xi 2,500 familja lejn id-distretti tal-Lvant tal-Georgia (il-migrazzjoni ekoloġika lejn id-distretti ta' Marneuli, Tetritskaro, Bolnisi, Sagarejo, Gardabani, Dmanisi, Kaspi, Tskaltubo, Khoni, Ozurgeti, u Lanchkhuti. Tmiem l-Unjoni Sovjetika u sussegwentement il-Gwerra Ċivili Georgiana ħolqu problemi soċjoekonomiċi kbar fir-reġjun. Filwaqt li l-popolazzjoni ta' Svanetia rreżistiet il-kundizzjonijiet mhux pjaċevoli tal-ambjent tal-muntanji għoljin fejn kienu ilhom jgħixu għal sekli sħaħ, iż-żieda fid-diffikultajiet ekonomiċi tal-aħħar żewġ deċennji u d-diżastri naturali frekwenti — pereżempju l-għargħar u ċ-ċedimenti tal-art ta' April 2005) wasslu għal tendenza kbira favur il-migrazzjoni. Fil-provinċja tkattru l-kriminali li bdew jheddu lir-residenti lokali u lit-turisti. Operazzjonijiet fuq skala kbira kontra l-kriminali twettqu mill-Forzi Speċjali tal-Georgia f'Marzu 2004, u dawn irriżultaw f'titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIn-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irriversibbli".[2]
Popolazzjoni
immodifikaIs-Svan, il-popolazzjoni indiġena ta' Svanetia, huma sottogrupp etniku tal-Georgiani. Sas-snin 30 tas-seklu 20, il-Mingreljani u s-Svan kellhom ir-raggruppamenti proprju fiċ-ċensiment, iżda kienu kklassifikati taħt il-kategorija usa' tal-Georgiani iktar 'il quddiem. Huma Kristjani Ortodossi Georgiani, u ġew Kristjanizzati fis-sekli 4 sa 6. Madankollu, xi fdalijiet tal-paganiżmu tal-qedem baqa' jeżisti. San Ġorġ (magħruf lokalment bħala Jgëræg), il-qaddis patrun tal-Georgia, huwa l-iżjed qaddis irrispettat. Is-Svan żammew ħafna mit-tradizzjonijiet antiki tagħhom, inkluż it-taqbid fewdali bit-tixrid tad-demm. Il-familji tagħhom huma żgħar u l-kap tal-familja huwa r-raġel.
Tipikament is-Svan huma bilingwi, u jużaw kemm il-Georgian kif ukoll il-lingwa Svan mhux miktuba tagħhom stess, li flimkien mal-Georgian, mal-Mingreljan u mal-Laz jikkostitwixxu l-familja tal-lingwi tal-Kawkasu t'Isfel jew Kartveljani.
Kultura u turiżmu
immodifikaSvanetia hija magħrufa għat-teżori arkitettoniċi u għall-pajsaġġi pittoreski tagħha. L-aspett botaniku ta' Svanetia huwa leġġendarju fost il-vjaġġaturi. It-torrijiet residenzjali famużi tas-Svan, li nbnew l-iktar fis-sekli 9 sa 12, jagħmlu l-villaġġi tar-reġjun iktar attraenti. Permezz tal-kwantità kbira ta' dawn id-djar uniċi u l-preservazzjoni unika tal-villaġġi rurali Medjevali, il-komunità ta' Ushguli fin-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.
Il-kanzunetti u ż-żifniet tas-Svan huma tradizzjonijiet kulturali notevoli. Svanetia tħaddan x'aktarx l-iżjed tip ta' kant polifoniku arkajku maqsum fi tliet partijiet. Il-biċċa l-kbira tal-kanzunetti tagħhom huma marbuta ma' żfin fi ċrieki, u jiġu kantati qalb storbju kbir u huma mimlijin noti dissonanti.
Ara wkoll
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Friedrich Bodenstedt, Die Voelker Des Kaukasus..., 1848, p. 69.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Upper Svaneti". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-09.