Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Istati Uniti magħmul minn erba' parks

Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar huma kumpless ta' park nazzjonali wieħed u tliet parks statali ta' California li jinsabu fl-Istati Uniti tul il-kosta tat-Tramuntana ta' California. Dan il-kumpless jinkludi l-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar, il-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tal-Kosta ta' Del Norte, il-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Jedediah Smith, u l-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek. B'erja totali ta' 139,000 akru (560 km2), il-parks jippreservaw 45 % tal-foresti primordjali li għad fadal tas-siġar kostali tal-injam tal-aħmar.[1]

Foresta ta' siġar kostali tal-injam tal-aħmar biċ-ċpar.

L-erba' parks jinsabu fil-kontej ta' Del Norte u ta' Humboldt, u jipproteġu s-siġar kostali tal-injam tal-aħmar (Sequoia sempervirens) fil-periklu — l-itwal, fost l-eqdem, u waħda mill-iżjed speċijiet enormi ta' siġar fid-Dinja — li titkattar fil-foresta pluvjali miti u umduża. Ir-reġjun tal-park għandu attività sismika għolja ħafna u faċilment jiġi affettwat minn tsunamis. Il-parks jippreservaw 37 mil (60 kilometru) ta' kosta mhux mittiefsa, flora u fawna indiġena, prateriji u bwar tal-ħaxix, riżorsi kulturali, passaġġi tal-ilma, kif ukoll speċijiet mhedda ta' annimali, fosthom is-salamun ta' Chinook, il-kokka tat-tikek tat-Tramuntana u l-iljun tal-baħar ta' Steller.

Oriġinarjament il-foresti tas-siġar tal-injam tal-aħmar kienu jkopru iktar minn żewġ miljun akru (8,100 km2) ta' kosta f'California, u r-reġjun tal-parks tal-lum bejn wieħed u ieħor baqa' mhux mittiefes sa wara l-1850. It-tellieqa sfrenata għad-deheb u n-negozju tal-injam wasslu għal attività kbira ta' Amerikani Ewropej, li tat il-ġenb lill-Amerikani Nattivi u pprovdiet l-injam ippreparat lill-Kosta tal-Punent. B'hekk kien hemm deċennji ta' qtugħ tas-siġar bla rażan, segwiti minn sforzi kbar ta' konservazzjoni. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar għenet biex jinħolqu l-Parks Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek, tal-Kosta ta' Del Norte u ta' Jedediah Smith fost oħrajn. Wara pressjoni mil-lega u mill-Klabb ta' Sierra, il-Kungress ħoloq il-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar fl-1968 u kabbru fl-1978. Fl-1994, is-Servizz tal-Parks Nazzjonali (NPS) u d-Dipartiment tal-Parks u tar-Rikreazzjoni ta' California għaqqad il-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar mat-tliet Parks Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' biswit f'unità amministrattiva unika. Il-ġestjoni moderna tal-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tipprova tipproteġi l-foresti kostali tas-siġar tal-injam tal-aħmar u tgħinhom jirpiljaw għall-qagħda ta' qabel l-1850, inkluż permezz tal-ħruq ikkontrollat.[2]

Bħala rikonoxximent tal-ekosistema rari u tal-istorja kulturali fi ħdan il-parks, l-erba' parks tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[3] It-tribujiet lokali ddikjaraw Żona Indiġena ta' Protezzjoni tal-Baħar fl-2023, sabiex iħarsu r-reġjun tal-parks, il-kosta u l-ilmijiet kostali. Id-dħul fil-park huwa b'xejn għajr għal permessi speċjali, u l-viżitaturi jistgħu jikkampjaw, jimxu, imorru bir-rota u jirkbu ż-żwiemel għal madwar 200 mil (320 kilometru) ta' mogħdijiet fil-parks.

Amerikani nattivi

immodifika
 
Mara Tolowa taħdem fil-manutenzjoni tal-park fl-1982.

Il-ġnus Amerikani Nattivi moderni bħall-Yurok, it-Tolowa, il-Karuk, iċ-Chilula u l-Wiyot għandhom rabtiet storiċi mar-reġjun, għaliex dan kellu diversi okkupanti indiġeni għal millenji sħaħ. L-istoriku David Stannard iddeskriva "diversità li meta mqabbla mad-daqs tal-inħawi x'aktarx li ma teżisti mkien iktar fid-dinja", u sostna li tinkludi iktar minn 30 ġens nattiv li għexu fil-Majjistral ta' California.[4] L-istudjuża Gail L. Jenner issostni li "mill-inqas ħmistax-il" grupp tribali għex tul il-kosta.[5]

Il-Yurok, iċ-Chilula u t-Tolowa kienu l-iżjed marbuta mal-inħawi tal-parks attwali.[6] Abbażi ta' ċensiment tal-1852, l-antropologu Alfred Kroeber stima li l-popolazzjoni tal-Yurok f'dik is-sena kienet ta' madwar 2,500 ruħ. L-istoriku Ed Bearss iddeskriva l-Yurok bħala l-iżjed numerużi fl-inħawi, u stima li kien hemm madwar 55 villaġġ. Sas-snin 60 tas-seklu 19, iċ-Chilula kienu jgħixu fir-reġjun nofsani tal-wied ta' Redwood Creek qrib sew tas-siġar tal-injam tal-aħmar.[7] Primarjament huma insedjaw Redwood Creek bejn il-kosta u Minor Creek, California, u fis-sajf kienu jikkampjaw sa Bald Hills.[8] It-Tolowa kienu jinsabu qrib ix-xmara Smith, u fuq artijiet li issa jagħmlu parti mill-Park Statali ta' Jedediah Smith, li minn skavi tas-seklu 21 ħareġ li kienu abitati għal mill-inqas 8,500 sena.[9]

L-Amerikani Nattivi li kienu jirresjedu fi ħdan l-inħawi tal-parks kienu jiddependu fuq is-siġar tal-injam tal-aħmar bħala materjal tal-kostruzzjoni, u wħud daħlu s-siġar saħansitra fil-mitoloġija tagħhom, inkluż iċ-Chilula, li kienu jqisu s-siġar bħala doni minn ħallieq.[10] It-tribujiet kienu jaħsdu s-siġar kostali tal-injam tal-aħmar, kienu jipproċessawhom f'tavli, u kienu jużawhom bħala materjal tal-bini għad-dgħajjes, għad-djar u għall-villaġġi żgħar.[11] Sabiex jibni l-binjiet, it-tavli kienu jittellgħu maġenb xulxin f'trunċiera dejqa, u l-partijiet ta' fuq kienu jintrabtu flimkien biż-żafżafa jew bil-ġellewż u kienu jinżammu b'ġonturi maqtugħin fix-xorok li kienu jirfdu l-bjut. It-tavli tal-injam tal-aħmar kienu jintużaw biex jiffurmaw il-bjut.[12]

Wasla tal-Amerikani Ewropej

immodifika
 
Dar rikostruwita tal-Yurok magħmula b'tavli tal-injam tal-aħmar.

L-istoriċi jemmnu li l-ewwel Ewropej li żaru l-art qrib dak li issa huma l-parks kienu l-membri tal-ispedizzjoni ta' Cabrillo mmexxija minn Bartolomé Ferrer.[13] Fl-1543, il-vapur ta' Ferrer żbarka fil-Kap ta' Mendocino u jaf wasal sal-ilmijiet lil hinn minn Oregon, saħansitra sat-43 parallel tat-Tramuntana. Hubert Howe Bancroft ma qabilx, u kien jemmen li l-vapur ta' Ferrer ma baħħarx daqstant 'il bogħod. L-esploraturi, inkluż Francis Drake,[14] baħħru tul il-kosta bil-blat u biċ-ċpar, iżda ġeneralment qatt ma ankraw hemmhekk qabel l-1775, meta Bruno de Heceta u Juan Francisco de la Bodega y Quadra minn Spanja qattgħu madwar għaxart ijiem fil-villaġġ tal-Yurok ta' Tsurai fin-Nofsinhar tal-parks. George Vancouver u Francisco de Eliza żaru l-art tal-parks fl-1793.[15] Il-bastimenti Amerikani tal-kummerċ tal-fer mogħtija b'kuntratt lir-Russi waqfu f'Tsurai matul il-bidu tas-seklu 19.[16]

Qabel Jedediah Smith fl-1828, l-ebda esploratur ieħor ta' dixxendenza Ewropea mhuwa magħruf li esplora n-naħa ta' ġewwa tar-reġjun kostali tat-Tramuntana ta' California.[17] Smith u dsatax minn sħabu telqu minn San Jose, California, u esploraw dawk li issa huma magħrufa bħala x-xmajjar Trinity, Smith u Klamath, filwaqt li għaddew minn ġo foresti tas-siġar kostali tal-injam tal-aħmar u għamlu kummerċ mal-gruppi Amerikani Nattivi. Huma waslu sal-kosta qrib Requa, fejn xi partijiet huma fi ħdan il-konfini tal-parks.[18]

It-Tellieqa Sfrenata għad-Deheb ta' California tal-1848 wasslet mijiet ta' eluf ta' Ewropej u Amerikani f'California, u l-iskoperta tad-deheb tul ix-xmara Trinity fl-1850 wasslet biex bosta minnhom jersqu lejn l-inħawi tal-parks. B'hekk malajr kien hemm kunflitti li wasslu biex il-popli nattivi jisfaw spostati, stuprati, imjassra u massakrati.[19] Sal-1895, kien għad fadal terz biss mill-Yurok f'grupp wieħed ta' villaġġi; sal-1919, prattikament il-membri kollha tat-tribù taċ-Chilula kienu mietu jew ġew assimilati f'tribujiet oħra.[20] It-Tolowa — li Bearss jistima li kien niżlu "ferm taħt l-1,000 ruħ" sas-snin 50 tas-seklu 19 — kellhom popolazzjoni ta' madwar 120 ruħ fl-1910,[21] u kważi nqerdu għalkollox f'massakri mwettqa mill-insedjaturi bejn l-1853 u l-1855.[22]

Wara l-estrazzjoni tad-deheb, beda l-qtugħ tas-siġar tal-injam tal-aħmar għall-injam, u l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-estrazzjoni saru interessati fl-injam ippreparat. Iz-zkuk tas-siġar tal-injam tal-aħmar għandhom nisġa dritta, u b'hekk it-tavli tal-injam jinqatgħu faċilment. Minħabba li l-injam tal-aħmar jiflaħ għall-maltemp u ma jitlifx il-forma tiegħu, sar prodott bażiku siewi. Jenner issostni li tim tajjeb ta' żewġ irġiel setgħu jissegaw siġra tal-injam tal-aħmar b'rata ta' madwar pied fis-siegħa b'sega trasversali, li kienet l-għodda ppreferuta sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Peress li l-vetturi bir-roti ma setgħux jintużaw f'dan il-pajsaġġ, timijiet ta' sitt jew tnax-il gendus kienu jittrasportaw iz-zkuk sat-toroq imwittija apposta.[23] L-injam kien jittieħed lejn l-impjanti tal-ippreparar tal-injam tar-reġjun permezz tax-xmajjar jew tal-mogħdijiet ferrovjarji. Wara l-invenzjoni fl-1881 tal-inġenju ferrovjarju li jaħdem bl-istim u iktar 'il quddiem tas-suċċessur tiegħu, il-ħtieġa li jitwaqqgħu s-siġar li kienu jtellfu l-operat tal-inġenji wasslet għall-prattika magħrufa bħala l-ikklerjar tas-siġar. L-inġenji bil-gafef bdew jikkompetu max-xogħol bl-idejn fl-aħħar tas-snin 20 tas-seklu 20.[24]

Preservazzjoni tal-parks statali

immodifika
 
Is-siġra kostali tal-injam tal-aħmar hija l-itwal speċi ta' siġra fid-Dinja.

Wara qtugħ estensiv tas-siġar tal-injam tal-aħmar, il-konservazzjonisti u ċ-ċittadini mħassba bdew jippruvaw isibu modi kif jippreservaw is-siġar li kien għad fadal, li skonthom kienu qed jinqatgħu b'rata allarmanti. Xi xkiel rażżnu l-pass tal-konservazzjoni: oġġezzjonijiet u xi innovazzjonijiet tressqu mill-industrija tal-injam ippreparat, il-kostruzzjoni tal-Awtostrada tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar wasslet għal attrazzjonijiet qrib it-triq u iktar viżitaturi interessati li jaraw is-siġar, il-Kungress ma ħax azzjoni, u d-domanda kbira għall-injam ippreparat mexiet id f'id maż-żieda fil-kostruzzjoni wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Diversi organizzazzjonijiet iffurmaw biex jippreservaw is-siġar li kien għad fadal: imħasseb dwar is-sequoia ta' Yosemite, John Muir kien il-kofundatur tal-Klabb ta' Sierra fl-1892. Il-Klabb tas-Sempervirens ġie stabbilit fl-1900 mill-artist kofundatur Andrew P. Hill li għamel pressjoni fuq il-mezzi tax-xandir, sabiex jinħoloq l-eqdem park statali flimkien mas-sistema ta' parks statali ta' California. Fl-1916, il-politiku William Kent xtara l-art u għen fit-tfassil ta' liġi li tistabbilixxi s-Servizz tal-Parks Nazzjonali (NPS). Fl-1918, John Merriam u membri oħra tal-Klabb ta' Boone u Crockett stabbilew il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar. Il-lega xtrat l-art u tat fondi b'donazzjoni għax-xiri tal-art. L-istoriku Susan Schrepfer tikteb li f'maratona ta' sittin sena, il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar u l-Klabb ta' Sierra kienu qed jikkompetu mal-kumpaniji tal-injam ippreparat għas-siġar primordjali.

Għall-ewwel, fl-1919, meta l-Kungress wera interess iżda l-ebda approprjazzjoni, id-direttur tal-NPS Stephen Mather ifforma s-sistema tal-NPS bil-ġid privat — hu u l-ħbieb għonja tiegħu xtraw l-art tal-parks bi flushom stess. Fit-taqtiegħa bejn l-oppożituri u dawk li appoġġawha, il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar wasslet biex il-liġi ta' kompromess tagħha tgħaddi fl-1923, u din ħejjiet it-triq għall-akkwiżizzjoni tal-parks b'sorveljanza statali. Fl-1925, il-lega appoġġat liġi li awtorizzat stħarriġ statali minn arkitett pajsaġġistiku għall-akkwiżizzjoni tal-art għall-parks. Fl-1926, il-lega qabbdet lil Frederick Law Olmsted biex jagħmel dak l-istħarriġ. Il-lega żiedet mal-liġi proposta ta' emenda kostituzzjonali statali li tawtorizza sa $6 miljun ($103 miljun fl-2023) f'bonds paripassu mad-donazzjonijiet privati għax-xiri tal-art statali. Wara veto mill-gvernatur fl-1925, il-lega kabbret l-isforzi tagħha biex tinkludi l-istat kollu, għamlet kampanja ta' reklamar, u kisbet l-appoġġ tal-Los Angeles Times. Gvernatur ġdid iffirma l-abbozz ta' liġi dwar il-parks li sar liġi fl-1927, u l-ħruġ tal-bonds ġie approvat fl-elezzjoni tal-1928.

 
Mappa tal-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar.

Fl-1927, l-istħarriġ ta' Olmsted tlesta u kkonkluda li tliet fil-mija biss tas-siġar tal-injam tal-aħmar statali setgħu jiġu ppreservati. Huwa rrakkomanda li erba' żoni bis-siġar tal-injam tal-aħmar isiru parks, inkluż tliet żoni li saru l-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tal-Kosta ta' Del Norte, il-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Jedediah Smith, u l-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek. Ir-raba' żona saret il-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Humboldt, bil-bosta l-ikbar fost il-parks statali tas-siġar tal-injam tal-aħmar, iżda dan ma ġiex inkluż fis-sistema tal-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar. Ladarba kellha l-fondi meħtieġa wara l-1928, il-lega xtrat iktar art u kabbret il-parks.

Park nazzjonali

immodifika

L-NPS ippropona park nazzjonali tas-siġar tal-injam tal-aħmar fl-1938. Il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar kienet kontra l-proposta, u enfasizzat qasma bejn il-preservazzjonisti li kienu jippreferu jħallu n-natura kif inhi u parti mis-servizz tal-park li xtaqu jipprovdu postijiet rikreattivi għall-pubbliku. Kemm il-lega kif ukoll il-Klabb ta' Sierra riedu Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Aħmar sas-snin 60 tas-seklu 20, iżda l-klabb u l-lega kienu jappoġġaw postijiet differenti. Il-klabb u l-lega kienu antagonisti matul is-snin 60 tas-seklu 20, spiss fuq naħat opposti tal-argumenti dwar il-park nazzjonali, sal-1971 meta l-lega appoġġ pożizzjoni tal-klabb, u fl-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 20 meta l-lega saret membru tal-klabb.

Il-Klabb ta' Sierra ried l-ikbar park possibbli u sikwit fittex għall-għajnuna mill-gvern federali. Iktar kawta, il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar kellha t-tendenza li takkomoda lill-industrija u tappoġġa l-istat ta' California. Meta l-aġenzija spiċċawlha l-fondi fl-1963, is-Soċjetà tan-National Geographic iffinanzjat stħarriġ tal-NPS rigward is-siġar tal-injam tal-aħmar. Fl-1964, l-NPS ħareġ l-ideat tiegħu għal tliet parks nazzjonali ta' daqs differenti bis-siġar tal-injam tal-aħmar. Fl-1964, il-Kungress għadda l-Fond tal-Konservazzjoni tal-Art u tal-Ilma sabiex il-fondi federali setgħu jixtru l-art tal-parks.

Hu u jiddeskrivi raġuni wara s-suċċess tal-klabb, Willard Pratt tal-kumpanija tal-injam ippreparat, Arcata, jikteb li "l-Klabb ta' Sierra wera fatt politiku bażiku tal-ħajja: l-oppożizzjoni għal proposti partikolari ta' preservazzjoni normalment tkun lokali filwaqt li l-appoġġ ikun nazzjonali. Jekk it-teħid tad-deċiżjonijiet jista' jitqiegħed fil-livell nazzjonali, il-preservazzjoni normalment tirbaħ".

Inizjalment kontra l-istabbiliment tal-park fis-snin 60 tas-seklu 20, in-negozji tal-injam ippreparat ta' Arcata, Georgia-Pacific u Miller kienu joperaw sal-konfini diskussi. Fl-1965, ħames kumpaniji tal-injam ippreparat oġġezzjonaw formalment għal kwalunkwe park nazzjonali tas-siġar tal-injam tal-aħmar. Schrepfer tikteb li l-liġi finali qasmet l-impatt bejn il-kumpaniji tal-injam ippreparat, bejn il-kontej ta' California, u ppruvat tappella kemm għal-lega kif ukoll għall-klabb. Schrepfer issostni li fil-biċċa l-kbira, il-liġi tfasslet skont it-termini tal-preparaturi tal-injam. Wara pressjoni intensiva tal-Kungress, il-liġi li ħolqot il-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ġiet iffirmata mill-President Lyndon B. Johnson f'Ottubru 1968.

Il-Lega Nsalvaw is-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tat irqajja' tal-art b'donazzjoni fl-1974 u fl-1976. Il-klabb ħass li l-pjan ta' Olmsted li s-siti jintgħażlu b'mod delikat kien approċċ ħażin fil-ġlieda kontra l-ikklerjar tas-siġar. Fl-1977, il-klabb stqarr li l-akkwiżizzjoni tal-art biss madwar kanal tal-ilma seta' jippreserva s-sors tal-ilma u b'hekk anke lis-siġar. Fost l-appoġġ lokali tal-ambjentalisti u l-oppożizzjoni mill-preparaturi tal-injam u l-kumpaniji tal-injam ippreparat lokali, 48,000 akru (190 km2) żdiedu mal-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar permezz ta' tkabbir iffirmat mill-President Jimmy Carter fl-1978. Ix-xiri kien jinkludi l-artijiet fejn is-siġar diġà kienu ġew maqtugħin, u l-NPS ingħata l-kompitu li jgħin biex l-art tirpilja u titnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija. B'mijiet ta' miljuni ta' dollari, dan kien l-iżjed xiri għali ta' art li qatt ġie approvat mill-Kungress. Sal-1979, il-lega kienet ippreservat 150,000 akru (610 km2), jiġifieri kważi d-doppju tal-erja li l-gvern federali kien irnexxielu jsalva permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-parks.

Rikonoxximent ulterjuri

immodifika

Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[3] Il-kumitat tal-evalwazzjoni nnota ġestjoni kooperattiva u riċerka kontinwa fil-parks mill-Università Statali ta' Humboldt u minn imsieħba oħra. Il-parks jinsabu tul il-kosta ta' California u r-riżorsi tagħhom jitqiesu bħala insostitwibbli. Fl-1983, il-parks ġew iddeżinjati bħala Riżerva ta' Bijosfera Internazzjonali. Fl-2017, l-Istati Uniti rtirawhom flimkien ma' xi tużżana riżervi oħra min-Network Dinji tar-Riżervi ta' Bijosfera.

Fl-2023, fuq inizjattiva tal-Ewwel Ġnus fil-Kanada u l-Aboriġini fl-Awstralja, tliet tribujiet indiġeni rikonoxxuti federalment — ir-Resighini Rancheria tal-Poplu Yurok, il-Ġens Dee-ni' tat-Tolowa, u l-Komunità Indjana ta' Cher-Ae Heights tat-Trinidad Rancheria — ħabbru li bħala gvernijiet sovrani huma kienu se jipproteġu ż-Żona Indiġena ta' Protezzjoni tal-Baħar tal-Yurok-Tolowa-Dee-ni'. L-isforz jipproteġi 700 mil kwadru (1,800 km2) ta' ilmijiet oċeaniċi territorjali u ta' kosta minn Oregon san-Nofsinhar ta' Trinidad, u jikkontribwixxi għall-pjan ta' 30x30 ta' California biex jiġu kkonservati 30 fil-mija tal-ilmijiet tal-art u kostali statali sal-2030. It-tribujiet stiednu l-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-Istati Uniti u ma' ġnus indiġeni oħra.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[3]

Ġestjoni tal-park

immodifika

Il-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar jiġi ġestit direttament mill-NPS mill-uffiċċju tiegħu f'Crescent City, California. It-tliet parks statali jiġu ssorveljati mid-Dipartiment tal-Parks u tar-Rikreazzjoni ta' California. Il-ġestjoni tal-park tiġi kkoordinata flimkien mal-mexxejja tribali, peress li l-parks fihom art u villaġġi li jappartjenu lil diversi gruppi, fosthom il-Yurok u t-Tolowa. L-NPS jiġġestixxi madwar 1,400 akru (5.7 km2) ta' art u ilmijiet tal-parks federali li jinsabu fi ħdan ir-Riżerva tal-Indjani Yurok.

Il-ġestjoni tal-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar tinkludi s-sorveljanza ta' bosta dettalji oħra apparti s-siġar tal-injam tal-aħmar u l-ispeċijiet organiċi li jgħixu fil-konfini tal-park, fosthom ir-regolamentazzjoni ta' żoni fejn il-vetturi bil-mutur, id-dgħajjes, id-droni, iż-żwiemel, l-annimali domestiċi u saħansitra r-roti huma pprojbiti. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-park tinkludi l-istabbiliment ta' limitazzjonijiet rigward il-kampeġġi, in-nirien fil-kampeġġi, il-ħżin tal-ikel u l-użu tal-art, kif ukoll il-ħruġ tal-permess meħtieġa.

Meta fetaħ fl-1969, il-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar kellu sitt impjegati permanenti biss. Mill-2023, il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar flimkien għandhom 96 impjegat permanenti u 52 impjegat temporanju. L-ewwel maniġers tal-parks taw prijorità lir-restawr tal-istrutturi eżistenti, lir-riabilitazzjoni tal-mogħdijiet tal-ilma, u lill-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni tan-natura selvaġġa. Sal-1980, il-maniġers kienu qed jassumu li t-tliet parks statali, li jinsabu fi ħdan il-konfini tal-park nazzjonali, kienu se jingħataw b'donazzjoni lill-NPS. Dan ma kienx il-każ, u l-NPS u l-istat iffirmaw memorandum ta' fehim fl-1994 li jirregola l-ġestjoni konġunta u l-qbil rigward l-isem "Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar". Mill-2021, il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar flimkien laqgħu 1,185,000 viżitatur fis-sena.

Riżorsi naturali

immodifika

Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar jikkonservaw żona li fiha l-ikbar foresta kostali primordjali kontigwa tas-siġar tal-injam tal-aħmar kif ukoll ħabitats għal speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni.

Siġar kostali tal-injam tal-aħmar

immodifika
 
Sequoia sempervirens.

Skoperta fil-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar fl-2006 f'post mhux ippubblikat, l-itwal siġra ħajja hija s-siġra kostali tal-injam tal-aħmar (Sequoia sempervirens), li ngħatat l-isem ta' Hyperion, b'għoli ta' 380 pied (120 metru). Warajha jiġu Helios b'għoli ta' 377 pied (115-il metru), u Icarus b'għoli ta' 371 pied (113-il metru), it-tnejn li huma fil-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar. Għal bosta snin maħseba bħala l-itwal siġra, eżemplar magħruf bħala "Siġra Twila" fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek instab li kienet għolja 367.8 pied (112.1-il metru). "Tant marru nies fil-bażi tas-siġra li l-art hija kkumpattjata", sostna l-Professur Stephen C. Sillett tal-Università Statali ta' Humboldt fis-snin 90 tas-seklu 20. L-10 piedi (3.0 metri) tal-quċċata tas-siġra mietu fis-snin 70 u waqgħu fis-snin 90 tas-seklu 20. Fl-2022, wara li ddokumenta l-ħsara kkważata mill-viżitaturi tal-ogħla siġra ħajja, l-NPS ħabbar penali għal dawk kollha li joqorbu lejha, li tista' tilħaq sa multa ta' $5,000 ($5,206 fl-2023) u sitt xhur ħabs, u minflok jindika kif il-viżitaturi jistgħu jaraw siġar oħra.

Is-siġar kostali maturi tal-injam tal-aħmar bħala medja jgħixu għal 500–700 sena; hemm ftit li ġew iddokumenti li għandhom saħansitra 2,000 sena. Mill-1990, żona fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Humboldt fil-qrib kellha l-ikbar bijomassa li qatt ġiet irreġistrata. Is-siġar tal-injam tal-aħmar jiżviluppaw għeruq enormi li jakkumulaw ħamrija organika fonda li minnha jinbtu zkuk ġodda bid-daqs ta' siġra u li fihom jistgħu jikbru pjanti magħrufa bħala epifiti. Diversi meded ta' felċi epifitiċi sew 'il fuq mill-art jospitaw għadd ta' invertebrati, molluski, dud u salamandri.

Is-siġar tal-injam tal-aħmar jippreferu x-xaqlibiet imkennija, u jitkattru l-iktar fuq art ċatta u bl-indewwa tul ix-xmajjar f'elevazzjoni ta' inqas minn 1,000 pied (300 metru). Iċ-ċpar kostali jipprovdi madwar 40 fil-mija tal-ilma meħtieġ minnhom fis-sena. Is-siġar tal-injam tal-aħmar ilhom jeżistu tul il-kosta tat-Tramuntana ta' California għal mill-inqas 20 miljun sena u huma relatati ma' speċijiet ta' siġar li kienu jeżistu 160 miljun sena ilu fil-Ġurassiku. Madwar 96 fil-mija tal-foresti primordjali tas-siġar kostali tal-injam tal-aħmar inqatgħu għall-injam, u kważi nofs (45 fil-mija) milli għad fadal jinsabu fil-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar. Il-parks jipproteġu 38,982 akru (157.75 km2) ta' foresti primordjali, maqsuma kważi b'mod indaqs bejn il-ġestjoni federali u dik statali. L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura elenkat is-siġar kostali tal-injam tal-aħmar bħala speċi fil-periklu ta' estinzjoni fl-2011.

Flora oħra

immodifika
 
Il-Kanjon tal-Felċi fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek.

Is-siġar kostali tal-injam tal-aħmar għandhom it-tendenza li jiddominaw il-postijiet li jogħġbuhom iżda sikwit jistgħu jinstabu flimkien ma' siġar kostali oħra li jikbru malajr, fosthom is-siġar tal-abit ta' Douglas. Eqreb lejn l-oċean, is-siġar tal-alnu ħomor jikbru minflok is-siġar tal-injam tal-aħmar li ma jittollerawx l-ilma baħar. L-itwal siġra magħruf tal-abit ta' Sitka tinsab fi ħdan il-parks. Is-siġar tal-abit ta' Sitka jikbru l-iktar tul il-kosta, peress li huma adattati aħjar għall-arja mielħa minn speċijiet oħra. Siġar assoċjati oħra huma t-tanoak, il-madrone tal-Paċifiku, l-aġġru tal-weraq kbir u r-rand ta' California.

Fil-baxx mas-siġar jikber il-frott artab bħall-huckleberry u s-snowberry. Ir-rododendroni ta' California u l-azalea huma arbuxxelli komuni fil-park li jarmu l-fjuri. Pjanti bħall-felċi xabla u l-ħurrieq tas-siġar tal-injam tal-aħmar huma prolifiċi.

Fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek, il-Kanjon tal-Felċi huwa fondoq magħruf sew li huwa fond 50 pied (15-il metru), u l-blat tiegħu huwa miksi għalkollox bil-felċi — felċi ta' California, felċi taċ-ċriev, felċi polipodi ta' California, felċi tal-likorizja u felċi xabla tal-Punent. L-antenati ta' wħud minn dawn il-felċi jmorru lura għal 325 miljun sena ilu.

 
Il-kokka tat-tikek tat-Tramuntana (Strix occidentalis caurina) hija speċi mhedda li tgħix fil-parks.

Diversi ekosistemi jeżistu fi ħdan il-parks — kostali, tax-xmajjar, tal-prateriji, u żoni densament forestati — u dawn joffru refuġju lil bosta speċijiet rari u fil-periklu ta' estinzjoni. Madwar 66 speċi ta' mammiferi tal-art ġew dokumentati, inkluż l-ors l-iswed, il-kojote, il-kawgar, il-bobcat, il-beaver, il-lontra tax-xmajjar u ċ-ċerva ta' denbha iswed. L-alċi ta' Roosevelt jiġu osservati l-iktar fost il-mammiferi l-kbar tal-park. Merħliet f'saħħithom, li rpiljaw minn xifer l-irdum tal-estinzjoni fir-reġjun, issa huma komuni fil-parks. Speċijiet differenti ta' friefet il-lejl, bħall-farfett il-lejl kannella l-kbir, u mammiferi iżgħar oħra, inkluż il-viżuni, il-martens, l-iskojjattli ħomor, l-iskojjattli tat-Tramuntana, il-bugeddum, il-firien, il-liebru tal-foresti, il-gophers u r-raccoons jgħixu fil-parks, għalkemm qajla jiġu osservati mammiferi żgħar.

Jgħixu fil-parks jew fil-qrib hemm 28 speċi rikonoxxuti federalment bħala fil-periklu ta' estinzjoni, mhedda jew kandidati għall-protezzjoni; madwar terz minnhom jiġu osservati b'mod regolari fil-parks. L-ajkla tal-Amerki, li normalment tbejjet qrib sors tal-ilma, hija elenkata bħala speċi fil-periklu tal-istat ta' California. Is-salamun ta' Chinook — storikament sors ta' ikel essenzjali għar-residenti indiġeni — l-ajkla tat-tikek tat-Tramuntana, u l-iljun tal-baħar ta' Steller huma ftit mill-ispeċijiet l-oħra ta' annimali mhedda. Il-goby tal-mareat hija speċi fil-periklu ta' estinzjoni li hija elenkata federalment, u din kienet tgħix qrib il-kosta tal-Paċifiku qabel ma nqerdet mill-parks fl-1968 meta xi alterazzjonijiet fix-xtut affettwaw is-salinità tal-ilma. L-istess ġara fil-każ tal-candlefish fis-snin 70 tas-seklu 20. Il-lontri tal-baħar inqerdu mill-parks lejn l-aħħar tas-seklu 20 iżda għad hemm xi lontri tax-xmajjar. L-għasfur tal-baħar, Brachyramphus marmoratus, li huwa fil-periklu wkoll, kapaċi jbejjet fl-għoli fuq il-friegħi tas-siġar tal-injam tal-aħmar.

Tul il-kosta, l-iljuni tal-baħar ta' California, l-iljuni tal-baħar ta' Steller u l-bumarini tal-port jgħixu qrib ix-xatt u fuq xi sikka jew gżejriet tal-blat ftit lil hinn mill-kosta. Okkażjonalment ġieli jintlemħu xi dniefel u xi balieni griżi tal-Paċifiku. Il-pelikani kannella u tliet speċijiet ta' marguni jinstabu l-iktar fuq l-irdumijiet tul il-kosta u fuq xi sikka, filwaqt li l-beggazzini u tliet speċijiet ta' gawwi jgħixu mal-kosta u f'irqajja' iktar 'il ġewwa. Għasafar ta' fuq ġewwa li jiddependu fuq l-ilma ħelu, fosthom is-serra prima, l-arpa, is-seqer ta' denbu aħmar, ir-russetti u sultan iċ-ċawl huma ftit mill-ispeċijiet ta' għasafar li ġew iddokumentati. Madwar 280 speċi ta' għasafar, jew madwar terz minn dawk li jinstabu fl-Istati Uniti, ġew iddokumentati fi ħdan il-konfini tal-park.

Diversi rettili, fosthom erba' speċijiet ta' fkieren tal-baħar jinstabu 'l barra mill-kosta u ġieli fuq il-bajjiet. Fil-parks jgħixu wkoll għadd ta' anfibji, fosthom is-sriep wikkiela tal-gophers, iż-żrinġijiet tad-denb, is-salamandra mċajpra, u tliet speċijiet ta' gremxul tal-ilma. Għadd ta' detritivori, fosthom il-bugħerwien tal-banana u l-millipied tat-tikek sofor, jgħixu fil-parks ukoll.

Speċijiet invażivi

immodifika

Iktar minn 200 speċi eżotika jgħixu fil-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar. Minnhom, 30 speċi ġew identifikati bħala speċijiet invażivi, u 10 mit-30 speċi jitqiesu bħala theddidiet għall-ispeċijiet u għall-ekosistemi lokali. Attwalment l-ispeċijiet eżotiċi jammontaw għal madwar kwart tal-flora totali fil-parks. Madwar wieħed fil-mija tal-pjanti fil-foresti primordjali huma speċijiet eżotiċi, imqabbla ma' 50–75 fil-mija fil-prateriji ta' Bald Hills. Iċ-Centaurea maculosa u ċ-ċikuta t-tnejn li huma kienu qed jitqiesu fl-2015 biex jiġu elenkati f'lista ta' osservazzjoni ta' prijorità għolja mis-sistema tal-parks.

Ġeografija

immodifika
 
Iż-żona tal-kosta.

Il-parks jinsabu fl-iżjed żona sismika attiva fil-pajjiż. Diversi terremoti minuri frekwenti jheżżu l-parks u l-inħawi lil hinn mill-kosta taħt l-Oċean Paċifiku u dawn irriżultaw fl-ispostament tal-kanali tax-xmajjar, f'ċedimenti tal-art u fl-erożjoni tal-irdumijiet mal-baħar. Il-Plakek ta' Gorda, tal-Paċifiku u tal-Amerka ta' Fuq huma plakek tettoniċi li jiltaqgħu ma' xulxin fil-Punt Triplu ta' Mendocino, madwar 100 mil (160 kilometru) fil-Lbiċ tal-parks. Matul is-snin 90 tas-seklu 20, iktar minn disa' terremoti ta' 6.0 fuq l-iskala Richter seħħew tul din iż-żona tettonika. Iktar reċentement, terremot ta' 6.4 fuq l-iskala Richter fl-2022, b'epiċentru lil hinn mill-kosta, ikkawża l-mewt ta' żewġ persuni. Iċ-ċentri għall-viżitaturi għalqu iżda l-parks baqgħu miftuħin. Din iż-żona hija l-iżjed waħda li faċilment tiġi affettwata mit-tsunamis fl-Istati Uniti kontinentali, u l-viżitaturi ta' mal-kosta jiġu mwissija biex ifittxu art għolja minnufih wara li jseħħ xi terremot sinifikanti. L-altitudni tal-parks tvarja minn taħt il-livell tal-baħar sa 837 metru (2,746 pied) fil-Quċċata ta' Rodgers.

Kemm il-kosta kif ukoll il-muntanji tal-Ktajjen Muntanjużi Kostali ta' California jistgħu jinstabu fi ħdan il-konfini tal-parks. Il-biċċa l-kbira tal-blat fil-parks huwa parti mill-kumpless ta' San Francisco. Il-blat metamorfiku u sedimentarju tal-Ġurassiku u tal-Kretaċju, flimkien mad-depożiti sedimentarji fil-baħar u alluvjali tat-Terzjarju u tal-Kwaternarju, jinsabu taħt il-baċir ta' Redwood Creek. Dan il-blat sedimentarju huwa primarjament ġebel ramli, depożiti u shale, b'ammonti iżgħar ta' chert, ġebel aħdar u blat metamorfiku.

 
Iċ-ċpar ikun persistenti matul is-sajf.

Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar għandhom klima Mediterranja bi sjuf sħan (Csb skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Tinżel xita ġmielha matul il-biċċa l-kbira tas-sena, bl-eqqel xita fix-xitwa, tnaqqis f'Ġunju u f'Settembru, u żewġ xhur nexfin fis-sajf (Lulju u Awwissu).

Il-parks jagħmlu parti minn foresta pluvjali miti tul il-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti. L-Oċean Paċifiku fil-qrib ikollu effetti kbar fuq il-klima fil-parks. It-temperatura qrib il-kosta fil-biċċa l-kbira tibqa' bejn 40 u 60 grad Fahrenheit (4–15 °C) matul is-sena kollha. Is-siġar tal-injam tal-aħmar għandhom it-tendenza li jikbru f'din iż-żona ta' klima miti kostanti, għalkemm il-biċċa l-kbira jikbru mill-inqas mil jew żewġ mili (1.5–3 kilometri) mill-kosta biex jevitaw l-arja iktar mielħa, u qatt ma jikbru iktar minn 50 mil (80 kilometru) minnha. F'din iż-żona kostali umduża, is-siġar jirċievu l-indewwa kemm mix-xita qawwija tax-xitwa kif ukoll miċ-ċpar persistenti tas-sajf. Il-preżenza u l-konsistenza taċ-ċpar tas-sajf fil-fatt huwa iktar importanti għas-saħħa ġenerali tas-siġar mill-preċipitazzjoni. Dan il-fatt joħroġ fid-dieher mit-total ta' preċipitazzjoni ta' madwar 71 pulzier (180 ċentimetru) fis-sena, u l-foresti f'saħħithom tas-siġar tal-injam tal-aħmar jinstabu l-iktar fl-inħawi b'inqas preċipitazzjoni minħabba li l-ħtieġa eċċessiva ta' ilma tittaffa miċ-ċpar li kważi dejjem ikun preżenti fis-sajf u t-temperaturi iktar bierda minħabba f'hekk. Il-borra li rari tinżel, tinżel l-iktar fuq l-għoljiet u l-muntanji u biswit il-parks.

Partijiet mill-parks huma mhedda mit-tibdil fil-klima. Iż-żieda fit-temperaturi medji wasslet għal tnaqqis fil-kwalità tal-ilma, li qed jaffettwa lill-ħut u lil fawna oħra, u għal żidiet fil-livelli tal-baħar li qed jheddu li jikkawżaw ħsara lill-istrutturi tal-parks qrib il-kosta. Is-siġar tal-injam tal-aħmar igawdu minn livelli ogħla tal-karbonju u huma reżiljenti għat-tibdil fit-temperaturi. Ix-xjenzati wisq jibżgħu li t-tibdil fil-klima x'aktarx li se tibdel il-medda fejn jgħixu s-siġar kostali tal-injam tal-aħmar għal barra ż-żoni protetti, u bosta wettqu riċerka dwar il-migrazzjoni assistita.

Data klimatika għal Crescent City 3 NNW, CA (Eureka, l-Uffiċċju ta' California)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 72

(22)

77

(25)

75

(24)

77

(25)

86

(30)

85

(29)

81

(27)

80

(27)

87

(31)

93

(34)

74

(23)

68

(20)

93

(34)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 54.3

(12.4)

55.2

(12.9)

56.1

(13.4)

57.9

(14.4)

60.8

(16.0)

63.1

(17.3)

65.4

(18.6)

66.1

(18.9)

65.9

(18.8)

62.1

(16.7)

56.6

(13.7)

53.1

(11.7)

59.7

(15.4)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 40.0

(4.4)

40.2

(4.6)

41.1

(5.1)

43.2

(6.2)

45.7

(7.6)

48.1

(8.9)

51.1

(10.6)

51.6

(10.9)

48.4

(9.1)

45.5

(7.5)

41.6

(5.3)

39.2

(4.0)

44.6

(7.0)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) 24

(−4)

25

(−4)

28

(−2)

30

(−1)

32

(0)

32

(0)

36

(2)

40

(4)

37

(3)

29

(−2)

27

(−3)

20

(−7)

20

(−7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 11.51

(292)

8.96

(228)

9.84

(250)

6.76

(172)

3.23

(82)

1.78

(45)

0.19

(4.8)

0.42

(11)

1.26

(32)

4.67

(119)

9.46

(240)

13.37

(340)

71.45

(1,815)

Borra medja f'pulzieri (cm) 0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0

(0)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.01 pulzieri) 16 15 17 13 8 6 2 3 4 9 16 17 132
Sors 1: NOAA (temp. normali fl-1991–2020).[25]
Sors 2: L-Uffiċċju tat-Tbassir tat-Temp ta' Eureka, CA (temp. rekord, jiem ta' preċipitazzjoni, borra fl-1991–2020).[26]
 
Ekologu tar-riċerka tas-Servizz Forestali jaħraq il-ġandar Tanoak fl-2019.

Id-Dipartiment tal-Forestrija u tal-Protezzjoni min-Nirien ta' California (CAL FIRE) huwa responsabbli għall-ġestjoni tan-nirien fil-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar, u l-NPS iġestixxi n-nirien fil-park nazzjonali.

Minħabba li l-qoxra tas-siġar kostali tal-injam tal-aħmar — f'xi postijiet ħoxna saħansitra sa pied — ma għandha l-ebda reżina, is-siġar huma reżistenti għan-nirien u jerġgħu jikbru wara l-ħruq. Il-foresta tas-siġar tal-injam tal-aħmar ikollha ċ-ċpar u tkun umduża, u ġeneralment ma tkunx suxxettibbli għan-nirien. Rari li jkun hemm maltempati bis-sajjetti li jaf jinżlu qalb is-siġar tal-injam tal-aħmar u jolqtuhom. B'hekk dan ifisser li l-biċċa l-kbira tan-nirien ikunu antropoġeniċi. In-nirien tal-2003 kienu eċċezzjoni; maltempata bis-sajjetti qabbdet in-nar f'mill-inqas 274 post f'California, inkluż in-Nirien tal-Kenura fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Humboldt, fejn il-park dam jaqbad minn Settembru sa Ottubru. Bi kważi 11 fil-mija, is-siġar kostali primordjali tal-injam tal-aħmar kellhom l-ikbar volum ta' karburanti ta' kwalunkwe tip ta' foresta.

Wara l-wasla tagħhom għall-ħabta tal-1300 u sal-invażjoni tal-artijiet tagħhom mill-insedjaturi ta' karnaġjon bajda fis-snin 50 tas-seklu 19, il-poplu Tolowa qabbdu nar ta' intensità baxxa mal-art b'mod intenzjonali. Ir-residenti indiġeni, inkluż il-Karuk u t-Tolowa, użaw in-nar biex jipproteġu s-siġar tat-tanoak u l-ġandar tagħhom, li kienu provvista primarja tal-ikel. In-nirien tagħhom tejbu l-artijiet tal-kaċċa tagħhom, naqqsu l-organiżmi qerrieda, u naqqsu l-probabbiltà ta' nirien ikbar. Hemm evidenza li fl-inħawi kien jitqabbad nar ta' intensità medja mal-art, iżda llum il-ġurnata, wara deċennji ta' tifi tan-nar u d-densità ikbar ta' karburant li tirriżulta, in-nirien ta' intensità massima ħadu post in-nirien mal-art kull meta jkun hemm xi nirien. Qrib il-qċaċet tas-siġar, il-qoxra tas-siġar kostali tal-injam tal-aħmar jaf ikollhom ħxuna ta' inqas minn pulzier.

Mill-istabbiliment tiegħu fl-1905, u speċjalment permezz tal-politiki tiegħu tas-snin 30 tas-seklu 20, is-Servizz Forestali tal-Istati Uniti (USFS) fil-biċċa l-kbira ddefenda l-insedjamenti umani u l-kumpaniji tal-injam min-nirien billi uża tekniki tat-tifi tan-nirien forestali bil-ħsieb li jiġu eliminati n-nirien. Imħassar fl-1937, l-Att ta' California tal-1850 għall-Governanza u għall-Protezzjoni tal-Indjani — li l-istat talab apoloġija għalih fl-2019 — kien jipprevedi li "Kwalunkwe persuna kienet soġġetta għal multa jew penali jekk tqabbad xi praterija, jew tirrifjuta li tuża mezzi xierqa tat-tifi tan-nar". Wara li rrikonoxxa li n-nirien għandhom il-benefiċċji tagħhom ukoll, is-servizz fis-snin 70 tas-seklu 20 beda jibdel il-politiki biex il-ħruq jitħalla. Iktar reċentement fl-ewwel deċennju tas-seklu 21, il-USFS ħaddnet il-ġestjoni indiġena tan-nirien meta r-riċerkatur tal-USFS Steve Norman tkellem favur "mudell tal-ħruq immodifikat abbażi ta' dak Amerikan Nattiv".

Fl-2020, it-tribù tal-Karuk iffurmat id-Dotazzjoni għar-Rivitalizzazzjoni Ekoloġika u Kulturali biex tippromwovi l-ħruq kulturali f'art twelidha fi ħdan il-parks. Il-maniġers tal-park b'hekk bdew joperaw b'perspettiva ġdida, u bdew iqabbdu nirien ikkontrollati fil-bwar tal-ħaxix tal-parks — sabiex jikkontrollaw lill-ispeċijiet invażivi, irażżnu t-tixrid tal-abit ta' Douglas, u jżidu d-disponibbiltà tal-materjali meħtieġa mit-tribujiet lokali għall-insiġ tal-qfief.

Rikreazzjoni

immodifika
 
Viżitaturi rekbin iż-żwiemel u deħlin fil-Park Nazzjonali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar.

Il-parks għandhom ħames ċentri għall-viżitaturi, fejn ikunu disponibbli informazzjoni ġenerali, mapep u xi tifkiriet; uħud miċ-ċentri joffru attivitajiet matul is-sajf, immexxija mir-rangers tal-parks. Il-Parks Nazzjonali u Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ma għandhom l-ebda tariffa tad-dħul, għalkemm xi żoni għall-kampeġġ u xi żoni tal-park jirrikjedu l-ħlas ta' permessi.

Mill-għeluq fl-2019 tal-Hostel taż-Żgħażagħ tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' DeMartin, faċilità ta' akkomodazzjoni kondiviża bi ftit faċilitajiet qrib Klamath, ma hemm l-ebda lukanda jew motel fi ħdan il-konfini tal-parks. Madwar 325 mil (523 kilometru) fit-Tramuntana ta' San Francisco, il-parks huma aċċessibbli bl-ajru, bil-karozza, u bit-trasport pubbliku. L-NPS stess ma joffri l-ebda akkomodazzjoni iżda sempliċi links għal kull raħal mit-Tramuntana san-Nofsinhar tul l-Awtostrada Nru 101 tal-Istati Uniti: Brookings, Oregon, u f'California, Crescent City, Klamath, Orick, Trinidad, McKinleyville, Arcata, Eureka u l-kontej ta' Del Norte u Humboldt.

Il-parks statali għandhom erba' kampeġġi li huma aċċessibbli għall-vetturi u jistgħu jintużaw bi ħlas; is-sit web tal-parks jissuġġerixxi li ssir prenotazzjoni. B'kollox, f'Mill Creek fil-Park Statali tas-Siġar Kostali tal-Injam tal-Aħmar ta' Del Norte u f'Jedediah Smith fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Jedediah Smith, hemm 231 kampeġġ; hemm 75 kampeġġ f'Elk Prairie fil-Park Statali tas-Siġar tal-Injam tal-Aħmar ta' Prairie Creek; u 26 kampeġġ fil-Bajja ta' Gold Bluffs. Parks u żoni rikreattivi oħra fil-qrib għandhom possibbiltajiet addizzjonali għall-kampeġġ.

Il-mixi huwa l-uniku mod biex wieħed jasal fis-seba' żoni tal-kampeġġ fin-naħa ta' ġewwa tal-parks; l-użu ta' dawn iż-żoni jirrikjedi permess. Il-kampeġġ huwa permess biss f'siti apposta, għajr fuq meded biż-żrar tul Redwood Creek fejn huwa permess il-kampeġġ sparpaljat. Il-ħżin xieraq tal-ikel sabiex jitnaqqsu l-possibbiltajiet li wieħed jiltaqa' mal-orsijiet jiġi infurzat bis-saħħa, u l-viżitaturi jridu jieħdu magħhom l-iskart kollu li jiġġeneraw. L-NPS iħaddan is-seba' prinċipji ta' "Ħalli l-Ebda Traċċa".

Jeżistu kważi 200 mil (320 kilometru) ta' mogħdijiet għall-mixi fi ħdan il-parks. Matul is-sena kollha, il-mogħdijiet sikwit ikunu mxarrbin u l-viżitaturi jridu jkunu ħasbu sew għall-mixi fix-xita u jridu jikkonsultaw liċ-ċentri tal-informazzjoni għal aġġornamenti dwar il-qagħda tal-mogħdijiet. Xi pontijiet temporanji għall-mixi jitneħħew matul l-istaġun tax-xita, għaliex inkella jinqerdu min-nixxigħat għoljin.

L-irkib taż-żwiemel u tar-roti huwa permess f'ċertu mogħdijiet. Il-qdif tal-kajak jitħalla wkoll, u matul is-sajf jiġu offruti mawriet bil-kajak immexxija mir-rangers. Spiss min jaqdef fuq il-kajak jew il-kenura jħobb jivvjaġġa tul ix-xmara Smith, li hija l-itwal xmara bla digi li għad fadal f'California. Il-viżitaturi jistgħu jistadu għas-salamun u għat-troti fix-xmajjar Smith u Klamath, u ż-żoni tal-bajjiet joffru opportunitajiet ta' sajd għall-perlan u għad-dott. Liċenzja tas-sajd sportiv ta' California hija meħtieġa biex wieħed jistad fi kwalunkwe xmara u nixxiegħa.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "AcreageReports - Land and Water Conservation Fund (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-05.
  2. ^ "Stats Report Viewer". irma.nps.gov. Miġbur 2024-07-05.
  3. ^ a b ċ d "Redwood National and State Parks". whc.unesco.org.
  4. ^ Stannard, David E. (November 18, 1993). American Holocaust: The Conquest of the New World. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-983890-5. pp. 21-22.
  5. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 20.
  6. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. pp. 20-21.
  7. ^ "The Chilula: Bald Hills People". Park Newspaper (Visitor's Guide). National Park Service. 2002. p. 2.
  8. ^ Bearss, Edwin C. (Marzu 1982). Redwood National Park: History Basic Data. National Park Service.
  9. ^ Tushingham, Shannon (2013). "Archaeology, Ethnography, and Tolowa Heritage at Red Elderberry Place, Chʊn‑su'lh‑dʊn, Jedediah Smith Redwoods State Park". Journal of California and Great Basin Anthropology. 35 (1): i–172. pp. 47; 57.
  10. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 35.
  11. ^ "California Indian History". web.archive.org. 2008-10-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-26. Miġbur 2024-07-05.
  12. ^ Nabokov, Peter; Easton, Robert (1990). Native American Architecture. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-506665-4. p. 290.
  13. ^ Bearss, Edwin C. (Marzu 1982). Redwood National Park: History Basic Data. National Park Service. It-Taqsima II.A.
  14. ^ Bearss, Edwin C. (Marzu 1982). Redwood National Park: History Basic Data. National Park Service. It-Taqsima II.
  15. ^ Heizer, Robert F.; Mills, John E. (2022) [1952]. The Four Ages of Tsurai: A Documentary History of the Indian Village on Trinidad Bay. University of California Press. ISBN 978-0-520-34688-8. p. 1.
  16. ^ Heizer, Robert F.; Mills, John E. (2022) [1952]. The Four Ages of Tsurai: A Documentary History of the Indian Village on Trinidad Bay. University of California Press. ISBN 978-0-520-34688-8. pp. 1-2.
  17. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 44.
  18. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. pp. 41-42.
  19. ^ City, Mailing Address: 1111 Second Street Crescent; Us, CA 95531 Phone: 707 464-6101 Contact. "Redwood Area History - Redwood National and State Parks (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-06.
  20. ^ "Redwood NP & SP: History Basic Data (Chapter 1)". www.nps.gov. Miġbur 2024-07-06.
  21. ^ Bearss, Edwin C. (Marzu 1982). Redwood National Park: History Basic Data. National Park Service. It-Taqsima I.B.
  22. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 54.
  23. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 79.
  24. ^ Jenner, Gail (2016). Historic Redwood National and State Parks. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4930-1809-3. p. 81.
  25. ^ "NOAA NCEI U.S. Climate Normals Quick Access". www.ncei.noaa.gov. Miġbur 2024-07-06.
  26. ^ US Department of Commerce, NOAA. "Climate". www.weather.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-06.