Speicherstadt

id-distrett bl-imħażen fil-port ta' Amburgu, il-Ġermanja

L-iSpeicherstadt (pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈʃpaɪ̯çɐˌʃtat], litteralment "Belt tal-Imħażen", li tfisser distrett tal-imħażen) f'Amburgu, il-Ġermanja, huwa l-ikbar distrett tal-imħażen fid-dinja, fejn il-binjiet iserrħu fuq pedamenti magħmula minn puntali tal-injam; f'dan il-każ partikolari puntali magħmula minn zkuk tal-ballut. Jinsab fil-port ta' Amburgu — fi ħdan il-kwartier ta' HafenCity — u nbena mill-1883 sal-1927.

L-iSpeicherstadt billejl.

Id-distrett inbena bħala żona ħielsa fejn setgħu jiġu ttrasferiti l-oġġetti tal-merkanzija mingħajr il-ħlas tad-dwana. Fl-2009 kemm id-distrett kif ukoll l-inħawi tal-madwar ġew żviluppati mill-ġdid. Fil-5 ta' Lulju 2015, dan id-distrett flimkien ma' dak ta' Kontorhaus saru l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji f'Amburgu.[1]

Ġeografija

immodifika

L-iSpeicherstadt jinsab fil-port ta' Amburgu. Huwa twil 1.5 kilometru (0.93 mili) u fi ħdanu hemm network sħiħ ta' kanali tal-ħatt.

 
Veduta tal-iSpeicherstadt mill-ajru min-naħa tal-Lvant.

Mill-1815, il-belt indipendenti u sovrana ta' Amburgu kienet membru tal-Konfederazzjoni Ġermaniża — l-assoċjazzjoni ta' stati Ewropej Ċentrali li nħolqot bil-Kungress ta' Vjenna —iżda ma kinitx membru tal-Unjoni Ġermaniża tad-Dwana.[2]

Wara l-Gwerra bejn l-Awstrija u l-Prussja li stabbiliet l-eġemonija Prussjana fit-Tramuntana tal-Ġermanja, Amburgu kienet obbligata tingħaqad mal-Federazzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana. Madankollu kisbet id-dritt għal deroga skont l-Artikolu 34 tal-kostituzzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana, li kienet tiddikjara li Amburgu u stati Anseatiċi oħra setgħu jibqgħu jkunu portijiet ħielsa 'l barra mill-fruntiera tad-dwana komunitarja sakemm japplikaw għall-inklużjoni. L-Artikolu 34 ġie traspost ukoll fil-kostituzzjoni imperjali tal-1871, meta l-istati Ġermaniżi tan-Nofsinhar issieħbu fil-federazzjoni. Madankollu, Amburgu għaddiet minn ħafna pressjoni minn Berlin biex tissieħeb fl-Unjoni tad-Dwana wara l-1879, meta t-tariffa esterna ta' din tal-aħħar żdiedet ferm. Fl-1881 ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministru għall-Finanzi Prussjan Karl Hermann Bitter u s-Segretarju Statali tat-Teżor Imperjali, fuq naħa, u s-Senaturi Plenipotenzjarji ta' Amburgu Versmann u O'Swald, u l-mibgħut tal-istati Anseatiċi f'Berlin, Dr. Krüger, fuq in-naħa l-oħra. Amburgu ssieħbet fl-Unjoni tad-Dwana bit-territorju kollu tagħha, għajr distrett ta' port ħieles permanenti speċifikat fil-ftehim. Għal dan id-distrett, l-Artikolu 34 japplika xorta waħda, u għaldaqstant il-libertajiet ta' dak id-distrett ma setgħux jiġu aboliti jew ristretti mingħajr l-approvazzjoni ta' Amburgu.[3][4]

 
Il-faċċata tal-brikks ħomor ta' maħżen tal-iSpeicherstadt.

Fl-1883, sabiex jiġi lliberat l-ispazju għaż-żona l-ġdida tal-port, beda t-twaqqigħ taż-żona ta' Kehrwieder u ta' Wandrahm u iżjed minn 20,000 ruħ kellhom jiġu rilokati. Il-kostruzzjoni tlestiet qabel il-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, ġestita mill-Freihafen-Lagerhaus-Gesellschaft (il-predeċessur tal-Hamburger Hafen und Logistik AG), li kien responsabbli wkoll għall-operazzjoni sussegwenti.

Wara l-qerda ta' madwar nofs il-binjiet fl-Operazzjoni Gomorra mill-bumbardamenti matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ir-rikostruzzjoni konservattiva ntemmet fl-1967, filwaqt li ċ-Ċentru Kummerċjali Anseatiku issa jokkupa s-siti tal-istrutturi li nqerdu għalkollox.[5] Fl-1991 l-iSpeicherstadt ġie elenkat bħala wirt protett ta' Amburgu.[6] Mill-2008 sar parti mill-kwartier magħruf bħala HafenCity.[7] F'tentattiv sabiex iż-żona ta' ġewwa tal-belt terġa' tingħata l-ħajja, il-gvern ta' Amburgu beda jiżviluppa ż-żona tal-kwartier ta' HafenCity, pereżempju permezz tal-kostruzzjoni tas-Sala Filarmonika tal-Elbe.[8]

Arkitettura

immodifika
 
Veduta trasversali tal-iSpeicherstadt mill-1888.

L-imħażen inbnew bi strutturi ta' appoġġ differenti, iżda Franz Andreas Meyer ħoloq saff ta' barra tal-brikks ħomor bi stil Neo-Gotiku, b'torrijiet żgħar, alkovi, u tiżjin igglejżjat tat-terrakotta. L-imħażen huma binjiet ta' diversi sulari b'daħliet mill-ilma u mill-art. Wieħed mill-eqdem imħażen huwa l-Kaispeicher B li issa jospita l-Mużew Marittimu Internazzjonali.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika tal-iSpeicherstadt.

L-iSpeicherstadt u d-Distrett ta' Kontorhaus biċ-Chilehaus ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

 
Il-binja tal-Hafenrathaus (il-Kunsill Muniċipali tal-Port) fl-iSpeicherstadt.

L-iSpeicherstadt huwa attrazzjoni turistika ewlenija tal-belt u hija l-attrazzjoni ċentrali tal-biċċa l-kbira tad-dawriet turistiċi mal-port bid-dgħajjes.[9] Hemm diversi mużewijiet bħad-Deutsches Zollmuseum (il-Mużew Ġermaniż tad-Dwana), Miniatur Wunderland (mudell ta' linja ferrovjarja) u l-Ħabs ta' Hamburg. Il-Mużew Afgan kien jinsab hawn ukoll iżda għalaq fl-2012.[10]

Il-binjiet jintużaw ukoll bħala mħażen. Mill-2005, il-kumpaniji fl-iSpeicherstadt ħadu ħsieb terz tal-produzzjoni dinjija tat-twapet, kif ukoll merkanzija oħra bħall-kawkaw, il-kafè, it-te, il-ħwawar, it-tagħmir marittimu u l-elettronika.

Biblijografija

immodifika
  • Batz, M. (2002). "Urbane Light Germany Speicherstadt, Hamburg, the largest historical warehouse complex in the world, has become a softly-glowing night-time panorama". International Lighting Review (12): 14–19. OCLC 193350885.
  • Lawrenz, Dierk; von Borstel, Christiane (2008). Die Hamburger Speicherstadt (bil-Ġermaniż). Freiburg, Br: EK-Verlag. ISBN 978-3-88255-893-7.
  • Meyn, Boris (2003). Die rote Stadt: ein historischer Kriminalroman (bil-Ġermaniż). Reinbek: Rowohlt. ISBN 978-3-499-23407-1.
  • Lange, Ralf; Hampel, Thomas (2004). Speicherstadt und HafenCity: zwischen Tradition und Vision (bil-Ġermaniż). Amburgu: Elbe-und-Flut-Ed., Hampel und Hettchen. ISBN 978-3-7672-1440-8.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Speicherstadt and Kontorhaus District with Chilehaus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-24.
  2. ^ Planung und Finanzierung der Speicherstadt in Hamburg, Frank M. Hinz; LIT Verlag Münster, 2000; p. 45.
  3. ^ Hamburg and the Freeport - Economy and Society 1888–1914, Peter Borowsky, Hamburg University Press, Hamburg, 2005; p. 114.
  4. ^ Prange, Carsten (2005). "Zollanschluß". In Franklin Koplitzsch and Daniel Tilgner (ed.). Hamburg Lexikon (bil-Ġermaniż) (3 ed.). Ellert&Richter. p. 538. ISBN 3-8319-0179-1.
  5. ^ "Speicherstadt Hamburg Entwicklungskonzept (bil-Ġermaniż). Hamburg Behörde für Stadtentwicklung und Umwelt" (PDF).
  6. ^ Prange, Carsten (2005). "Speicherstadt". In Franklin Koplitzsch and Daniel Tilgner (ed.). Hamburg Lexikon (bil-Ġermaniż) (3 ed.). Ellert&Richter. pp. 444–445. ISBN 3-8319-0179-1.
  7. ^ "Ein Service von Hamburg und juris". archive.ph. 2007-08-13. Miġbur 2022-08-24.
  8. ^ Jörn Weinhold (2008). Martina Heßler and Clemens Zimmermann (ed.). Port Culture: Maritime Entertainment and Urban Revitalisation, 1950–2000. Frankfurt am Main: Campus Verlag. pp. 179–201. ISBN 978-3-593-38547-1.
  9. ^ "Speicherstadt Hamburg | Hamburg Tourismus". www.hamburg-travel.com. Miġbur 2022-08-24.
  10. ^ "Afghanistan Museum Hamburg - Dark Tourism - the guide to dark travel destinations around the world". www.dark-tourism.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-02. Miġbur 2022-08-24.