Oażi ta' Al-Ahsa

reġjun storiku bl-oażi fil-Lvant tal-Arabja Sawdija

Al-Aḥsāʾ (bl-Għarbi: الْأَحْسَاء, al-ʾAhsā), magħruf ukoll għal al-Ḥasāʾ (الْحَسَاء) jew Hajar (هَجَر), hija oażi u reġjun storiku fil-Lvant tal-Arabja Sawdija. Il-Governorat ta' Al-Ahsa, li jirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-Provinċja tal-Lvant tal-pajjiż, għandu l-istess isem. L-oażi tinsab madwar ta' 60 km (37 mil) 'il ġewwa mill-kosta tal-Golf Persjan. L-Oażi ta' Al-Ahsa tinkludi erba' bliet prinċipali u 22 villaġġ. Il-bliet jinkludu Al-Mubarraz u Al-Hofuf, tnejn mill-ikbar bliet fl-Arabja Sawdija.[1]

Jabal Qara tinsab 16-il kilometru (9.9 mili) fil-Lvant tal-belt ta' Hofuf.

Deskrizzjoni

immodifika

B'erja ta' madwar 85.4 km2 (33.0 mil kwadru), l-Oażi ta' Al-Ahsa hija l-ikbar oażi fid-dinja. Parti kbira mill-oażi tinsab fil-Kwartier Vojt, magħruf ukoll bħala Rub' al Khali bl-Għarbi. Din tkopri kważi tliet kwarti mill-art fl-oażi, filwaqt li ż-żoni residenzjali jikkostitwixxu 18 %.

Hemm iktar minn 2.5 miljun siġra tal-palm, inkluż siġar tal-palm tat-tamal fl-oażi, alimentat minn akwifer enormi taħt l-art u misqi mill-fluss ta' iktar minn 280 fawwara mingħajr ħtieġa ta' ppompjar, li jippermettu l-agrikoltura tul is-sena kollha f'reġjun li fil-bqija huwa deżert bir-ramel.

L-oażi sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[2] Ilha wkoll parti min-Network tal-Bliet Kreattivi tal-UNESCO minn Diċembru 2015.[3] Skont awtur partikolari, l-oażi ta' Al-Ahsa u ta' Al Ain (fl-Emirati Għarab Magħquda, mal-fruntiera mal-Oman) huma l-iżjed importanti fil-Peniżola tal-Arabja.[4]

Etimoloġija

immodifika

Al-Ahsa hija l-plural ta' "Al-Ḥisā" (bl-Għarbi: ٱلْحِسَى) b'referenza għal pajsaġġ ta' ramel akkumulat b'saff impermeabbli taħtu. Meta tinżel ix-xita f'tali pajsaġġ, l-ilma jiskula mir-ramel (u b'hekk ma jevaporax) u jinżamm mis-saff impermeabbli, u jiffurmaw akwifer. Il-bjar imħaffrin fl-art imbagħad jistgħu jipprovdu aċċess għal fawwara bierda.

L-inħawi kienu jissejħu Pit-Ardashir (bis-Sirjan Klassiku: ܦܝܛܐܪܕܫܝܪ) mill-Assirjani u mill-Persjani.

 
Il-Moskea ta' Jawatha f'Al-Ahsa.

Storja tal-qedem

immodifika

L-Oażi ta' Al-Ahsa ġiet abitata minn żmien il-preistorja minħabba l-abbundanza tal-ilma f'reġjun li mill-bqija huwa aridu. Il-fawwariet naturali tal-ilma ħelu ilhom preżenti fl-oażi tar-reġjun għal millenji sħaħ, u dan ħeġġeġ l-insedjament uman u l-isforzi agrikoli (speċjalment il-kultivazzjoni tas-siġar tal-palm tat-tamal) mill-preistorja.

Ir-reġjun tal-oażi u speċifikament l-isem Hajar (jew Hagar jew Haǧar) jaf huwa marbut mat-toponimu tal-qedem tal-Lvant Qarib, Agarum, imsemmi fil-kitbiet imnaqqxa ta' Dilmun bħala d-dar oriġinali tad-divinità ewlenija tagħhom, Inzak. Jekk dan huwa l-każ, Agarum x'aktarx li kien jirreferi għall-art kontinentali tal-Arabja fuq in-naħa opposta tal-Bahrain. Skont din l-ipoteżi, iċ-ċivilizzazzjoni ta' Dilmun oriġinat fl-oażi tal-Lvant tal-Arabja, iżda iktar 'il quddiem rilokat lejn il-Bahrain. Madankollu, din l-interpretazzjoni ntlaqgħet bi kritika, u sorsi oħra jqiegħdu lil Agarum fil-gżejra ta' Failaka.

Żminijiet Iżlamiċi

immodifika

Il-Lvant tal-Arabja nħakem mill-Kaliffat ta' Rashidun emerġenti matul is-seklu 7. Iktar 'il quddiem l-oażi ntirtet mill-Umajjad u mill-Abbasidi. Fit-899 ir-reġjun safa taħt il-kontroll tal-mexxej Qarmatjan Abu Tahir al-Jannabi u ġie ddikjarat indipendenti mill-Kaliffat Abbasid ta' Bagdad. Il-belt kapitali kienet tinsab f'al-Mu'miniya qrib ir-raħal modern ta' Hofuf. Sal-ħabta tas-sena 1000, Al-Ahsa saret id-disa' l-ikbar belt fid-dinja b'saħansitra 100,000 abitant. Fl-1077, l-istat Qarmatjan ta' Al-Ahsa ġarrab telfa kontra l-Ujunidi. Al-Ahsa sussegwentement sfat taħt it-tmexxija tad-dinastija tal-Usfuridi, segwita mill-qrabat tagħhom, il-Ġabridi, li saru waħda mill-iżjed setgħat formidabbli fir-reġjun, u reġgħu ħadu l-kontroll tal-gżejjer tal-Bahrain mill-prinċpijiet ta' Hormuz. L-aħħar mexxej Ġabridi tal-Bahrain kien Muqrin ibn Zamil.

Fl-1521, l-Imperu Portugiż ikkonkwista l-Gżejjer Awal (il-gżejjer li jinkludu l-Bahrain attwali) mill-mexxej Ġabrid Muqrin ibn Zamil. Il-Ġabridi tħabtu biex iżommu l-pożizzjoni tagħhom fuq l-art kontinentali kontra l-Ottomani u l-alleati tribali tagħhom, il-Muntafiq. Fl-1550, Al-Ahsa u Qatif fil-qrib sfaw taħt is-sovranità tal-Imperu Ottoman bis-Sultan Suleiman I. Al-Ahsa nominalment kienet l-Eyalet ta' Lahsa fis-sistema amministrattiva Ottomana u normalment kienet vassall tas-Sublime Porte. Qatif iktar 'il quddiem intrebħet mill-Portugiżi. L-Ottomani tkeċċew minn Al-Ahsa fl-1670, u r-reġjun safa taħt il-kontroll tal-Emirat ta' Banu Khalid.

Al-Ahsa, flimkien ma' Qatif, ġiet inkorporata fl-Emirat Wahhabist ta' Diriyah fl-1795 iżda reġgħet sfat taħt il-kontroll Ottoman fl-1818 b'invażjoni ordnata minn Muhammad Ali tal-Eġittu. Il-Banu Khalid reġgħu laħqu mexxejja tar-reġjun, iżda fl-1830 l-Emirat ta' Nejd reġa' ħataf il-kontroll tar-reġjun.

It-tmexxija Ottomana diretta reġgħet ġiet stabbilita fl-1871, u Al-Ahsa l-ewwel tqiegħdet taħt il-Vilayet ta' Bagdad u mbagħad bis-suddiviżjoni ta' Bagdad, saret il-Vilayet ta' Basra fl-1875. Fl-1913, ibn Saud, il-fundatur tal-Arabja Sawdija moderna, annetta lil Al-Ahsa u lil Qatif fid-dominju tiegħu ta' Najd.

Indipendenza tal-Arabja Sawdija

immodifika

Fit-2 ta' Diċembru 1922, Percy Cox uffiċjalment innotifika lill-Emir Xejikk Ahmad Al-Sabah tal-Kuwajt li l-fruntieri ta' Kuwajt kienu ġew immodifikati. Iktar kmieni f'dik is-sena, il-Maġġur John More, ir-rappreżentant Brittaniku fil-Kuwajt, kien iltaqa' ma' Ibn Saud sabiex isolvi l-kwistjoni tal-fruntieri bejn il-Kuwajt u Najd. Ir-riżultat tal-laqgħa kien il-Protokoll ta' Uqair tal-1922, fejn ir-Renju Unit irrikonoxxa s-sovranità ta' ibn Saud fuq it-territorji tal-Emir tal-Kuwajt. Al-Ahsa ttieħdet mingħand l-Ottomani fl-1913, u u magħha l-kontroll tal-Golf Persjan min-naħa tal-Al Saud u tat-territorju li mbagħad saru r-riżervi enormi taż-żejt tal-Arabja Sawdija.

Ekonomija u infrastruttura

immodifika
 
L-oażi tas-siġar tal-palm.

Al-Ahsa hija parti mir-reġjun magħruf storikament għas-sengħa kbira tal-ħajjata, speċjalment il-produzzjoni tal-bisht, mantell tradizzjonali tal-irġiel. Al-Ahsa kienet waħda mill-ftit postijiet fil-Peniżola tal-Arabja fejn kien jitkabbar ir-ross. Fl-1938 ġew skoperti d-depożiti taż-żejt qrib Dammam, u b'hekk bdiet il-modernizzazzjoni rapida tar-reġjun. Sal-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, il-livelli tal-produzzjoni taż-żejt laħqu l-miljun barmil (160,000 m3) kuljum. Ilum il-ġurnata, Al-Ahsa tospita l-ikbar depożitu taż-żejt konvenzjonali fid-dinja, id-Depożiti ta' Ghawar.

Al-Ahsa hija magħrufa għas-siġar tal-palm u tat-tamal tagħha. Al-Ahsa fiha iktar minn 2.5 miljun siġra tal-palm li jipproduċu iktar minn 100,000 tunnellata ta' tamal fis-sena.

L-oażi kienet destinazzjoni turistika popolari fost iċ-ċittadini tal-Qatar, li spiss kienu jsuqu għal 100 mil u jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor biex iżuru l-attrazzjonijiet lokali, kif ukoll biex jagħmlu akkwisti vantaġġużi tal-ikel, tal-ħwawar u tal-ilbies fis-swieq ta' Al-Ahsa. Ir-rabtiet ekonomiċi ġew imfixkla b'mod serju minħabba l-kriżi diplomatika mal-Qatar, li wasslet għall-għeluq tal-fruntiera tal-art tal-Arabja Sawdija mal-Qatar. Madankollu, bir-riżoluzzjoni tal-kriżi u l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntiera fl-2021, it-turisti mill-Qatar gradwalment reġgħu bdew iżuru l-Oażi ta' Al-Ahsa; għalkemm f'ammonti iżgħar, bis-saħħa tal-awtosuffiċjenza mtejba tal-Qatar fir-rigward tal-merkanzija.

F'Settembru 2021 tlestiet triq bejn l-Oman u l-Arabja Sawdija, li tgħaddi mill-Kwartier Vojt. It-triq twila bejn 700 u 800 kilometru (430 u 500 mil), u hija estiża minn Al-Ahsa sar-raħal ta' Ibri fl-Oman. In-naħa tal-Oman tat-triq twila madwar 160 kilometru (99 mil), u n-naħa tal-Arabja Sawdija tat-triq twila 580 kilometru (360 mil).

Siti turistiċi

immodifika
 
Qasr Ibrahim, mibnija fl-1556.

12-il post ġew iddefiniti bħala Pajsaġġ Kulturali tal-Oażi ta' Al-Ahsa:

  1. l-Oażi tal-Lvant (الواحة الشرقية);
  2. l-Oażi tat-Tramuntana (الواحة الشمالية);
  3. As-Seef (السِيف);
  4. Suq Al-Qaysariyah (سوق القيصرية);
  5. Qasr Khuzam (قصر خزام);
  6. Qasr Sahood (قصر صاهود);
  7. Qasr Ibrahim (قصر إبراهيم);
  8. is-Sit Arkeoloġiku ta' Jawatha (موقع جواثا الأثري);
  9. il-Moskea ta' Jawatha (مسجد جواثا);
  10. il-villaġġ ta' Al-'Oyun (قرية العيون);
  11. is-Sit Arkeoloġiku ta' Ain Qannas (موقع عين قناص الأثري);
  12. il-Lag ta' Al-Asfar (بحيرة الأصفر).

Al-Ahsa għandha klima sħuna tad-deżert (BWh skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), bi sjuf twal u estremament sħan u bi xtiewi qosra u qalila ħafna. L-oażi tesperjenza preċipitazzjoni annwali baxxa ħafna ta' 83.3 mm (3.28 pulzieri), iżda jkollha ammont żgħir ta' xita fix-xitwa u fir-rebbiegħa.

Data klimatika għal Al-Ahsa (1985-2010)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 32.7

(90.9)

37.8

(100.0)

41.2

(106.2)

45.0

(113.0)

49.0

(120.2)

50.6

(123.1)

50.8

(123.4)

49.7

(121.5)

48.0

(118.4)

45.6

(114.1)

45.8

(114.4)

32.5

(90.5)

50.8

(123.4)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 21.2

(70.2)

24.2

(75.6)

28.9

(84.0)

35.1

(95.2)

41.5

(106.7)

44.4

(111.9)

45.7

(114.3)

45.4

(113.7)

42.3

(108.1)

37.6

(99.7)

29.9

(85.8)

23.4

(74.1)

35.0

(95.0)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 14.7

(58.5)

17.2

(63.0)

21.5

(70.7)

27.2

(81.0)

33.3

(91.9)

36.3

(97.3)

37.8

(100.0)

37.2

(99.0)

33.8

(92.8)

29.2

(84.6)

22.4

(72.3)

16.6

(61.9)

27.3

(81.1)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 8.5

(47.3)

10.6

(51.1)

14.3

(57.7)

19.6

(67.3)

24.9

(76.8)

27.6

(81.7)

29.4

(84.9)

28.9

(84.0)

25.3

(77.5)

21.1

(70.0)

15.6

(60.1)

10.5

(50.9)

19.7

(67.5)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −2.3

(27.9)

1.0

(33.8)

0.7

(33.3)

7.3

(45.1)

17.0

(62.6)

18.3

(64.9)

19.8

(67.6)

19.7

(67.5)

17.3

(63.1)

13.0

(55.4)

5.8

(42.4)

0.8

(33.4)

−2.3

(27.9)

Medja ta' xita f'mm (pulzieri) 15.0

(0.59)

11.6

(0.46)

16.2

(0.64)

10.7

(0.42)

2.1

(0.08)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.9

(0.04)

0.0

(0.0)

0.6

(0.02)

5.1

(0.20)

21.1

(0.83)

83.3

(3.28)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni 8.7 5.8 9.1 7.3 2.0 0.0 0.1 0.2 0.0 0.3 3.1 7.2 43.8
Umdità relattiva medja (%) 55 49 44 38 27 22 23 30 33 39 47 56 39
Sors: iċ-Ċentru Klimatiku Reġjonali ta' Jeddah.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

L-Oażi ta' Al-Ahsa, Pajsaġġ Kultarli li Qed Jevolvi, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "World population data". Mongabay. Miġbur 2023-11-23.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Al-Ahsa Oasis, an Evolving Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-23.
  3. ^ "Al-Ahsa enters UNESCO Creative Cities Network". Arab News (bl-Ingliż). 2015-12-13. Miġbur 2023-11-23.
  4. ^ Marshall Cavendish (2007). "Geography and climate". World and Its Peoples. Vol. 1. Cavendish Square Publishing. pp. 8-19. ISBN 978-0-7614-7571-2.
  5. ^ "Klima". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-12.