Palazz Irjali ta' Aranjuez

palazz irjali ta' Spanja

Il-Palazz Irjali ta' Aranjuez (bl-Ispanjol: Palacio Real de Aranjuez) huwa wieħed mir-residenzi uffiċjali tal-familja rjali Spanjola. Jinsab 50 kilometru fin-Nofsinhar ta' Madrid fir-raħal ta' Aranjuez, Spanja.

Il-Palazz Irjali ta' Aranjuez.

Ġie stabbilit fiż-żmien meta Filippu II ta' Spanja ttrasferixxa l-belt kapitali minn Toledo għal Madrid. Il-Palazz Irjali ta' Aranjuez sar wieħed mill-erba' sedi staġonali tal-gvern, u kien jiġi okkupat matul ir-rebbiegħa (minn madwar il-ġimgħa mqaddsa). Suċċessivament, il-qorti ġiet ittrasferita lejn Rascafría, El Escorial u kienet tissoġġorna f'Madrid għax-xitwa.

Diversi trattati internazzjonali ġew iffirmati hemmhekk u diversi membri tal-familja rjali mietu hemmhekk ukoll, fosthom:

Fl-1931, matul it-Tieni Repubblika Spanjola, iż-żona tal-palazz ġiet iddikjarata bħala Monument Storiku Artistiku u nfetħet għall-pubbliku. Il-palazz, il-ġonna u l-binjiet assoċjati huma parti mill-Pajsaġġ Kulturali ta' Aranjuez, li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-palazz u l-ġonna huma miftuħa għall-pubbliku bħala wieħed mill-bosta siti rjali Spanjoli fil-Komunità ta' Madrid, Spanja. Il-ġestjoni hija inkarigata lill-aġenzija tal-wirt nazzjonali, li ma tippermettix li jittieħdu ritratti fuq ġewwa għal raġunijiet ta' sigurtà. Madankollu, liċenzji għat-teħid tar-ritratti jaf jingħataw għal skopijiet speċifiċi.

L-inħawi madwar Aranjuez igawdu klima miti, u pajsaġġ ħadrani u varjat b'fawna tal-kaċċa eċċellenti u ilhom abitati għal żmien twil.

 
Il-faċċata tal-palazz.

Fis-seklu 12 l-Ordni ta' Santiago ħolqot riżerva tal-kaċċa esklużiva maġenb ix-xmara Tagus, fejn din tiltaqa' max-xmara Jarama.

L-istorja tiegħu bħala sit irjali bdiet fis-seklu 16, meta l-Gran Mastru tal-Ordni Lorenzo I Suárez de Figueroa

ddirieġa l-kostruzzjoni ta' loġġa grandjuża tal-kaċċa ddisinjata għar-rikreazzjoni tal-membri tal-Ordni u tal-patruni rjali u nobbli tagħhom, magħrufa bħala r-Raso de Estrella (Spazju Miftuħ b'Għamla ta' Stilla li jinsab bejn il-Palazz Irjali u l-istazzjon ferrovjarju attwali ta' Aranjuez). Is-sit illum il-ġurnata jintużaw bħala park miftuħ.[2]

Fl-1523 Karlu I ta' Spanja ħa l-pussess tal-inħawi, li ġew iddeżinjati bħala r-Real Bosque y Casa de Aranjuez (Boskijiet u Residenza Rjali ta' Aranjuez), għar-rikreazzjoni tal-mistednin tiegħu matul l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa.

Fl-1551, huwa stabbilixxa ġnien botaniku sabiex jinħoloq katalogu tal-ispeċijiet il-ġodda ta' pjanti li nġabu mill-Amerki. Minħabba distrazzjonijiet oħra, din il-missjoni qatt ma twettqet għalkollox.

Filippu II sar konxju bil-mergħat għammiela ta' Aranjuez, u ddeżinja roqgħa art fit-Tramuntana tax-xmara Tagus għal ġnien u għall-agrikoltura ġenerali fl-1561.

F'roqgħa biswit fin-Nofsinhar tax-xmara, ir-Re beda l-kostruzzjoni tal-ewwel palazz, fl-istess sit tal-binja eżistenti. Filippu qabbad lill-arkitett Juan Bautista de Toledo u iktar 'il quddiem lil Juan de Herrera. Dawn kienu responsabbli wkoll għall-palazz tal-Monasteru Rjali ta' San Lorenzo. Is-sit kien jinkludi wkoll annimali eżotiċi bħal dromedarji (camellos skont is-sorsi tal-perjodu): madwar għaxra fl-1583 u madwar 40 fl-1598.

Wara l-mewt ta' Filippu fl-1598, ix-xogħlijiet kienu għadhom għaddejjin u kienu tlestew biss l-appartamenti rjali, il-kappella, it-torri tan-Nofsinhar u l-parti tal-faċċata tal-Punent. Kriżi ekonomika u politika u l-waqgħa tal-familja rjali tal-Asburgi wasslu biex il-proġett jiġi abbandunat.

Fl-1700, l-ewwel Re tal-Borboni ta' Spanja, Filippu V, iddeċieda li jkompli bix-xogħlijiet, bil-ħsieb li l-Palazz Irjali ta' Aranjuez ikun rivali għall-Palazz ta' Versailles. Sussegwentement, dan l-istil imponenti ġie applikat fil-Palazz Irjali ta' La Granja de San Ildefonso. Filippu V żied torri ġdid tat-Tramuntana, lesta l-faċċata tal-Punent u ddefinixxa l-istruttura li sawret il-palazz attwali. Id-dromedarji rjali kienu madwar 200, u baqgħu jeżistu anke matul l-okkupazzjoni mit-truppi tal-Arċiduka tal-Awstrija fl-1710. Ma nżammux f'menagerie bħal f'Versalles, iżda kienu jitħallew jirgħu madwar il-palazz u kienu jintużaw bħala bhejjem għall-ġarr tat-tagħbijiet. Il-barrin u l-annimali eżotiċi kienu jintużaw ukoll fil-passatempi rjali, pereżempju meta kienu jintefgħu fil-ġibjun ta' Ontígola biex jisparawlhom il-muskettiera rjali. Dan ma tantx intuża wisq u kważi nqered għalkolloxx min-nirien fl-1748.

 
Is-Sala tat-Tron.

Ferdinandu VI reġa' bena l-palazz mill-ġdid. Għalkemm xorta waħda rrispettat il-pedamenti oriġinali, l-istruttura l-ġdida kellha tirrifletti l-istil prevalenti tal-Barokk aħħari u l-estetika tas-seklu 18, u minn barra kienet imponenti u lussuża u minn ġewwa kienet spazjuża u mgħammra b'mod lussuż. Farinelli kienet responsabbli għall-intratteniment mużikali.[3]

Is-sezzjonijiet madwar il-bitħa interna żdiedu fis-seklu 18.

Il-binja nbniet l-iktar bis-saħħa ta' Karlu III fix-xogħol ta' riformi tiegħu għall-belt kapitali (xi kultant jissejjaħ il-Maġġur ta' Madrid) u l-immodernizzar tal-istat Spanjol.

L-arkitett tal-palazz modern kien it-Taljan Francesco Sabatini. Huwa ddisinja ż-żewġ sezzjonijiet tal-Punent madwar il-bitħa interna u l-binja prinċipali tal-palazz, u b'hekk li jiddefinixxu t-tliet naħat tal-pjazza rjali tad-daħla oriġinali, qrib ir-Raso de Estrella fil-konfluwenza taż-żewġ xmajjar. Fuq naħa waħda tal-kumpless kien hemm il-kappella u fuq in-naħa opposta suppost kien hemm teatru, minkejja li qatt ma tlesta.

It-tiżjin ġie arrikkit fis-sekli 18 u 19 permezz ta' pitturi ta' diversi artisti; fis-swali kien hemm għamara tal-injam iebes u diversi kollezzjonijiet ta' tapizzeriji, arloġġi, lampi u skulturi. Bosta minn dawn l-opri uniċi jżejnu s-swali, il-kmamar u l-ispazji tal-palazz. Is-Sala tal-Porċellana kienet il-post favurit ta' Karlu III.

Karlu III kien irtira hemmhekk mill-politika Spanjola għal xi żmien wara r-Rewwixti ta' Esquilache. Huwa għażel il-Palazz Irjali ta' Aranjuez bħala r-residenza tar-rebbiegħa u tas-sajf tiegħu f'perjodu tal-istorja meta l-Qorti Rjali kienet tiġi ttrasferita minn Madrid fir-rebbiegħa u ma kinitx terġa' lura lejn il-belt kapitali qabel Ottubru.

 
Is-Sala tal-Porċellana.

Ir-Re ħaddan il-fiżjokrazija (forma bikrija ta' xjenza ekonomika fejn il-ġid ta' nazzjon kien jitqies li jinsab fil-ħamrija u l-poplu tiegħu iktar milli fit-teżor tiegħu). Karlu, li kien iħobb igawdi l-palazz u l-ambjent rurali tiegħu, stabbilixxa l-Cortijo de San Isidro bħala razzett sperimentali u qasam il-ġonna tal-palazz f'sezzjoni intima tal-Jardín del Parterre u f'sezzjoni usa' tal-Jardín de la Isla. Huwa kien jorganizza festini lussużi u xi kultant kien ibaħħar fl-ilmijiet tax-xmara Tagus f'falúas rikki mżejna b'mod artistiku u mpittra lewn id-deheb.

Iben Karlu, Karlu IV u martu Maria Luisa ta' Parma bnew paviljun magħruf bħala l-Casa del Labrador, li llum il-ġurnata hija miftuħa għall-pubbliku u hija eżempju importanti tal-arkitettura Neoklassika Ewropea.

Fl-1807, Manuel Godoy, għall-qalb Karlu IV u l-Prim Ministru Spanjol, ipprova jagħmel paċi ma' Franza taħt Napuljun iżda ffaċċja l-oppożizzjoni tal-eredi ribelli għat-tron Ferdinandu. Godoy sostna li r-renju kien sikur minkejja l-invażjoni Napuljonika imminenti, bis-saħħa tat-trattati li kien iffaċilita. Fl-1808, filwaqt li Godoy kien resident f'Aranjuez (fi ħdan il-Palazz ta' Osuna), inxtered l-għajdut ta' invażjoni, u dan irriżulta f'attakk ta' korla mmexxi mill-partitarji ribelli ta' Ferdinandu li sabuh jistaħba f'kamra fejn il-bejt. Huwa ttieħed bħala priġunier u iktar 'il quddiem ġie eżiljat. Bħala riżultat tar-Ribelljoni ta' Aranjuez li rnexxiet f'Marzu ta' dik is-sena, fis-Sala tat-Tron tal-palazz ir-Re Karlu IV abdika favur ibnu Ferdinandu VII, li mbagħad abdika hu wkoll f'Mejju.

F'Settembru 1808, f'ċerimonja formali fil-Kappella tal-Palazz Irjali ta' Aranjuez quddiem Monsinjur Don Juan de la Vera, l-Arċisqof ta' Laodicea, ġiet stabbilita l-Ġunta Napuljonika Suprema.

Wara li l-Borboni reġgħu ħadu l-poter, Alfonso XII ddeżinja l-Palazz Irjali ta' Aranjuez bħala r-residenza tal-familja nobbli tad-Duki ta' Montpensier. L-għarusa tiegħu kienet bint dik il-familja, Mercedes ta' Orléans. Fl-1878 l-għarusa u dawk ta' madwarha waslu għaċ-ċerimonja minn Madrid fi stazzjon ferrovjarju temporanju iżda imponenti li kien inbena ħdejn id-daħla tal-Punent tal-Palazz Irjali ta' Aranjuez, fil-Plaza de Armas.

Dan kien l-aħħar avveniment grandjuż li sar fil-Palazz Irjali ta' Aranjuez, peress li Maria Christina tal-Awstrija, it-tieni mara tal-monarka, u ibnu Alfonso XIII u l-mara tiegħu Victoria Eugenie ta' Battenberg, kollha kienu jippreferu l-Palazz Irjali ta' La Granja de San Ildefonso għall-btajjel irjali tagħhom.

 
Is-Sala Għarbija.

Il-palazz huwa l-binja ċentrali ta' kumpless irjali sħiħ. Lejn it-Tramuntana hemm l-eks ġonna, li issa huma art agrikola b'intersezzjoni ta' ringieli ġeometriċi ta' "mogħdijiet irjali" bis-siġar li issa huma miftuħa għall-pubbliku, l-iktar għall-mixi. Lejn il-Lvant hemm tliet toroq pavimentati (Reina, Principe u Infantas) li fihom in-nies nobbli bnew residenzi tal-familji tagħhom. Lejn il-Punent hemm tliet mogħdijiet rurali pariġġ, u waħda minnhom kienet it-triq tal-aċċess irjali bil-barrakki fuq kull naħa (issa rvinati). L-iktar punt 'il bogħod mill-palazz huwa spazju miftuħ, ir-Raso de Estrella, is-sit tal-loġġa tal-kaċċa oriġinali u issa post fejn isiru l-festivals. L-istazzjon ferrovjarju oriġinali kien hawn ukoll, qabel ġie rilokat iktar lejn il-Punent tas-sit attwali. Uħud mill-eks mogħdijiet ferrovjarji, issa parkeġġ għall-karozzi, għadhom jidhru fejn kienu. Eżatt quddiem il-palazz hemm roqgħa ħaxix ovali mdawra b'bankijiet tal-ġebel monumentali. Ferrovija turistika żgħira tieqaf fil-qrib. Lejn in-Nofsinhar hemm il-Plaza de Parejas, żona miftuħa biż-żrar imdawra b'diversi binjiet tal-palazz.[4][5]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Aranjuez ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Pitturi tal-palazz

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Aranjuez Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  2. ^ "Patrimonio Nacional - Real Sitio de Aranjuez". web.archive.org. 2012-06-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-06-02. Miġbur 2022-09-15.
  3. ^ Gómez-Centurión Jiménez, Carlos (2008). Exóticos pero útiles: los camellos reales de Aranjuez durante el siglo XVIII; (9): 155–180. ISSN 1576-7914.
  4. ^ "Jardin del Palacio de Aranjuez". www.gardenvisit.com. Miġbur 2022-09-15.
  5. ^ "Pictures of Spain, Royal Palace of Aranjuez". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)