Shahrisabz

belt fl-Użbekistan

Shahrisabz jew Shakhrisyabz (bl-Użbek: Шаҳрисабз Shahrisabz; bit-Taġik: Шаҳрисабз; bil-Persjan: شهر سبز‎, b'ittri Rumani shahr-e sabz: "il-belt ħadranija"; bir-Russu: Шахрисабз) hija belt fir-Reġjun ta' Qashqadaryo fin-Nofsinhar tal-Użbekistan li tinsab madwar 80 kilometru fin-Nofsinhar ta' Samarkanda b'popolazzjoni ta' madwar 100,000 ruħ.[1] Il-belt tinsab f'altitudni ta' 622 metru. Storikament magħrufa bħala Kesh jew Kish, Shahrisabz kienet belt maġġuri tal-Asja Ċentrali u kienet ċentru urban ta' Sogdjana, provinċja tal-Imperu Akemenida tal-Persja. Il-belt hija magħrufa l-iktar bħala belt twelid il-konkwistatur Timur (Timurlane; is-seklu 14).

Shahrisabz
 Użbekistan
Amministrazzjoni
Stat sovranUżbekistan
Reġjun tal-UżbekistanReġjun ta' Kaxkadarja
Ġeografija
Koordinati 39°03′N 66°50′E / 39.05°N 66.83°E / 39.05; 66.83Koordinati: 39°03′N 66°50′E / 39.05°N 66.83°E / 39.05; 66.83
Shahrisabz is located in Uzbekistan
Shahrisabz
Shahrisabz
Shahrisabz (Uzbekistan)
Superfiċjenti 240 hectare
Għoli 622 m
Demografija
Popolazzjoni 100,300 abitanti (2014)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 7 century "BCE"
Żona tal-Ħin UTC+5
 
Il-Mawżolew ta' Jahangir

Il-belt fl-imgħoddi kienet magħrufa bħala Kesh jew Kish (li litteralment tfisser "li togħġob lill-qalb") u kienet tiġi identifikata tentattivament mal-belt antika ta' Nautaca. Shahrisabz hija waħda mill-iktar bliet antiki tal-Asja Ċentrali. Ġiet stabbilita iżjed minn 2,700 sena ilu u kienet tifforma parti mill-Imperu Akemenida jew il-Persja mis-sekli 6 sa 4 Q.K. Matul dan il-perjodu Kesh baqgħet tintuża bħala ċentru urban importanti ta' Sogdjana, provinċja maġġuri fi ħdan l-imperu. Dokumenti mill-aħħar parti tal-perjodu Akemenida jsemmu li kienet saret rinnovazzjoni tas-swar tal-belt.[2] Il-belt saret magħrufa bħala Shahrisabz mill-era Timurida.[3]

Tolomew, il-ġeneral ta' Alessandru Manju ħakem is-satrap ta' Baktrija li kien imissu jilħaq fuq it-tron ta' Persja, Bessus, f'Nautaca u b'hekk temm l-Imperu Akemenida. Alessandru Manju għażel li jqatta' x-xtiewi fiż-żona u hemmhekk iltaqa' ma' martu Roxanna fit-328-327 Q.K. Bejn il-567 u s-658 W.K., il-mexxejja ta' Kesh ħallsu t-taxxi lill-kagani tal-kaganati Torok u Torok tal-Punent. Fis-710 il-belt inħaket mill-Għarab[3] u wara l-ħakma ta' Khwarezmia mill-Mongoli fis-seklu 13, ir-reġjun ġie taħt il-kontroll tat-tribù ta' Barlas. Id-dixxendenti kollha tat-tribù jidher li kienu assoċjati ma' dan ir-reġjun.[4]

Belt twelid Timur

immodifika
 
Id-dekorazzjoni interna tal-Moskea ta' Kok Gombaz

Kesh kienet belt twelid Timur fl-1336, li twieled f'familja ta' kap lokali minuri tat-tribù ta' Barlas, u matul is-snin bikrin tad-Dinastija Timurida, il-belt għaddiet minn perjodu tad-deheb fejn inbnew bosta monumenti storiċi. Timur kien iqis lil Kesh bħala "belt twelidu" u ppjana li eventwalment tkun il-post fejn jinbena l-qabar tiegħu. Madankollu, matul it-tmexxija tiegħu, Samarkanda saret iċ-ċentru tal-attivitajiet minflok Kesh. Fost il-kapulavuri arkitettoniċi dinjin li nbnew fl-era ta' Timur hemm il-Palazz ta' Ak-Saray u l-kumpless funebri ta' Dorusiodat. Il-belt tħabtet għall-awtonomija meta kienet taħt l-amministrazzjoni ta' Bukhara u r-Russi għenu lill-Emir ta' Bukhara jaħkem il-belt fl-1870.[5]

 
Il-Palazz ta' Ak Saray u l-istatwa ta' Timur, Shahrisabz

Siti storiċi

immodifika
 
Il-mużajk tal-fdalijiet tal-Palazz ta' Ak-Saray

Bis-saħħa tad-diversi monumenti impressjonanti mid-Dinastija Timurida, il-parti antika tal-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[6] Madankollu, il-qerda ta' żoni kbar tal-pajsaġġ Medjevali fl-2015 biex minflok jinħoloq ġnien u faċilitajiet turistiċi wasslet biex il-belt titniżżel temporanjament bħala fil-periklu li titneħħa mil-lista tal-UNESCO.[7]

  • Il-Palazz ta' Ak-Saray

Il-Palazz tas-Sajf ta' Timur, il-"Palazz Abjad", kien ippjanat li jkun l-iktar kostruzzjoni grandjuża ta' Timur. Il-kostruzzjoni nbdiet fl-1380 minn artiġjani li Timur iddeporta minn Khwarezm li kien għadu kemm ħakem. B'xorti ħażina, għad baqa' biss fdalijiet ta' partijiet mill-bibien/mid-daħliet ġganteski ta' xi 65 metru, miksija b'mużajk blu, abjad u tad-deheb. Fuq id-daħla tal-Palazz ta' Ak-Saray hemm miktub: "Jekk beħsiebek tisfida s-setgħa tagħna – ħares lejn il-binjiet tagħna!".

  • Il-Moskea ta' Kok Gumbaz / il-Kumpless ta' Dorut Tilovat (Dorut Tilavat)

Din il-moskea tal-Ġimgħa nbniet fl-1437 minn Ulug Beg biex jagħti ġieħ lil missieru Shah Rukh, u isimha jfisser "Koppla Blu". Eżatt wara l-Moskea ta' Kok Gumbaz hemm l-hekk imsejħa "Dar tal-Meditazzjoni", mawżolew li nbena minn Ulug Beg fl-1438 iżda li milli jidher qatt ma ntuża għad-dfin.

  • Il-Kumpless ta' Hazrat-i Imam

Fil-Lvant tal-Moskea ta' Kok Gumbaz hemm kumpless ieħor ta' mawżolew imsejjaħ Dorus-Saodat (Sede tal-Poter u tal-Qawwa), li fih il-qabar ta' Jehangir, l-ewwel iben ta' Timur u l-iktar wieħed favorit. Il-moskea biswit jingħad li fiha l-qabar ta' Amir Kulal, imam irrispettat ħafna tas-seklu 8.

  • Qabar ta' Timur

Wara l-Kumpless ta' Hazrat-i Imam hemm binja b'bieb li jaħti għal kompartiment taħt l-art, li ġie skopert mill-arkeologi fl-1943. Il-kompartiment huwa kważi mimli għalkollox b'sarkofagu kbir tal-ġebel. Fuqu hemm kitbiet imnaqqxa li jindikaw li kien maħsub għal Timur. Madankollu, il-konkwistatur ġie midfun f'Samarkanda, mhux f'Shahrisabz, u b'mod misterjuż, il-qabar tiegħu f'Shahrisabz kien fih żewġ katavri mhux identifikati.

Barra minn hekk, hemm ukoll banjijiet Medjevali u bażar tas-seklu 18 li huma ta' interess.

  • Il-Mużew tal-Istorja u tal-Kultura Materjali ta' Shahrisabz

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-ċentru storiku ta' Shahrisabz ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]

Kultura popolari

immodifika

Fis-snin 80 tas-seklu 20 il-grupp mużikali Sovjetiku Użbek Yalla kiteb kanzunetta dwar Shahrisabz.

Referenzi

immodifika
  1. ^ ""Статистический буклет "О населении языком цифр"" (bir-Russu)". web.archive.org. 2014-10-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-10-14. Miġbur 2021-07-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-02.
  3. ^ a b "Shahrisabz Travel Guide". Caravanistan (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-02.
  4. ^ B.F. Manz, The rise and rule of Tamerlan, Cambridge University Press, Cambridge 1989, pp. 156-157.
  5. ^ Golombek, L. Wilber, D. The Timurid Architecture of Iran and Turan. Vol 1. Princeton, N.J.: Princeton University Press. 1988.
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Shakhrisyabz". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-02.
  7. ^ "Bulldozing History: Ancient Uzbek City's UNESCO Status At Risk". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-02.