Nicolas-Claude Fabri de Peiresc
Nicolas-Claude Fabri de Peiresc (twieled fl-1 ta’ Diċembru 1580 – miet fl-24 ta’ Ġunju 1637), spiss magħruf sempliċement bħala Peiresc, jew bil-forma Latina ta’ ismu Peirescius, kien astronomu, antikwarju u għaref Franċiż, li kellu korrispondenza wiesgħa max-xjenzati, u kien organizzatur ta’ suċċess tal-istħarriġ xjentifiku. Ir-riċerka tiegħu kienet tinkludi d-determinazzjoni tad-differenza fil-lonġitudni ta’ diversi postijiet fl-Ewropa, madwar il-Mediterran, u fit-Tramuntana tal-Afrika.
Nicolas-Claude Fabri de Peiresc | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Belgentier, 1 Diċembru 1580 |
Nazzjonalità | Renju ta' Franza |
Mewt | Aix-en-Provence, 24 Ġunju 1637 |
Post tad-dfin | Katridral ta’ Saint Sauveur |
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Università ta’ Montpellier Università ta’ Padova |
Livell tal-edukazzjoni | Dottorat fil-Liġi |
Lingwi |
Franċiż Latin |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
astronomu arkeologu filosofu botaniku numismatiku naturalista kollezzjonista tal-arti |
Influwenzat minn | Cornelis Drebbel |
Sħubija | Accademia degli Umoristi (en) |
Ħajja bikrija
immodifikaMissier Peiresc kien maġistrat għoli u kirurgu fi Provence minn familja nobbli sinjura, li flimkien ma’ martu ħarab minn raħal twelidu ta’ Aix-en-Provence biex jevita l-pesta li kienet faqqgħet hemmhekk, u mar joqgħod f’Belgentier f’Var. Peiresc twieled f’Belgentier u rċieva l-edukazzjoni tiegħu f’Aix-en-Provence, f’Avignon, u fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Tournon. F’Toulon, Peiresc sar interessat fl-astronomija. Hu u jistudja l-liġi, filwaqt li rawwem interess fl-arkeoloġija, huwa vvjaġġa lejn l-Italja, l-Iżvizzera u Franza fl-1599, u finalment temm l-istudji legali tiegħu fl-1604 fl-Università ta’ Montpellier. Kien ukoll fl-1604 li beda jissejjaħ bl-isem ta’ Peiresc wara biċċa proprjetà f’Alpes-de-Haute-Provence (issa spellut Peyresq) li kien wiret mingħand missieru, għalkemm hu stess qatt ma żar dik il-proprjetà.
Wara li ngħata l-lawrija tiegħu, huwa vvjaġġa lejn Pariġi (fl-1605-1606, flimkien mal-patrun tiegħu Guillaume du Vair, il-President tal-Parlament ta’ Provence), Londra u l-Fjandri qabel ma reġa’ lura lejn Aix-en-Provence fl-1607 biex jieħu post zijuh bħala conseiller fil-Parlament ta’ Provence taħt du Vair u żamm din il-kariga sal-1615.
Intellettwali u kollezzjonista
immodifikaMill-1615 sal-1622, Peiresc reġa’ żar Pariġi ma’ du Vair. Imbagħad huwa rritorna lejn Provence biex jaqdi r-rwol tiegħu bħala senatur tal-qorti sovrana. Huwa sar patrun tax-xjenza u tal-arti, studja l-fossili, u appoġġa lill-astronomu Pierre Gassendi mill-1634 sal-1637. Virginio Cesarini pproponieh għal sħubija bħala membru tal-Accademia dei Lincei fl-1621, iżda mhux ċert jekk sarx membru jew le.
Il-pożizzjoni ta’ Peiresc bħala intellettwali kbir fi żmien ir-rivoluzzjoni xjentifika wasslet biex jissejjaħ “Prinċep tar-Repubblika tal-Ittri”. Huwa kien ukoll politiku notevoli fir-reġjun tiegħu, u kittieb akkanit tal-ittri (10,000 ittra mill-ittri li kiteb waslu sa żminijietna), u kien f’korrispondenza kostanti ma’ François de Malherbe, ma’ Hugo Grotius, mal-aħwa Dupuy, ma’ Alphonse-Louis du Plessis de Richelieu, u mal-ħabib kbir tiegħu Rubens. Il-korrispondenza tiegħu ma’ Malherbe tixħet dawl fuq il-personalità ta’ iben Malherbe, Marc-Antoine Malherbe.
Peiresc sar wieħed mill-ewwel ammiraturi u segwaċi ta’ Caravaggio fi Franza. Huwa skopra x-xogħlijiet ta’ Caravaggio għall-ewwel darba fil-kappella ta’ Contarelli f’Ruma fl-1600 meta kellu 20 sena biss.[1] F’raħal twelidu, huwa rawwem madwaru qisu “studjo ta’ artisti tan-Nofsinhar ta’ Franza b’influwenza minn Caravaggio”, fosthom l-artist Fjamming Louis Finson, Martin Hermann Faber, Trophime Bigot u pitturi oħra.[2] Huwa ppromwova l-istil ta’ Caravaggio billi organizza kummissjonijiet għal dawn l-artisti. Huwa kien strumentali biex jikseb għadd ta’ kummissjonijiet għal Finson, inkluż għal pitturi u ritratti storiċi. Finson pitter ukoll ritratt ta’ de Peyresc. Peiresc kien kollezzjonista akkanit tal-arti u serraħ fuq il-kuntatti ta’ Finson fl-Italja biex jakkwista żewġ xogħlijiet ta’ Caravaggio mill-familja Pasqualini f’Ruma.[3]
Id-dar ta’ Peiresc f’Aix-en-Provence kienet tassew qisha mużew, u kellha taħlita ta’ skulturi antiki, pitturi moderni, midalji, kotba u ġonna bi pjanti eżotiċi. Huwa akkwista l-avorju Biżantin ta’ Barberini (mhuwiex magħruf kif jew mingħand min) u offrieh lil Francesco Barberini: din l-opra tal-arti issa tinsab fil-Louvre. Huwa kellu l-Codex Luxemburgensis, il-kopja Karolinġja eżistenti tal-Kronografija tat-354, fil-pussess tiegħu għal bosta snin; u wara mewtu għebet. Huwa kellu iżjed minn 18,000 munita u midalja, u kien ukoll arkeologu, artist dilettant, storiku (wera li l-invażjoni tar-Renju Unit minn Ġulju Ċesri saret mhux minn Calais iżda minn Saint Omer), Eġittologu, botaniku, żooloġista (studja l-kamaleonti, il-kukkudrilli, l-iljunfanti u l-alżaron, tip ta’ gazzella Nubjana b’ras qisha ta’ barri, li issa hija estinta), fiżjologu, ġeografu (wettaq il-proġett li jikkollega lil Aix-en-Provence ma’ Marsilja), u ekologu.
Astronomija
immodifikaPeiresc kien ukoll astronomu. Fl-1610 du Vair xtara teleskopju, li Peiresc u Joseph Gaultier użaw għall-osservazzjoni tas-smewwiet, inkluż il-qmura ta’ Ġove; is-suġġeriment tiegħu biex l-ismijiet individwali mill-familja Medici jiġu applikati lill-“kwiekeb tal-Medici” ma ntlaqax.[4] Peiresc għamel osservazzjonijiet dettaljati wkoll tan-Nebula li jisimha Orion fl-1610; Gaultier sar it-tieni persuna li raha fit-teleskopju. Sabiex jiddetermina l-lonġitudni b’iktar preċiżjoni, huwa kkoordina l-osservazzjoni tal-eklissi lunari tat-28 ta’ Awwissu 1635 tul il-Mediterran; b’hekk seta’ jikkalkula li l-Baħar Mediterran kien fil-fatt 1,000 kilometru iqsar milli kien maħsub qabel. Peiresc kiteb ukoll ittri lil Galileo, Pierre Gassendi u Tommaso Campanella, u ddefenda lil tnejn minnhom meta ġew arrestati mill-Inkwiżizzjoni.
L-aħħar snin
immodifikaPeiresc kiteb “l-istorja mqassra ta’ Provence”, iżda miet qabel l-editjar: il-pubblikazzjoni seħħet biss fl-1982 (bl-editjar ta’ Jacques Ferrier u Michel Feuillas). Bl-appoġġ ta’ Gassendi, speċjalment dak finanzjarju, hu u l-inċiżur Claude Mellan bdew jipproduċu mappa tas-superfiċe tal-Qamar, iżda Peiresc laħaq miet qabel ma ġiet ikkompletata.
Peiresc miet fl-24 ta’ Ġunju 1637 f’Aix-en-Provence.
Xogħlijiet
immodifikaFost ix-xogħlijiet ta’ Peiresc hemm:
- Histoire abrégée de Provence
- Lettres à Malherbe (1606–1628)
- Traitez des droits et des libertés de l'Eglise gallicane (1639)
- Vita Peireskii (1641)
- Mémoires
- Bulletin Rubens
- Notes inédites de Peiresc sur quelques points d'histoire naturelle
Legat
immodifikaFaċċata tal-Katidral ta’ Saint Sauveur hemm bust tal-bronż ta’ Peiresc, eżattament fil-pjazza tal-università f’Aix-en-Provence. Daru ħdejn il-palazz tal-ġustizzja twaqqgħet biex inbena l-palazz stess li għadu hemm sa llum.
Il-mużew tal-villaġġ f’Peyresq ħdejn Digne-les-Bains huwa ddedikat kollu għax-xogħlijiet tiegħu.
Peiresc ingħata ġieħ fl-1935 billi l-krater lunari f’46.5S, 67.6E, b’dijametru ta’ 61 kilometru, ingħata l-isem ta’ Peirescius; u fl-1993 l-asterojde 19226 ingħatat l-isem ta’ Peiresc.
Referenzi
immodifika- ^ Dossier de Presse, Les caravages de Peiresc, Conférence de Presse Organisée par la mairie de Cavaillon et l’association des amis de l’Hôtel d’Agar
- ^ Olivier Morand, Le Finson de Toulouse, 2019
- ^ Paul Smeets (editor) , Louis Finson, The four elements: The four elements Responsibility; R. Smeets, c. 2007
- ^ "Satellites of Jupiter - The Galileo Project".