Chilehaus

binja Modernista f'Amburgu, il-Ġermanja

Iċ-Chilehaus (pronunzja: [ˈt͡ʃiː.lə.haʊ̯s], litteralment "Dar taċ-Ċilì") hija binja tal-uffiċini għolja għaxar sulari f'Amburgu, il-Ġermanja. Tinsab fid-Distrett ta' Kontorhaus, iċ-ċentru storiku tal-belt. Hija eżempju eċċezzjonali tal-istil arkitettoniku tal-Espressjoniżmu bil-Brikks tas-snin 20 tas-seklu 20. Din il-binja angolari għandha erja ta' madwar 6,000 m2 (1.5 akru), tul it-triq Fischertwiete f'Amburgu. Ġiet iddisinjata mill-arkitett Ġermaniż Fritz Höger u tlestiet fl-1924.

Iċ-Chilehaus.
 
Ħarsa 'l fuq mill-bitħa taċ-Chilehaus.

Il-binja taċ-Chilehaus hija famuża għall-għamla tagħha fuq in-naħa ta' fuq, li qisha pruwa ta' vapur, u għall-faċċati, li jiltaqgħu ma' xulxin f'angolu ppuntat ħafna fil-kantuniera ta' Pumpenstrasse u ta' Niedernstrasse. L-aqwa veduta tal-binja Modernista hija mil-Lvant. Dan minħabba li jiġu aċċentwati l-elementi vertikali, is-sulari ta' fuq fissi fihom, kif ukoll il-faċċata kurva f'Pumpenstrasse. Minkejja d-daqs enormi tagħha, il-binja xorta waħda tagħti sensazzjoni ta' sottilezza.

Il-binja għandha qafas tal-konkos rinfurzat u nbniet bl-użu ta' 4.8 miljun brikksa skura ta' Oldenburg.[1] Il-binja nbniet fuq superfiċe diffiċli ħafna, għaldaqstant sabiex ikollha stabbiltà kien meħtieġ li tinbena fuq pilastri tal-konkos rinfurzat fondi 16-il metru.

Minħabba l-qrubija tal-binja għax-xmara Elbe, kienet meħtieġ kantina ssiġillata b'mod speċjali. Barra minn hekk, it-tagħmir tat-tisħin inbena f'qisha kaxxa li tista' tibqa' f'wiċċ l-ilma fi ħdan il-binja stess; b'hekk it-tagħmir ma jkollux ħsara f'każ ta' għargħar.

L-iskulturi fit-taraġ u mal-faċċata nħadmu mill-iskultur Richard Kuöhl.

Il-binja kellha żewġ settijiet ta' liftijiet tat-tip paternoster qabel ma ġiet immodernizzata fl-1991.[2]

 
Uħud mill-iskulturi tal-binja.

Il-binja taċ-Chilehaus ġiet iddisinjata mill-arkitett Fritz Höger u nbniet bejn l-1922 u l-1924. Ġiet ikkummissjonata mill-imprenditur tat-trasport tal-merkanzija Henry B. Sloman, li sar sinjurun permezz tal-kummerċ tan-nitrat tal-potassju miċ-Ċilì. L-isem tal-binja ġej proprju minn hemm. Diffiċli li jiġi stabbilit kemm swiet il-kostruzzjoni tal-binja, peress li ċ-Chilehaus inbniet matul il-perjodu tal-iperinflazzjoni li affettwat lill-Ġermanja fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, iżda huwa stmat li b'kollox ammontat għal iktar minn 10 miljun reichsmark. Attwalment hija l-proprjetà tal-kumpanija tal-beni immobbli Ġermaniża Union Investment Real Estate AG. Is-sit ta' Amburgu tal-Instituto Cervantes huwa wieħed mill-kerrejja tal-binja.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

L-iSpeicherstadt u d-Distrett ta' Kontorhaus biċ-Chilehaus ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Thiel-Siling, Sabine (ed.): Icons of Architecture, Prestel, 1998, ISBN 3-7913-3398-4.
  2. ^ "On the trails of the paternoster - Chilehaus in Hamburg, Germany. YouTube".
  3. ^ "Instituto Cervantes de Hamburgo: aprender español y vivir cultura en español en Hamburgo". hamburgo.cervantes.es. Miġbur 2022-08-24.
  4. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Speicherstadt and Kontorhaus District with Chilehaus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-24.