Storja ta' Arsenal FC (1966–preżent)
L-istorja ta' Arsenal FC mill-1966 sal-ġurnata tal-lum tgħatti t-tielet, ir-raba' u l-ħames perjodu ta' suċċess fl-istorja tat-tim tal-Arsenal, fejn jinkludu tliet Doppjetti, Doppjetta fit-Tazza u suċċess fuq kamp Ewropew.
Wara l-ħatra ta' Bertie Mee fl-1966 huma rebħu t-Tazza tal-Fieri tal-1969–70, l-ewwel trofew Ewropew, kif ukoll l-ewwel doppjetta tal-kampjonat u l-FA Cup fl-1970–71. Madanakollu, dan it-tim rebbieħ ma tantx dam magħqud u kawża ta' dan, id-deċennju ta' wara kien karatterizzat minn serje ta' riżultati diżappuntatnti lejn tmiem it-tragward, li jinkludu tliet telfiet f'finali tal-FA Cup (1971–72, 1977–78 u 1979–80) u telfa bil-penalties fit-Tazza tat-Tazez Ewropej 1979–80. L-uniku suċċess tal-klabb kienet l-FA Cup tal-1978–79 meta għelbu fil-finali lil Manchester United.
Wara stagħdir fis-snin tmenin, ir-ritorn tal-eks plejer George Graham bħala kowċ fl-1986 wassal għat-tielet perjodu ta' glorja. Arsenal rebħu l-League Cup tal-1986–87, żewġ titli tal-kampjonat fl-1988–89 u l-1990–91, id-doppjetta tal-FA Cup u l-League Cup fl-1992–93 u t-tieni trofew Ewropew, it-Tazza tat-Tazez Ewropej tal-1993–94. Madanakollu, ir-reputazzjoni ta' Graham kienet ġiet imtappna meta ġie żvelat li kien irċieva flus minn taħt fuq it-trasferiment ta' ċerti ta' plejers, u b'konsegwenza ta' dan ġie eżonerat minn xogħlu fl-1995.
Il-ħames perjodu ta' suċċess wasal mal-ħatra ta' Arsène Wenger fl-1996. Taħtu, l-Arsenal rebħu t-tieni doppjetta ta' kampjonat u tazza fl-1997–98, u t-tielet waħda fl-2001–02. Barra minn hekk, il-klabb spiċċa rebbieħ fl-2002–03 u l-2004–05 tal-FA Cup, u kif ukoll rebbieħ tal-Premier League fl-2003–04, mingħajr ma jitilfu logħba waħda. Fl-2005–06 huma saru l-ewwel tim ibbażat f'Londra li qatt laħqu l-finali tal-UEFA Champions League, però spiċċaw fuq in-naħa telliefa meta sofrew telfa ta' 2–1 kontra t-tim ta' FC Barcelona. Fl-istaġun ta' wara l-Arsenal ħallew l-istadju storiku ta' Highbury biex ittrasferixxew fl-istadju l-ġdid tal-Emirates Stadium, li jinsab ftit metri 'l bogħod mill-impjant il-qadim.
L-ewwel Doppjetta (1966–1976)
immodifikaWara t-tkeċċija ta' Billy Wright fis-sajf tal-1966, Arsenal ħatru lill-fiżjoterapista Bertie Mee bħala s-suċċessur tiegħu. Din il-mossa kienet waħda li qanqlet sorpriża kbira, saħansitra anke għal Mee stess, li għamel rikjesta biex jerġa' lura fl-irwol li kellu qabel ta' fiżjoterapista li kieku dan l-irwol il-ġdid ma jkunx qed jiffunzjona tajjeb wara tnax-il xahar.[1] Flimkien mal-assistent tiegħu Dave Sexton, Mee ġab viżjoni aktar professjonali lill-klabb u ppromova lil talenti ġodda; it-tim ġovanili tal-Arsenal kien għadu kif rebaħ l-FA Youth Cup fl-1966, u plejers offensivi bħal Charlie George, John Radford, Peter Simpson u Ray Kennedy ġew promossi għall-ewwel tim.
Mee ikkomplementa din l-abilità offensiva b'xi elementi aktar esperjenzi; il-kaptan Frank McLintock fil-qalba tad-difiża kien jidderieġi difiża qawwija, waqt li l-imqit Peter Storey kellu l-irwol ta' midfilder difensiv. It-tim mal-ewwel wera sinjali ta' speranza meta laħqu żewġ finali suċċessivi tal-League Cup fl-1968 u l-1969, però, fiż-żewġ drabi l-Gunners marru lejn darhom b'idhom f'idhom. Fl-ewwel darba, Arsenal tilfu kontra Leeds United ta' Done Revie bl-iskor ta' 1–0, b'Tery Cooper jikseb l-uniku gowl.
Fit-tieni finali l-Arsenal sofrew telfa b'sorpriża ta' 3–1 kontra Swindon Town, formazzjoni tat-Tielet Diviżjoni. Minħabba li tmienja mit-tim kellhom l-influwenza li wasslet ukoll għall-partita preċedenti tal-kampjonat biex tiġi posposta,[2] Arsenal irnexxielhom jilħqu biss il-ħin supplementari grazzi għal żball mill-gowler avversarju li ta lil Bobby Gould il-gowl tal-pari. Fil-ħin supplementari, Don Rodgers sab ix-xibka darbtejn biex sfuma ċ-ċans tal-Arsenal li jirbħu din il-finali. Madanakollu, dan l-istaġun ma kienx diżastru totali għall-Arsenal; huma wkoll spiċċaw fir-raba' post, li tathom post fl-Ewropa għall-istaġun 1969–70.
Is-sena ta' wara kienet is-sena tar-ribalta Ewropea. Il-klabb ġabar l-ewwel unur fi sbatax-il sena u wkoll l-ewwel trofew Ewropew, it-Tazza tal-Fieri tal-1969–70. Arsenal rebħu lill-Olandiżi ta' Ajax 3–1 fis-semifinali, u fil-finali kontra Anderlecht kienu awturi ta' rimonta magħrufa.[3] Arsenal kienu 3–0 minn taħt wara 74 minuta mill-ewwel leg fi Stade Émile Versé, però Ray Kennedy skorja gowl barra minn darhom li ta ċans lil Arsenal biex ġewwa darhom jirribaltaw l-iskor; fit-tieni leg, quddiem il-grawnd ippakjat ta' Highbury u ispirati mill-kaptan Frank McLintock, Arsenal rebħu 3–0 b'gowls ta' John Radford, Eddie Kelly u Jon Sammels, biex rebħu l-konfront bl-iskor totali ta' 4–3.
Fl-istess staġun, l-Arsenal ma kklassifikaw iżjed mit-tnax-il post fil-kampjonat, forsi minħabba d-distrazzjoni li offriet il-kampanja Ewropea, u mal-ewwel ma dehrux bħala kontendenti għat-titlu. Però, fl-istaġun 1970–71, it-tim tal-Arsenal mexa biex sar it-tieni tim tas-seklu 20 li qatt rebaħ id-Doppjetta tal-FA Cup u l-kampjonat, fejn din kienet l-ewwel waħda tal-klabb. Wara bidu brillanti, l-Arsenal dehru barra mit-tellieqa għall-konkwista tat-titlu wara telfa f'Settembru ta' 5–0 kontra Stoke City. Madankollu, l-Arsenal irkupraw u għamlu serje ta' riżultati pożittivi (ma tilfux partita fil-kampjonat sa Jannar), u hekk kif kien riesaq tmiem l-istaġun huma kienu nvoluti f'tellieqa mat-tim ta' Leeds United.
Telliefa bl-iskor ta' 1–0 mit-tim ta' Leeds f'April, il-plejers ta' Mee kienu jinsabu taħt pressjoni. Biex jirħbu l-kampjonat grazzi għall-aqwa medja ta' gowls skurjati, fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat huma riedu rebħa jew pari ta' mingħajr gowls kontra r-rivali Tottenham Hotspur f'White Hart Lane. Gowl fis-87 minuta ta' Ray Kennedy ta lil Arsenal vantaġġ ta' 1–0 li baqgħu jżommuh sa tmiem il-partita, minkejja l-ħafna sforzi ta' Spurs biex jiksbu l-pari, sabiex l-Arsenal rebħu u kisbu t-titlu. Sadanittant, l-Arsenal laħqu wkoll il-finali tal-FA Cup, wara battalja missielta kontra Stoke li rathom jiksbu l-pari wara li kienu minn taħt 2–0, u jisfurzaw biex tintlagħab partita oħra li eventwalment rebħuha. Fil-finali, ħamest ijiem wara r-rebħa f'Tottenham, l-Arsenal rebħu f'Wembley lit-tim ta' Liverpool bi skor finali ta' 2–1; l-Arsenal marru 1–0 minn taħt kmieni fil-ħin barrani, qabel ma Eddie Kelly skorja l-gowl tal-pari fil-101 minuta.[a] Għaxar minuti wara, Charlie George skorja l-gowl rebbieħ minn tarf il-kaxxa l-kbira biex rebbaħ it-tazza u d-Doppjetta lill-Arsenal.
Id-Doppjetta kellha tkun il-quċċata ta' deċennju ikkaratterizzat minn sensiela ta' riżultati diżappuntati fl-iktar fażi importanti. Minkejja li kisbu l-firma tar-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Alan Ball għal ċifra rekord għall-klabb ta' £220,000, l-Arsenal bdew l-istaġun 1971–72 ħażin, fejn tilfu tliet partiti f'Awwissu,[5] u spiċċaw jilgħabu ġirja sħiħa għall-kumplament tal-istaġun, fejn fl-aħħar spiċċaw fil-ħames post. Id-debutt fit-Tazza taċ-Ċampjins kien wieħed inkoraġġanti, però spiċċaw eliminati fil-kwarti tal-finali mit-tim tal-Ajax ispirat minn Johan Cruyff, fejn dawn tal-aħħar komplew fil-kompetizzjoni biex rebħu t-trofew li kien parti minn tripletta ta' titli Ewropej. Arsenal ukoll waslu sal-finali tal-FA Cup għat-tieni sena konsekuttiva; ripetizzjoni tal-finali tal-League Cup tal-1968 li tilfu 1–0 kontra Leeds United, f'partita nieqsa minn azzjonijiet denji ta' nota.[6]
Arsenal spiċċaw fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni fl-1972–73, però f'temp ta' sena t-tim rebbieħ tad-doppjetta kien spiċċa, u Mee ma setax isib il-mod kif jibni tim ġdid minfloku. Il-forma tat-tim kienet f'dekadenza kbira, fejn spiċċw fis-sittax-il post fl-1974–75 u fis-sbatax-il post fl-1975–76, l-agħar pożizzjoni f'iktar minn erbgħin sena, li wasslet għar-riżenja ta' Mee. Il-kowċ ta' Tottenham Terry Neill, plejer veteran ta' tim tal-Arsenal, ġie maħtur minfloku, anke jekk lit-tim preċedenti tiegħu qatt ma wassalhom iktar minn nofs il-klassifika, biex b'hekk sar l-iżgħar kowċ li qatt kellu l-Arsenal.
Erba' finali taħt Neill (1976–1980)
immodifikaTaħt Neill, l-Arsenal reġgħu rritornaw lura fl-ewwel nofs tal-klassifika, f'parti minnhom ispirati mit-talent emerġenti Irlandiż Liam Brady. Brady ifforma parti minn kontinġent qawwi ta' Irlandiżi f'Highbury, li kien jinkludi lil Pat Rice, Frank Stapleton, Pat Jennings u ż-żagħżugħ David O'Leary. Ma' dan il-grupp żdiedu wkoll l-akkwisti l-ġodda Malcolm Macdonald u Alan Hudson, flimkien mar-ritorn ta' Don Howe, li kien parti mill-istaff meta ntrebħet id-Doppjeta, fl-organizzazzjoni teknika.
Minkejja li f'dak iż-żmien ma setgħux iħabbtuha mad-dominanza ta' Liverpool fil-kampjonat, lejn tmiem id-deċennju huma wrew il-qawwa tagħhom fl-FA Cup. Arsenal laħqu tliet finali infila (fl-1978, 1978, u fl-1980), imma rebħet waħda biss, il-finali tal-1979 kontra Manchester United. Illuminata mill-istilla ta' Brady, l-Arsenal marru 2–0 minn fuq permezz ta' Brian Talbot u Frank Stapleton u dehru fi triqithom lejn rebħa; b'ħames minuti minn tmiem il-konfront, United skorjaw darbtejn biex ippareġġaw l-iskor. Il-ħin supplementari deher li se jkun ir-riżultat tal-konfront, qabel ma Alan Sunderland ikkonverta l-passaġġ ta' Graham Rix fil-ħin miżjud biex ta rebħa famuża ta' 3–2.
L-istaġun ta' wara tal-1979–80, ma ta l-ebda frott fejn Arsenal lagħbu rekord ta' 70 partita u laħqu żewġ finali, però l-ebda trofew ma spiċċa f'idejhom. L-Arsenal kienu favoriti li jirbħu lit-tim tat-Tieni Diviżjoni West Ham United fil-finali tal-FA Cup, imma d-daqqa ta' ras ta' Trevor Brooking tat rebħa bla mistenni lit-tim ta' West Ham. Sadanittant, huma laħqu wkoll il-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej kontra Valencia, wara li l-gowl ta' Paul Vaessen kien tahom rebħa famuża fis-semifinali kontra Juventus; il-finali spiċċat mingħajr gowls u Arsenal tilfu bil-penalties, bi Brady u Rix jonqsu li jikkonvertu mill-ħdax-il metru.
Dekadenza qasira (1980–1986)
immodifikaLiam Brady ħalla lit-tim tal-Arsenal għat-tim Taljan ta' Juventus fis-sajf tal-1980, u t-tim daħal f'perjodu fejn ma tantx gawda suċċess. Huma komplew jispiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-bidu tas-snin tmenin, fejn minkejja dan qatt ma dehru li kellhom ċans li jirbħu t-titlu nazzjonali, u lanqas fl-FA Cup ma kien għad baqalhom l-istess suċċess li tant kellhom fis-snin preċedenti. L-aqwa staġun f'dan iż-żmien ikrah kien dak tal-1982–83 meta l-Arsenal waslu sas-semifinali taż-żewġ tazez Ingliżi, però sfaw eliminati fit-tnejn li huma minn Manchester United. Neill f'ċerti istanti naqas li jikkontrolla lit-tim tiegħu; matul il-ġestjoni tiegħu, kellu diversi argumenti ma' diversi plejers (fosthom Hudson u Macdonald) u ma setax inaqqas il-vizzju tax-xorb li kien infiltra fost l-iskwadra.[b]
L-akkwisti li għamel biex jissostitwixxu lil Brady u Stapleton naqsu li jagħmlu l-istess impatt, u lejn tmiem tal-ġestjoni ta' Neill il-klabb sofra diversi telfiet imbarazzanti; din tinkludi telfiet kontra KFC Winterslag fit-Tazza UEFA 1981–82 u kontra t-tim tat-Tielet Diviżjoni Walsall fil-League Cup 1983-84. Neill ġie mneħħi mill-kariga f'Diċembru 1983, ftit wara dan ir-riżultat tal-aħħar.
Done Howe, l-assistent ta' Neill, sar is-suċċessur ta' dan tal-aħħar però lanqas hu ma rnexxielu jwassal lill-Arsenal għal ebda trofew. Minkejja li t-tim wasal sas-sitt u s-seba' post fil-klassifika taħt il-gwida ta' Howe, huma qatt ma dehru li kienu se jkunu fil-tellieqa għat-titlu (minkejja li kienu fil-quċċata tal-kampjonat f'Ottubru tal-1984), u spiċċaw barra mill-FA Cup 1984–85 kontra l-formazzjoni mit-Tielet Diviżjoni ta' York City. Il-partitarji bdew isiru frustrati bin-nuqqas ta' prestazzjonijiet tajbin tal-klabb u l-attendenzi bdew jinżlu taħt l-20,000.[8] F'Marzu tal-1986, wara li sema' li l-bord kien avviċina lill-kowċ ta' FC Barcelona Terry Venables bħala s-suċċessur tiegħu,[9] Howe irreżenja. Steve Burtenshaw ħa l-inkarigu temporanju tat-tim, però l-klabb iddeċieda li jaraw min seta' jkun is-suċċessur permanenti ta' Howe.
Is-snin ta' George Graham (1986–1995)
immodifikaF'Mejju tal-1986, il-kowċ ta' Millwall George Graham, plejer veteran tat-tim tal-Arsenal, ġie maħtur bħala s-suċċessur permanenti ta' Howe, hu dan kien se jimmarka era ġdida ta' suċċess f'Highbury. Graham bil-mod il-mod beda jbigħ diversi plejers li kienu daħlu fiż-żmien u minflokhom xtara plejers ġodda u ppromova plejers mit-tim ġovanili, waqt li impona dixxiplina aktar stretta minn dik adottata mill-predeċessuri tiegħu, kemm ġewwa u barra l-grawnd. Il-forma tal-Arsenal mal-ewwel tjiebet, tant hu hekk li kienu l-ewwel fil-kampjonat sal-Milied tal-1986.
Plejers bħal Kenny Sansom, Steve Williams, Tommy Caton, Charlie Nicholas u Gus Caesar ġew skartati ħafna drabi mis-selezzjoni u l-Arsenal kellu issa wiċċ ġdid bi plejers bħal Lee Dixon, Nigel Winterburn, Steve Bould, David Rocastle, Alan Martin Smith u Paul Merson.
Minkejja li l-Arsenal spiċċaw fir-raba' post fl-ewwel staġun taħt il-gwida ta' Graham, huma rebħu l-League Cup, f'kampanja li kienet immarkata minn partiti fejn kellhom jiġu minn taħt. Arsenal affrontaw lil Tottenham Hotspur fis-semifinali; wara li fl-ewwel leg f'Highbury tilfu 1–0 u kienu minn taħt fl-ewwel taqsima tat-tieni leg f'White Hart Lane, permezz tal-gowls ta' Viv Anderson u Niall Quinn huma ppareġġaw l-iskor għal 2–2 biex sfurzaw partita oħra biex tintlagħab;[ċ] fil-partita deċisiva Spurs marru fil-vantaġġ, qabel ma' gowls fl-aħħar ta' Ian Allinson u David Rocastle irregalaw il-finali lit-tim tal-Arsenal. Il-finali kontra Liverpool ipproduċiet l-istess prestazzjoni; l-Arsenal marru minn taħt b'gowl ta' Ian Rush, qabel ma' żewġ gowls ta' Charlie Nicholas taw lill-Arsenal l-ewwel trijonf tal-League Cup u l-ewwel trofew fi tmien snin.
Waqt li l-Arsenal tilfu l-finali tal-League Cup tas-sena ta' wara (telfa b'sorpriża ta' 3–2 kontra Luton Town) il-forma tagħhom fil-kampjonat tjiebet. L-iskwadra ta' Graham kellha dixxiplina difensiva stretta, imġissma mill-kaptan żagħżugħ Tony Adams, li flimkien ma' Lee Dixon, Steve Bould u Nigel Winterburn, iffurmaw il-bażi tad-difiża tal-klabb għal aktar minn deċennju. Madanakollu, kuntrarju għal dak li kien memmen minn ħafna, matul iż-żmien ta' Graham l-Arsenal ma kinux tim ibbażat purament biex jiddefendu; Graham impjega lill-midfilders David Rocastle, Michael Thomas u Paul Merson, u l-attakkant Alan Smith fil-formazzjoni tiegħu, fejn dan tal-aħħar grazzi għall-abilità prolifika li kellu quddiem il-lasta avversarja fit-tmien staġuni li qatta' mal-klabb skorja f'ħafna minnhom aktar minn 20 gowl f'kull staġun.
Fit-tmiem tat-tielet staġun ta' Graham mal-klabb (1988–89), huma rebħu l-ewwel titlu tal-kampjonat mill-1971, b'mod drammatiku. Wara li sal-Milied kienu fil-quċċata tal-klassifika, posthom ħadulhom it-tim ta' Liverpool wara li f'Mejju tilfu kontra Derby County u ppareġġaw ġew darhom kontra Wimbledon. Arsenal kienu dehru li qatgħu qalbhom mill-konkwista tat-titlu, imma fl-aħħar partita tal-istaġun, nhar is-26 ta' Mejju, kienet kontra Liverpool ġewwa Anfield; Arsenal riedu jirbħu b'żewġ gowls biex jiksbu t-titlu. Bir-rebħ tal-FA Cup, it-tim ta' Liverpool kienu l-favoriti li jkomplu d-Doppjetta. Alan Smith skorja għall-Arsenal kmieni fit-tieni taqsima biex bena vantaġġ ta' gowl, imma hekk kif l-arloġġ baqa' sejjer Arsenal naqsu li jġibu t-tieni gowl, u bid-disgħin minuta kienu diġà skorrew, l-Arsenal xorta riedu gowl ieħor. Sekondi biss tmiem, passaġġ filtranti ta' Smith sab liż-żagħżugħ Michael Thomas qalb id-difiża ta' Liverpool, fejn dan tal-aħħar qabbeż il-ballun fuq Bruce Grobbelaar u għal ġox-xibka, biex Arsenal saru ċampjins tal-kampjonat.
Fl-istaġun suċċessiv l-Arsenal ma rnexxielhomx jerġgħu jiksbu t-titlu, huma spiċċaw fir-raba' post fl-1989–90 wara ċ-ċampjins Liverpool, it-tieni klassifikati Aston Villa u r-rivali lokali Tottenham Hotspur fit-tielet. Huma wkoll naqsu li jħallu marka fit-tazez, u s-sospensjoni għall-klabbs Ingliża mill-kompetizzjonijiet Ewropej wara t-traġedja ta' Heysel kienet għadha fis-seħħ, biex b'hekk l-Arsenal ma setgħux jirrapreżentaw lill-Ingilterra fit-Tazza taċ-Ċampjins.
Graham ra kif seta' jtejjeb l-iskwadra tiegħu u ġab lil David Seaman u l-ġwejnħa Żvediża Andres Limpar; iż-żewġ plejers kienu vitali fil-konkwista tat-titlu fl-istaġun 1990–91, minkejja żewġ problemi serji. L-Arsenal soffrew tnaqqis ta' żewġ punti f'Ottubru tal-1990 wara li għaxar plejers tagħhom kienu involuti fi ġlieda ma' plejers ta' Manchester United f'partita f'Old Trafford, u l-kaptan tal-iskwadra Tony Adams ingħata sentenza ta' erba' xhur ħabs għal sewqan waqt li kien taħt l-effett tax-xorb f'Diċembru. Dawn l-avvenimenti xejn ma tappnu l-progress tal-Arsenal; huma tilfu biss logħba waħda fil-kampjonat u spiċċaw b'seba' punti vantaġġ. L-Arsenal laħqu wkoll is-semifinali tal-FA Cup fejn affrontaw lil Tottenham Hotspur; Paul Gascoigne skorja minn frikik minn 27 metru wara biss ħames minuti u Tottenham ħarġu rebbieħa 3–1, fejn għall-Gunners sfumat iċ-ċans tat-tieni Doppjetta.
F'Settembru 1991, l-Arsenal ħallsu somma rekord għall-klabb ta' £2.5 miljun lil Crystal Palace għas-servizzi tal-attakkant Ian Wright, li kellu jqatta' seba' snin ta' suċċess mal-klabb u jsir ukoll it-tieni l-aqwa skorer tagħhom ta' kull żmien.
L-istaġun 1991–92 ra lil Arsenal jipparteċipaw għall-ewwel darba fit-Tazza taċ-Ċampjins wara assenza ta' għoxrin sena. Din l-avventura marret ħażin; l-Arsenal ġew eliminati fit-tieni rawnd mill-Benfica biex naqqsu li jsibu post fil-fażi tal-gruppi. L-istaġun mar mill-ħażin għall-agħar hekk kif il-Gunners ġew eliminati minn Wrexham fl-FA Cup, minkejja li huma rkupraw matul il-kors tal-istaġun biex spiċċaw ir-raba' fil-kampjonat. Wara dan l-istaġun, Graham biddel it-tattika; hu sar aktar difensiv u l-iskwadra dehret inqas ibbażżata fuq l-offensiva, li kienet tiddependi prinċipalment mill-gowls ta' Wright. Bejn l-1986–87 u l-1991–92 Arsenal kellhom medja ta' 66 gowl fil-kampjonat kull staġun (kienu 81 fl- 1991–92), imma bejn l-1992–93 u l-1994–95 din iċ-ċifra naqset għal 48;[10] din tinkludi 40 gowl fl-1992–93, meta l-klabb spiċċa l-istaġun inawgurali tal-Premier League fl-10 post, fejn skorja inqas minn kwalunkwe klabb ieħor f'din id-diviżjoni, minkejja li kienu l-ewwel post fil-klassifika matul ix-xahar ta' Novembru.[11]
Il-prestazzjoni tal-Arsenal fil-kompetizzjonijiet l-oħra kienet ferm itjeb, u fl-1992–93 huma saru l-ewwel tim Ingliż li qatt għamel id-Doppjetta tal-FA Cup u l-League Cup. Fil-finali tal-League, Arsenal sfidaw lil Sheffield Wednesday; it-tim tal-Arsenal, ispirat minn Merson, għamel rimonta minn gowl taħt biex rebaħ 2–1 bil-gowl rebbieħ jasal minn Steve Morrow. Fl-FA Cup, fis-semifinali huma għelbu 1–0 lil Tottenham, u fil-finali lagħbu kontra Sheffield Wednesday, kontra l-istess tim li xi ġimgħat qabel kienet rebħulhom fil-finali tal-League Cup. Il-partita, wara li spiċċat 1–1 kellha terġa' tintlagħab; Wright fetaħ l-iskor għall-Arsenal però Chris Waddle kiseb il-gowl tal-pari. Fil-ħin supplementari, eżattament fil-120 minuta, id-daqqa ta' ras ta' Andy Lininghan rebbaħ il-partita u d-Doppjetta għall-Arsenal.
Lejn tmiem l-istaġun 1992–93 Arsenal kienu qrib l-akkwist tal-midfilder ta' 21 sena Roy Keane minn Nottingham Forest. Graham kien lest li jqawwi nofs il-grawnd tal-Arsenal u Keane kien is-suċċessur ideali tal-veteran Paul Davis, però minflok kienu Manchester United li assiguraw is-servizzi tal-plejer u l-uniku trasferiment li seħħ kien dak tal-ġwejnħa Eddie McGoldrick mingħand Crystal Palace. McGoldrick kien diżappunt kbir mal-Arsenal, fejn dam biss tliet staġuni u kien tilef postu mal-ewwel ħdax għall-akkwist il-ġdid matul l-istaġun 1994–95.
Fl-1993–94, l-Arsenal rebħu t-tieni trofew Ewropej; neqsin minn pedini importanti (John Jensen u Martin Keown kienu mweġġa', waqt li Ian Wright kien sospiż) huma xorta waħda għelbu lill-favoriti u d-detenturi tat-tazza Parma bl-iskor ta' 1–0 fil-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej li saret f'Kopenħagen. Bi prestazzjoni difensiva, kien Alan Smith li fil-21 minuta kiseb il-gowl rebbieħ. Din it-tazza kellha tkun l-aħħar unur ta' George Graham mal-klabb; fi Frar ta' wara l-Iskoċċiż ġie mkeċċi wara kważi disa' snin fil-kariga, wara li kien skopert li hu kien aċċetta ħlas illegali ta' £425,000 mill-aġent Norveġiż Rune Hauge wara l-akkwist fl-1992 ta' John Jensen, wieħed mill-klijenti ta' Hauge.[d]
Bruce Rioch: l-interrenju (1995–1996)
immodifikaL-assistent Stewart Houston ħa f'idejh lill-iskwadra sa tmiem l-istaġun 1994–95. Arsenal spiċċaw fit-tnax-il post fil-Premier League (l-agħar pożizzjonii fil-Premier League sal-2008), imma xorta waħda irnexxielhom jilħqu għal darb'oħra l-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej, wara semifinali titanika kontra Sampdoria, li rebħuha bil-penalties wara li spiċċaw pari ta' 5–5. L-Arsenal affrontaw lil Real Zaragoza fil-finali; Esnáider ta vantaġġ lill-Ispanjoli qabel ma' John Hartson ugwalja r-riżultut. Il-partita dehret li se tispiċċa 1–1 u fi triq lejn il-lotterija tal-penalties, qabel ma l-midifilder Nayim skorja minn 35 metru fl-aħħar minuta tal-ħin supplementari. David Seaman, li kien l-eroj tal-Arsenal fl-għoti tal-penalties tas-semifinali, ma laħaqx daħal fil-lasta fil-ħin u laħaq biss mess il-ballun qabel ma dan daħal ġox-xibka.
F'Ġunju tal-1995, l-Arsenal appuntaw lil Bruce Rioch, li kien għadu kif wassal lit-tim ta' Bolton Wanderers għall-finali tal-League Cup u l-promozzjoni għall-aqwa serje, bħala kowċ. Humal-ewwel kiser ir-rekord Brittaniku bit-trasferiment tal-attakant Olandiż Dennis Bergkamp mit-tim tal-Inter għal somma ta' £7.5 miljun, fejn dan ifforma koppja impressjonanti ma' Ian Wright. Arsenal laħqu s-semifinali tal-League Cup u spiċċaw il-ħames fil-Premiership fi tmiem l-istaġun 1995–96, fejn assiguraw post fit-Tazza UEFA fl-istaġun suċċessiv u qajjem speranza fost il-benjamini li jaraw l-iskwadra tiġġieled għar-rebħ tal-kampjonat. Madanakollu, l-era ta' Rioch intemmet ħesrem. F'Awwissu tal-1996, qabel il-bidu tal-istaġun, Rioch ġie mkeċċi wara diskussjoni fuq il-fondi tat-trasferimenti mal-bord tad-diretturi, diskussjoni li ħalliet lill-klabb f'instabilità kbira għal xi xhur. Stewart Houston reġa' tpoġġa temporanjament bħala l-kowċ tal-iskwadra. Hu baqa' hemm għal xahar, qabel ma irriżenja biex ħa l-inkarigu mat-tim ta' QPR. Pat Rice, il-kowċ tat-tim ġovanili, mexxa lit-tim tal-kbar għal xi partiti, sakemm f'Settembru għamel wisa' lill-wasla tal-Franċiż Arsène Wenger.
Żewġ Doppjetti oħra (1996–2003)
immodifikaIt-tim immedjatament tjieb taħt it-tmexxija ta' Wenger, fejn spiċċa t-tielet u rebaħ post fit-Tazza UEFA fl-1996–97, fejn kienet id-differenza tal-gowls li ma ħallithomx jikkassifikaw fit-tieni post u eventwalment għal post fiċ-Champions League. Wenger reġa' bena l-iskwadra bi grupp ta' plejers Franċiżi li kienu apparentament mhumiex magħrufa fir-Renju Unit. Patrick Vieira inxtara fuq parir ta' Wenger qabel ma dan kien għadu ħa t-tim f'idejh, u Wenger żied lil Nicolas Anelka u Emmanuel Petit, flimkien mal-ġwejnħa Olandiża Marc Overmars fis-sajf tal-1997. Wenger integra 'l ġodda flimkien mal-ftit veterani, fejn żamm lil Adams, Dixon, Winterburn, Keown u Bould, u żamm ukoll lil Pat Rice bħala assistent.
Wenger kiseb l-ewwel trofew tiegħu, u sar l-ewwel kowċ barrani li qatt rebaħ il-kampjonat Ingliż, meta fl-istaġun suċċess mexxa lit-tim għat-tieni Doppjetta. Lejn Diċembru, wara t-telfa ġewwa darhom bl-iskor ta' 3–1 kontra Blackburn, huma dehru li kienu barra mit-tiġrija għat-titlu, però huma rnexxielhom jegħlbu d-distakk ta' tnax-il punt li kellhom taħt Manchester United; rebħa ta' 4–0 kontra Everton nhar it-3 ta' Mejju tagħthom it-titlu b'żewġ partiti oħra x'jintlagħbu. Fis-16 ta' Mejju, l-Arsenal għelbu lil Newcastle United b'riżultat ta' 2–0 fil-finali tal-FA Cup biex komplew id-Doppjetta staġonali. Biex tkompli timmarka staġun mill-aqwa, Ian Wright kiser ir-rekord ta' gowls li kien f'idejn Cliff Bastin, fejn ġab iċ-ċifra tal-gowls skurjati għal 185 qabel ma ħalla 'l klabb fis-sajf tal-1998.
Minkejja l-wasla ta' Fredrik Ljungberg fl-1998 u sena wara ta' Thierry Henry, perjodu ieħor ta' nixfa fit-trijonfi għadda minn fuq it-tim tal-Arsenal għas-snin suċċessivi, minkejja li waslu ħafna drabi qrib it-tragward. Għall-ħafna mill-istaġun 1998–99 huma kienu jiggwidaw il-klassifika, sakemm telfa ta' 1–0 kontra Leeds United tat lil Manchester United iċ-ċans li jaqbżuhom; l-Arsenal għelbu lill-Aston Villa fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat però rebħa ta' Manchester United fuq Tottenham Hotspur irregalathom it-titlu. Biex tkompli tgħaxxaqha, l-Arsenal tilfu wkoll il-partita ta' spareġġ tas-semifinali li kellhom kontra Manchester United; Dennis Bergkamp tilef penalty fil-ħin normali, u Ryan Giggs skorja l-gowl rebbieħ fil-ħin barrani wara ġirja individwali qalb id-difiża tal-Arsenal. Ir-ritorn tal-Arsenal fiċ-Champions League għall-ewwel darba f'seba' snin kienet kampanja bla suċċess, hekk kif ġew eliminati fil-fażi tal-gruppi.
Huma kklassifikaw fit-tieni post tal-istaġun 1999–2000; din id-darba, ma kien hemm ebda taqbida hekk kif Manchester United rebħu t-titlu tal-kampjonat b'vantaġġ ta' tmintax-il punt. L-Arsenal kellhom staġun ieħor fqir fiċ-Champions League, fejn spiċċaw it-tielet fil-grupp; din tathom post ta' konsoloazzjoni fit-Tazza UEFA, u huma komplew f'din il-kompetizzjoni sa waslu sal-finali kontra Galatasary f'Kopenħagen, l-istess xena tat-trijonf tagħhom fit-Tazza tat-Tazez Ewropej 1994. Il-partita ntemmet f'pari ta' mingħajr gowls bi ftit okkażżjonijiet; fl-għoti tal-penalties l-Arsenal tilfu wara li Davor Šuker u Patrick Vieira naqsu li jikkonvertu mill-ħdax-il metru.
L-Arsenal, għall-istaġun 2000–01 kellhom għal darb'oħra jikkuntentaw rwieħhom bit-tieni post, din id-darba b'distakk ta' għaxar punti taħt Manchester United; it-tiġrija għat-titlu kienet ilha li ntemmet hekk kif fi Frar, l-Arsenal sofrew telfa umiljanti ta' 6–1 f'Old Trafford. L-istaġun tagħhom ta prijorità lit-tazez nazzjonali u l-Ewropa. Fis-semifinali huma għelbu lil Tottenham u waslu għall-finali f'Cardiff, ġewwa l-Millenium Stadium, kontra t-tim ta' Liverpool; l-Arsenal iddominaw il-konfront, u kienu sfortunati li ġew negati gowl minn id id-difensur avversarju Stephane Henchoz.[13] Finalment l-Arsenal marru fil-vantaġġ grazzi għal Ljungberg, però sofrew żewġ gowls ta' Michael Owen fl-aħħar minuti biex tilfu 2–1. Fl-Ewropa, huma rnexxielhom jaslu għall-ewwel darba mill-1972 'il quddiem sal-kwarti tal-finali taċ-Champions League, imma sfaw eliminati mir-regola tal-gowls barra mid-dar mill-finalisti ta' dik l-edizzjoni Valencia.
Safrattant, Wenger rah kostrett li jerġa' jibni ħafna mill-iskwadra rebbieħa tad-Doppjetta tal-1998. Anelka, Overmars u Petit ilkoll ingħaqdu għal ma' klabbs Spanjoli għal somom kbar, waqt li l-età bdiet taffettwa wkoll id-difiża; Bould u Winterburn kienu diġà telqu, waqt li Adams u Dixon kienu biss staġun 'il bogħod mil-irtirar tagħhom. Minflokhom, Wenger xtara lil Sol Campbell u Lauren għad-difiża, u ppromova lil Ashley Cole minn qalb it-tim ġovanili. F'nofs il-grawnd, Wenger żied lit-taliżmaniku Robert Pirès u kif ukoll lill-kompatrijott Sylvain Wiltord fuq l-attakk, waqt li bil-mod il-mod Thierry Henry beda jadatta ruħu sew għal-logħba Ingliża biex sar wieħed mill-aqwa attakkanti tal-Premiership.
Il-qawwa tal-Arsenal kien mingħajr dubju l-attakk, l-istess attakk li wassal lit-tim għar-rebħ tat-tielet Doppjetta fl-istaġun 2001–02, u baqgħu mingħajr telfa f'partiti domestiċi li lagħbu barra minn darhom. Wara ġlieda imqita fil-kampjonat (tliet punti biss kienu jisseparaw lill-ewwel erba' fi Frar), l-Arsenal għamlu sett ta' tlettax-il partita mingħajr telfa, fejn spiċċaw seba' punti vantaġġ fuq it-tieni klassifikati Liverpool. It-titlu kien assigurat fil-partita ta' qabel tal-aħħar tal-kampjonat; rebħa ta' 1–0 fuq Manchester United f'Old Trafford, bil-gowl jasal minn Wiltord. Ġimgħa qabel, l-Arsenal kisbu t-tmien FA Cup tagħhom b'rebħa ta' 2–0 fuq Chelsea b'gowls ta' Ray Parlour u Freddie Ljungberg.
Fl-istaġun 2002–03, l-Arsenal saru l-ewwel klabb f'iktar minn 20 sena li żammew it-titlu tal-FA Cup, wara rebħa minima ta' 1–0 kontra Southampton, grazzi għall-gowl ta' Pirès. Il-ferħ tagħhom kien imtappan minħabba l-fatt li huma naqsu li jerġgħu jiksbu t-titlu tal-Premiership għal ftit. F'mument minnhom l-Arsenal kienu tmien punti minn fuq fuq Manchester United, però l-forma tagħhom iddeterjorat lejn tmiem il-kampjonat; huma spiċċaw pari ta' 2–2 barra minn darhom kontra Bolton Wanderers wara li kienu 2–0 minn fuq, u ġimgħa wara, ġewwa darhom tilfu 3–2 kontra Leeds United, li ta lil United it-titlu.
L-"Invinċibbli" u l-finali taċ-Champions League (2003–2006)
immodifikaFtit kienu jafu li t-telfa kontra Leeds kellha tkun l-aħħar waħda fil-kampjonat għal aktar minn sena. L-istaġun 2003–04 kien staġun ta' rekords għat-tim tal-Arsenal, hekk kif rebħu l-Premiership mingħajr ebda telfa (26 rebħa, 12-il pari, l-ebda telfa), u spiċċaw ħdax-il punt vantaġġ fuq Chelsea. Huma saru biss it-tieni tim li rnexxielu jagħmel dan, bl-ewwel wieħed ikun Preston North End lura fl-1888–89, minkejja li Preston kienu lagħbu biss 22 logħba fl-istaġun ta' mingħajr telfa. Fit-tazez, il-fortuni tal-Arsenal ma kinux daqs dawk fil-kampjonat. Huma tilfu fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League u fis-semifinali tal-FA Cup kontra Chelsea u Manchester United rispettivament, f'żewġ partiti konsekuttivi. F'dak il-mument l-iskwadra mill-kapitali Ingliża, li kienet qed tissogra li tispiċċa l-istaġun mingħajr ebda suċċess, affrontat lil Liverpool u, minkejja li kienu fi żvantaġġ, huma rnexxielhom jirrimontaw meta l-ewwel kienu 2–1 minn fuq u fl-aħħar 4–2. Il-protagonista ta' dan il-konfront kien Thierry Henry li sab ix-xibka tliet darbiet. Il-pari barra minn darhom ta' 2–2 kontra Tottenham Hotspur kien biżżejjed biex tahom ir-rebħ tal-kampjonat.
Arsenal ma rnexxielhomx li jiksbu t-tieni titlu infila fl-2004–05, fejn spiċċaw it-tieni bi tnax-il punt minn taħt, taħt iċ-Chelsea. Madanakollu, ir-rekord ta' partiti mingħajr telfa baqa sejjer sa 49 partita konsekuttiva, rekord għall-futbol Ingliż; ir-rekord kien ugwaljat b'rebħa drammatika ta' 5–3 fuq Middlesbrough (Arsenal kienu 3–1 minn taħt wara l-ewwel taqsima) u kien megħlub b'reħba ta' 3–0 fuq Blackburn Rovers f'Ottubru tal-2004. It-telfa ta' 2–0 kontra Manchester United swiet kemm fir-rigward tar-rekord, imma aktar u aktar fuq il-moral u l-forma tat-tim hekk kif huma ħadu daqqa ta' ħarta fil-ġirja finali għat-titlu, minkejja li rkupraw lejn l-aħħar biex kisbu t-tieni post, fosthom ir-rebħa kbira ta' 7–0 fuq l-Everton. Fl-Ewropa reġgħu sabuha diffiċli fejn ġew eliminati fit-tieni rawnd bl-iskor aggregat ta' 3–2 kontra Bayern Munich. L-Arsenal xorta waħda ma spiċċawx l-istaġun b'idhom vojta; huma ttrijonfaw għat-tielet darba f'erba' snin fl-FA Cup, din id-darba bir-rebħa ta' 5–4 bil-penalties kontra Manchester United, wara li ma ġie skurjat l-ebda gowl fil-120 minuta li ntlagħbu.
It-trasferiment tal-kaptan Patrick Vieria lejn Juventus fis-sajf tal-2005 ħalliet il-konsegwenzi tagħha hekk l-istaġun domestiku 2005–06 kien wieħed diżappuntanti u l-klabb naqas li jisfida għal kwalunkwe trofew. Fil-kampjonat, ir-riżultati deludenti barra minn darhom, li ħafna drabi kienu jiġu mdallma minn rebħiet impressjonanti ġewwa darhom (5–0 kontra l-Aston Villa, u 7–0 kontra Middlesbrough), ħallew lill-Arsenal jiġġieled għal post fiċ-Champions League meta ħafna drabi qatta' l-istaġun fil-ħames post jew inqas. Madanakollu, huma rebħu l-aħħar tliet partiti tal-istaġun, li kienet segwita mir-rebħa ta' 4–2 fuq Wigan Athletic li mmarkat l-aħħar partita f'Highbury; it-telfa ta' Tottenham Hotspur kontra West Ham United fl-istess ġurnata, fissret li l-Arsenal qabżu għar-raba' post u b'hekk sabu post fiċ-Champions League.
B'kuntrast mal-forma domestika, il-forma tagħhom fl-Ewropa kienet ħafna itjeb; għall-ewwel darba fl-istorja huma waslu sal-finali tal-UEFA Champions League, fejn saru l-ewwel klabb minn Londra li rnexxielu jagħmel dan. Wara li rebħu l-grupp tagħhom mingħajr ebda telfa u spiċċaw quddiem Ajax Amsterdam, FC Thun u Sparta Prague (kontra dawn tal-aħħar, Thierry Henry skorja doppjetta li poġġewh fil-quċċatta tal-klassifika tal-aqwa skorers ta' kull żmien tal-klabb). Fil-fażi eliminatorju huma rebħu lil Real Madrid (fejn saru l-ewwel tim Brittaniku li għelbu lil Real fil-Bernabéu), lil Juventus u wara lil Villarreal biex laħqu l-finali, fejn matul dan kollu wettqu rekord ta' għaxar partiti mingħajr ma' jlaqqtu gowl. Fil-finali, kontra Barcelona, l-Arsenal spiċċaw jilgħabu b'għaxar plejers meta l-gowler Jens Lehmann spiċċa mkeċċi wara daħla professjonali; minkejja dan kollu, kienu huma li fetħu l-iskor b'daqqa ta' ras ta' Sol Campbell fis-37 minuta. L-Arsenal għamlu kemm setgħu biex jiddefendu l-vantaġġ, imma żewġ gowls lejn l-aħħar minuti ta' Samuel Eto'o and Juliano Belletti fissru li t-tim Katalan ħarġu 2–1 rebbieħa.
Trasferiment għall-Emirates Stadium (2006–)
immodifikaL-Arsenal għamlu ħafna suċċess fis-snin disgħin u l-bidu tal-millenju l-ġdid, però d-daqs ta' Highbury kien limitat għal 38,500 post biss fl-era ta' wara r-rapport Taylor. Kull partita kienet virtwalment tirreġistra stadju mimli u l-klabb ma setax jkabbar l-introjtu mill-bejgħ tal-biljetti. Bl-espansjoni ta' Highbury kienet ħaġa imposibbli, fl-1999 l-Arsenal ħabbru pjanijiet għal trasferiment f'Ashburton Grove. Il-kostruzzjoni bdiet f'Diċembru tal-2002 u f'Lulju 2006 l-Emirates Stadium ġie miftuħ, lest għall-użu għall-istaġun 2006–07.
L-Arsenal ħadu ftit ta' żmien biex jadattaw rwieħhom f'dan l-ambjent ġdid fejn il-kowċ Arsène Wenger stqarr li t-tim ftit li xejn seta' jisfida għall-konkwista tat-titlu.[14] Riżultati foqra barra minn darhom matul l-istaġun, eventwalment wasslu lil Arsenal fir-raba' post, bl-istess punti bħat-tielet klassifikati Liverpool. B'tim mimli bi plejers żgħażagħ, huma wasslu sal-finali tal-League Cup, liema partita tilfu 2–1 kontra Chelsea. Madanakollu, huma ma tantx għamlu suċċess f'kompetizzjonjiet oħra fejn spiċċaw barra miċ-Champions League u l-FA Cup.
L-istaġun 2006–07 immarka perjodu ta' tranżizzjoni - l-Arsenal biegħu numru ta' pedini importanti minn tagħhom, fosthom lil Ashley Cole, Sol Campbell, Lauren, Fredrik Ljungberg, u l-aktar sinjifkanti kien it-trasferiment tal-aqwa skorer tagħhom ta' kull żmien u l-kaptan tal-iskwadra Thierry Henry lejn Barcelona. B'hekk, għall-bidu tal-istaġun 2007–08, Wenger sab ruħu bi tliet plejers biss mit-tim li kien rebaħ it-titlu lura fl-istaġun 2003–04, u afda liż-żgħażagħ Cesc Fabregas, Robin van Persie, Emmanuel Adebayor u Gael Clichy biex jimlu l-vojt li kien tħalla u jistabilixxu ruħhom mal-ewwel ħdax.
L-istaġun beda bl-aqwa mod possibbli hekk kif sal-bidu ta' Diċembru kienu għadhom ma sofrewx telfa, u f'dan il-proċess, wettqu rekord għall-klabb ta' 28 partita f'kull kompetizzjoni mingħajr telfa.[15] Madanakollu, fir-rebbiegħa t-tim ra waqgħa fil-forma u eventwalment jikklassifikaw fit-tielet post, b'erba' punti taħt l-ewwel klassifikat Manchester United. Fit-tazez lanqas tant kellhom suċċess; sfaw eliminati fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League minn Liverpool u mill-FA Cup minn Manchester United. Il-League Cup offriet aktar tbissimiet hekk kif għat-tielet sena konsekuttiva waslu sas-semifinali qabel ma ġew eliminati bl-iskor totali ta' 6–2 kontra r-rivali Tottenham Hotspur – l-ewwel telfa f'disa' snin fid-derbi tat-Tramuntana ta' Londra.
L-istaġun 2008–09 beda wkoll fuq nota pożittiva, fejn kienu fil-quċċata tal-klassifika sa Settembru. Wara dan, però, it-tim tilef il-momentu tiegħu u tliet telfiet f'Novembru tefgħu l-Arsenal 'il barra mill-aqwa erbgħa sal-Milied, minkejja li kienu rreġistraw rebħiet kontra Manchester United u Chelsea. It-tim kompla sejjer lura u jitlef il-punti fis-sena l-ġdida, imma lejn nofs Marzu reġgħu ħadu r-raba' post, għall-ispejjeż ta' Aston Villa, wara li fis-sena l-ġdida 2009 kienu għadhom ma sofrewx telfa. L-Arsenal laħqu wkoll is-semifinali tal-FA Cup, u se jaffaċċjaw lil Villareal CF fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League, wara li spiċċaw it-tieni fil-grupp u fir-rawnd tal-aħħar sittax għelbu bl-għoti tal-penalties lit-tim Taljan ta' AS Roma.[16]
Noti
immodifika- ^ George Graham ukoll ġie kkreditat għall-gowl, minkejja li Kelly hu uffiċjalment il-plejer ikkredidat bil-gowl.[4]
- ^ Dawn il-kuntrasti jidhru biċ-ċar fit-tur diżastruż tal-Arsenal fl-Awstralja fl-1977, li spiċċat b'Neill jibgħat lil Hudson u Macdonald lura lejn darhom wara li nqabdu jaqbżu l-limitu ta' ħin barra li kienu ristretti bih.[7]
- ^ Ir-regola tal-gowls barra mid-dar kienet għadha mhux fis-seħħ fil-League Cup f'dak iż-żmien; kieku kienet teżisti Arsenal kienu jirbħu dan il-konfront.
- ^ Graham kien eventwalment sospiż għal sena mill-Football Association għall-involviment tiegħu f'dan l-iskandlu, wara li ametta li kien irċieva "rigal spotanju" minn Hauge.[12]
Referenzi
immodifika- ^ Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). p. 105. ISBN 0-600-61344-5.
- ^ Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). p. 106.
- ^ "Inter-Cities Fairs Cup 1969-70" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2009-03-14.
- ^ "1971 - King George of Wembley" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-03-14.
- ^ Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). p. 122.
- ^ Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). p. 123.
- ^ Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause: The Alternative History of Arsenal Football Club (bl-Ingliż). Mainstream. pp. 133–151. ISBN 9781840189001.
- ^ Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). p. 136.
- ^ Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause (bl-Ingliż). p. 179.
- ^ "Arsenal" (bl-Ingliż). Football Club History Database. Miġbur 2009-03-17.
- ^ "England 1992/93" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2009-03-17.
- ^ "Rune Hauge, international man of mystery" (bl-Ingliż). The Guardian. Miġbur 2009-03-18.
- ^ "Owen shatters Arsenal in Cup final" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-04-03.
- ^ "Wenger writes off title hopes" (bl-Ingliż). Sky Sports. Miġbur 2009-04-03.
- ^ "28 Unbeaten: Top men and magic moments" (bl-Ingliż). Arsenal FC. 2007-11-28. Miġbur 2009-04-04.
- ^ Hughes, Ian (2009-03-11). "Roma 1-0 Arsenal (agg 1-1)" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-04-04.
Aktar qari
immodifika- Adams, Tony; Ridley, Ian (1998). Addicted (bl-Ingliż). HarperCollins. ISBN 0-00-218795-7.
- Hornby, Nick (1992). Fever Pitch (bl-Ingliż). Indigo. ISBN 9780575400153.
- Lawrence, Amy (1997). Proud to Say That Name: The Marble Hall of Fame (bl-Ingliż). Mainstream. ISBN 1-85158-898-1.
- Maidment, Jem (2005). The Official Arsenal 100 Greatest Games (bl-Ingliż). Hamlyn. ISBN 0-600-61376-3.
- Tossell, David (2002). Seventy-One Guns: The sena of the First Arsenal Double (bl-Ingliż). Mainstream. ISBN 1-84018-589-9.
- Weaver, Graham (2005). Gunners' Glory: 14 Milestones in Arsenal's History (bl-Ingliż). Mainstream. ISBN 1-84018-667-4.