New Lanark

villaġġ fin-Nofsinhar ta' Lanarkshire, l-Iskozja, ir-Renju Unit

New Lanark huwa villaġġ max-xmara Clyde, madwar 2.2 kilometri (1.4 mil) minn Lanark, f'Lanarkshire, u xi 40 km (25 mil) fix-Xlokk ta' Glasgow, l-Iskozja. Ġie stabbilit fl-1785 u nfetaħ fl-1786 minn David Dale, li bena l-fabbriki tal-qoton u l-abitazzjonijiet għall-ħaddiema tal-fabbriki. Dale bena l-fabbriki hemmhekk f'partenarjat qasir mal-inventur u l-imprenditur Ingliż Richard Arkwright biex jieħu vantaġġ mis-saħħa tal-ilma pprovduta mill-uniċi kaskati tax-xmara Clyde. Taħt is-sjieda ta' partenarjat li kien jinkludi lill-iben tar-rispett ta' Dale, Robert Owen, soċjalist u filantropu utopiku minn Wales, New Lanark sar negozju ta' suċċess u eżempju bikri ta' insedjament ippjanat, u b'hekk stadju importanti fl-iżvilupp storiku tal-ippjanar urban.[1]

Veduta tal-binjiet ta' New Lanark u tax-xmara Clyde.

Il-fabbriki ta' New Lanark baqgħu joperaw sal-1968. Wara perjodu ta' deklin, in-New Lanark Conservation Trust (NLCT) ġiet stabbilita fl-1974 (issa magħrufa bħala n-New Lanark Trust (NLT)) sabiex tipprevjeni t-twaqqigħ u l-qerda tal-villaġġ. Sal-2006 il-biċċa l-kbira tal-binjiet ġew irrestawrati u l-villaġġ sar attrazzjoni turistika maġġuri. New Lanark huwa wieħed minn sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iskozja u huwa wieħed mill-Punti Ewlenin tul ir-Rotta Ewropea tal-Wirt Industrijali (ERIH).[2][3]

Storja immodifika

 
It-telqa ta' New Lanark fl-1983.

Il-fabbriki tal-qoton ta' New Lanark ġew stabbiliti fl-1786 minn David Dale f'partenarjat qasir ma' Richard Arkwright. Dale kien wieħed min-nobbli tal-belt ta' Glasgow li, bħall-biċċa l-kbira tan-nies nobbli ta' dak iż-żmien, kellu residenza tas-sajf, proprjetà f'Rosebank, Cambuslang, mhux wisq 'il bogħod mill-Kaskati ta' Clyde, li ġew impittrin minn J. M. W. Turner u bosta artisti oħra. Il-fabbriki kienu jużaw il-makkinarju idroelettriku tal-għażil tal-qoton li kien għadu kemm ġie żviluppat u vvintat minn Richard Arkwright. Dale bigħ il-fabbriki, l-artijiet u l-villaġġ fil-bidu tas-seklu 19 għal £60,000, li kellhom jitħallsu fuq 20 sena, lil partenarjat li kien jinkludi lil ibnu tar-rispett Robert Owen. Owen, li sar il-maniġer tal-fabbrika fl-1800, kien industrijalista li baqa' jħaddan l-istess approċċ filantropiku ta' missieru tar-rispett għax-xogħol industrijali u li sussegwentement sar riformista soċjali influwenti. New Lanark, bil-programmi soċjali u tal-benesseri tiegħu, kien l-epitoma tas-soċjaliżmu utopiku tiegħu mlaqqam saħansitra Oweniżmu.[4] Il-villaġġ u l-fabbriki huma storikament importanti permezz tar-rabta tagħhom mal-ideat ta' Owen, iżda anke minħabba r-rwol tagħhom fl-iżvilupp tar-rivoluzzjoni industrijali fir-Renju Unit u l-importanza tagħhom fl-istorja tal-ippjanar urban.[5][6]

Il-fabbriki ta' New Lanark kienu jiddependu fuq il-qawwa tal-ilma. Max-xmara Clyde nbniet diga 'l fuq minn New Lanark u l-ilma ġie ddevjat mix-xmara biex jitħaddem il-makkinarju tal-fabbrika. L-ilma l-ewwel kien jgħaddi minn mina, imbagħad minn kanal fil-beraħ. Imbagħad kien jgħaddi minn għadd ta' swieni f'kull binja tal-fabbrika. Din is-sistema baqgħet operattiva sal-1929 meta l-aħħar sienja ġiet sostitwita b'turbina tal-ilma. L-enerġija idroelettrika għadha tintuża f'New Lanark. Turbina ġdida tal-ilma ġiet installata fil-Fabbrika Nru 3 biex tipprovdi l-elettriku għaż-żoni turistiċi tal-villaġġ.

Fi żmien Owen, f'New Lanark kienu jgħixu xi 2,500 ruħ, ħafna minnhom mill-abitazzjonijiet tal-foqra ta' Glasgow u ta' Edinburgu. Għalkemm ma kinux bil-bosta fost l-agħar tal-fabbriki, bħala kundizzjonijiet tax-xogħol, Owen kien tal-fejma li l-kundizzjonijiet ma kinux sodisfaċenti u għamel ħiltu biex itejjeb is-sezzjoni tal-ħaddiema. Huwa ta attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-500 tifel u tifla li kienu jgħixu fil-villaġġ (waħda mill-binjiet fil-fatt jisimha Binja tal-Iskola tan-Nuna) u kienu jaħdmu fil-fabbriki, u fetaħ l-ewwel skola tan-nuna fir-Renju Unit fl-1817, għalkemm fis-sena ta' qabel kien lesta wkoll l-Istitut għall-Formazzjoni tal-Karattru.[7]

Il-fabbriki stagħnaw kummerċjalment, iżda s-sħab ta' Owen ma kinux kuntenti bl-ispejjeż żejda tal-programmi tal-benesseri tiegħu. Madankollu, ladarba ma kienx lest li jħalli l-fabbriki jerġgħu lura għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imgħoddi, Owen xtara sehem is-sħab tiegħu. Fl-1813 il-Bord ordna li jsir irkant, bit-tama li l-villaġġ u l-fabbriki jinkisbu bi prezz baxx, iżda Owen u bord ġdid (li kien jinkludu lill-ekonomista Jeremy Bentham) li kien jissimpatizza mal-ideat ta' riformi tiegħu rebħu l-irkant.

New Lanark sar magħruf mal-Ewropa kollha, u bosta statisti, riformisti u nies irjali żaru l-fabbriki. Dawn baqgħu mistagħġbin li l-ambjent industrijali kien wieħed nadif u san u l-forza tax-xogħol kienet kuntenta u vibranti, filwaqt li n-negozju kien għaddej ġmielu. Il-filosofija ta' Owen kienet tmur kontra l-ħsieb kontemporanju, iżda rnexxielu juri li impriża industrijali ma kellhiex għalfejn tittratta lill-ħaddiema tagħha ħażin biex tagħmel il-qligħ. Owen irnexxielu juri l-abitazzjonijiet u l-faċilitajiet eċċellenti lill-viżitaturi, kif ukoll il-kontijiet biex jurihom il-profittabbiltà tal-fabbriki.

Minbarra r-rabtiet tagħhom mar-riformi, mas-soċjaliżmu u mal-benesseri, il-fabbriki huma rappreżentattivi wkoll tar-Rivoluzzjoni Industrijali li seħħet fir-Renju Unit fis-sekli 18 u 19 u li fundamentalment kellha effetti dinjin. L-ippjanar tal-impjiegi fil-fabbriki flimkien mal-abitazzjonijiet fil-qrib għall-ħaddiema u servizzi bħal skola, wassal biex l-insedjament kien ikoniku fl-iżvilupp tal-ippjanar urban fir-Renju Unit.

Fl-1825, il-kontroll ta' New Lanark għadda għand il-familja Walker meta Owen telaq mir-Renju Unit biex jibda l-insedjament ta' New Harmony fl-Istati Uniti. Il-familja Walker amministrat il-villaġġ sal-1881, meta nbigħ lil Birkmyre and Sommerville u lil Gourock Ropeworks (għalkemm kienu ppruvaw mingħajr ma rnexxielhom ibigħu l-fabbriki u l-villaġġ fl-1851). Huma l-kumpaniji suċċessuri tagħhom baqgħu fit-tmun sal-għeluq tal-fabbriki fl-1968.

 
It-Triq Rosedale bir-Ringiela t-Twila fuq ix-xellug, ir-Ringiela Doppja fuq il-lemin u r-Ringiela ż-Żgħira fin-nofs lejn il-lemin.

Il-villaġġ u l-attività industrijali kienu ilhom li qabdu t-triq tan-niżla minn qabel dak iż-żmien, iżda wara l-għeluq tal-fabbriki, il-migrazzjoni mill-villaġġ aċċellerat, u l-binjiet bdew jiddeterjoraw. Iż-żewġ sulari ta' fuq tal-Fabbrika Nru 1 tneħħew fl-1945 iżda l-binja minn dak iż-żmien 'l hawn ġiet irrestawrata u issa saret il-lukanda magħrufa bħala New Lanark Mill Hotel. Fl-1963 l-Assoċjazzjoni ta' New Lanark (NLA) ġiet iffurmata bħala assoċjazzjoni tal-abitazzjonijiet u bdiet bir-restawr tar-Ringiela ta' Caithness u bil-Binja tal-Iskola tan-Nuna. Fl-1970 il-fabbriki, binjiet industrijali oħra u djar użati minn Dale u Owen inbigħu lil Metal Extractions Limited, kumpanija tar-ruttam tal-metall. Fl-1974 l-NLCT (issa l-NLT) ġiet stabbilita għall-prevenzjoni tal-qerda tal-villaġġ. Ordni ta' xiri obbligatorju ntużat fl-1983 sabiex il-fabbriki u binjiet oħra jittieħdu mingħand Metal Extractions Ltd wara li kien inħareġ avviż għat-tiswijiet fl-1979. Dan għaliex il-qagħda tal-binjiet kienet waħda imwiegħra minkejja li fl-1971 kienu ġew elenkati bħala binjiet storiċi u bil-liġi kellhom jiġu ppreservati.[8] Illum il-ġurnata jiġu amministrati mill-NLT, jew direttament permezz tat-Trust jew permezz ta' kumpaniji b'sjieda sħiħa (New Lanark Trading Ltd, New Lanark Hotel Ltd u New Lanark Homes). Sal-2005 il-biċċa l-kbira tal-binjiet kienu ġew irrestawrati u l-villaġġ sar attrazzjoni turistika ewlenija.

Kundizzjonijiet tal-għajxien immodifika

 
Id-Dar ta' Robert Owen.

F'nofs is-seklu 19, familja sħiħa kienet tgħix f'kamra waħda. Wieħed jista' jkollu idea aħjar tal-kundizzjonijiet tal-għajxien billi jżur ir-rikostruzzjoni tad-Dar tal-Ħaddiema tal-Fabbriki f'New Lanark jew fiċ-Ċentru ta' David Livingstone f'Blantyre.

David Dale, li stabbilixxa l-villaġġ u l-fabbriki ta' New Lanark, kien involut fil-fabbriki ta' Blantyre. F'Blantyre għadha teżisti ringiela waħda ta' binjiet li issa ġiet ikkonvertita f'mużew. Dan huwa ddedikat l-iktar lil David Livingstone, li twieled hemm fl-1813. Iż-żewġ eżempji jinkludu rikostruzzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-għajxien f'kamra waħda dak iż-żmien f'New Lanark, bis-sodod żgħar għat-tfal bħalma kien uża Livingstone. Iċ-Ċentru ta' David Livingstone jinsab 18-il mil bit-triq minn New Lanark, bejn Glasgow u Hamilton.

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-villaġġ tjiebu gradwalment, u sal-bidu tas-seklu 20 il-familji bdew jużaw diversi kmamar minflok kamra waħda. Qabel l-1933 id-djar ma kellhomx ilma kiesaħ fuq ġewwa u t-tojliet kienu komunali fuq barra.

Mill-1938 is-sidien tal-villaġġ ipprovdew elettriku b'xejn lid-djar kollha f'New Lanark, għalkemm kien biżżejjed għal bozza waħda mhux qawwija f'kull kamra. L-elettriku kien jintefa fl-10 ta' filgħaxija mill-Ħadd sal-Ġimgħa, u fil-11 ta' filgħaxija nhar ta' Sibt. Fl-1955 New Lanark ġie kkollegat mal-Grilja Nazzjonali.[9]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-iScottish Wildlife Trust għar-riżerva naturali tal-Kaskati ta' Clyde nature reserve.

Ġie stmat li iktar minn 400,000 ruħ iżuru l-villaġġ kull sena. L-importanza ta' New Lanark ġiet rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wieħed minn sitt Siti ta' Wirt Dinji; l-oħrajn huma Edinburgu[10], is-Siti Neolitiċi fil-Qalba ta' Orkney[11], Saint Kilda[12], il-Fruntieri tal-Imperu Ruman[13] u l-Pont ta' Forth[14]. Il-fabbriki u l-villaġġ ta' New Lanark ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001 wara applikazzjoni li ma kellhiex suċċess fl-1986.[3][15]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

New Lanark fil-preżent immodifika

Attwalment madwar 130 ruħ jgħixu f'New Lanark. Mill-binjiet residenzjali, ir-Ringiela ta' Mantilla biss ma ġietx irrestawrata. Ftit mix-xogħol ta' restawr sar mill-NLA u mill-NLCT. Ir-Ringiela ta' Braxfield u l-biċċa l-kbira tar-Ringiela t-Twila ġew irrestawrati minn individwi privati li xtraw id-djar fi stat mitluq ta' ġebel u saqaf u rrestawrhom bħala djar privati. Il-faċċati ta' sebat idjar fir-Ringiela Doppja ġew irrestawrati mill-NLCT u qed jinbiegħu għal sjieda privata. Minbarra l-21 proprjetà ta' xi sidien, fil-villaġġ hemm 45 proprjetà mikrija mill-NLA, li kienet irreġistrata bħala assoċjazzjoni tal-abitazzjonijiet. L-NLA kellha s-sjieda wkoll ta' binjiet oħra fil-villaġġ. Fl-2009 l-NLA ma baqgħetx teżisti peress li tqies li ma kinitx vijabbli finanzjarjament u amministrattivament, u r-responsabbiltà tal-proprjetajiet mikrija għaddiet għand l-NLCT.

Fl-2009 il-Bank ta' Clydesdale ħareġ serje ġdida ta' karti tal-flus Skoċċiżi, u fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus ta' 20 sterlina jidher New Lanark.

Ingħatat attenzjoni konsiderevoli għaż-żamma tal-awtentiċità storika tal-villaġġ. Fil-villaġġ mhumiex permessi antenni tat-televiżjoni jew satelliti, u s-servizzi tat-telefon, tat-televiżjoni u tal-elettriku jitwasslu permezz ta' kejbils taħt l-art. Sabiex il-lavur tal-injam fuq barra jingħata dehra konsistenti ġie miżbugħ bl-abjad, u l-bibien u t-twieqi għandhom disinn konsistenti wkoll. Is-sidien tad-djar fl-imgħoddi ma kinux jitħallew ikollhom klieb bħala annimali domestiċi, iżda din ir-regola ma għadhiex tiġi infurzata.

Xi karatteristiċi introdotti mill-NLT, bħat-tabelli kummerċjali u pont tal-ħġieġ li jikkollega l-Kamra tal-Magni u l-Fabbrika Nru 3, ġew ikkritikati. Iż-żamma tal-kabina tat-telefon ħamra bid-disinn tal-1924 fil-pjazza tal-villaġġ tqieset ukoll bħala għażla mhux xierqa.

Il-fabbriki, il-lukanda u l-biċċa l-kbira tal-binjiet mhux residenzjali fil-villaġġ huma proprjetà tal-NLT u jiġu amministrati minnha permezz ta' kumpaniji bi sjieda sħiħa.

Mappa storika immodifika

Mappa ta' Stħarriġ ta' Ordinanza tal-1911 hija maħżuna fil-Librerija Nazzjonali tal-Iskozja.[16][17]

Binjiet immodifika

  • Ir-Ringiela ta' Braxfield, li nbniet għall-ħabta tal-1790 – blokka residenzjali kkonvertita f'għaxart idjar ta' sjieda; disa' minnhom fihom erba' sulari u waħda fiha ħames sulari.
  • Ir-Ringiela Twila, li nbniet għall-ħabta tal-1790 – blokka residenzjali kkonvertita f'erbatax-il dar bi tliet sulari. Għaxra minnhom huma ta' sjieda u erba' minnhom huma mikrija.
  • Ir-Ringiela Doppja, li nbniet għall-ħabta tal-1795 – blokka residenzjali ta' sebat idjar b'erba' sulari u waħda b'ħames sulari li kienu okkupati mis-snin 90 tas-seklu 18 sas-snin 70 tas-seklu 19. Oriġinarjament kienet magħmula minn appartamenti fejn xulxin. In-naħa li tħares lejn ix-xmara kienet magħrufa wkoll bħala r-Ringiela ta' fejn l-Ilma. Sebat idjar ġew rinnovati minn barra biex jinbigħu bħala djar ta' sjieda. Id-dar Nru 7 hija magħrufa bħala "Museum Stair" u ġiet iddeżinjata bħala Monument Skedat, minħabba l-fdal notevoli ta' artefatti oriġinali u materjali bħall-fuklari, sinkijiet, sodod fissi u fdalijiet tal-wallpaper u tal-linolju.
  • Ir-Ringiela ta' Mantilla, li nbniet għall-ħabta tal-1795 – blokka residenzjali li twaqqħet meta strutturalment saret perikoluża. Ġew stabbiliti pedamenti ġodda u nbnew mill-ġdid uħud mill-ħitan, iżda r-ringiela ma nbnietx kollha mill-ġdid.
  • Ir-Ringiela ż-Żgħira, li nbniet għall-ħabta tal-1795 – blokka residenzjali kkonvertita f'hostel taż-żgħażagħ fl-1994. Fl-imgħoddi kienet amministrata mill-Assoċjazzjoni Skoċċiża tal-Hostels taż-Żgħażagħ iżda issa hija ġestita min-New Lanark Mill Hotel. Attwalment hija magħluqa u trid tinbigħ.
  • Il-Binjiet Ġodda, li nbnew fl-1798 – blokka ta' erba' sulari b'kampnar. Il-qanpiena, li fl-imgħoddi kienet tintuża biex issejjaħ lill-ħaddiema biex imorru fil-fabbriki, issa tindaqq f'nofsillejl fl-aħħar jum tas-sena. Il-blokka fiha mużew u appartamenti residenzjali.
  • Il-Binja tal-Iskola tan-Nuna, li nbniet fl-1809 – binja ta' tliet sulari li ġiet ikkonvertita f'appartamenti residenzjali. Fl-imgħoddi ntużat bħala orfanotrofju għat-tfal iltiema li kienu jaħdmu fil-fabbriki.
  • Ir-Ringiela ta' Caithness, li nbniet fl-1792 – blokk residenzjali ta' tliet sulari li ġiet ikkonvertita f'appartamenti residenzjali. Caithness huwa distrett fil-Highlands Skoċċiżi u r-ringiela jingħad li ssemmiet għal grupp ta' ħaddiema tal-fabbriki li kienu mill-Highlands Skoċċiżi.
  • Il-Knisja tal-Villaġġ, li nbniet fl-1898 – li issa tintuża għal skopijiet soċjali u saret magħrufa bħala s-Sala Komunitarja. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-binja ġiet mitluqa u saret strutturalment perikoluża.[18]
  • Il-Fabbrika Nru 1, li nbniet fl-1789 – oriġinarjament inbniet fl-1785 u l-għażil beda f'Marzu 1786. Fid-9 ta' Ottubru 1788 inħarqet u ġiet rikostruwita fl-1789. Fl-1802 il-fabbrika kellha tliet swieni b'6,665 imgħażel. Fl-1811, 558 ruħ, 408 minnhom nisa, kienu jaħdmu fil-fabbrika. Fl-1945 tneħħew iż-żewġ sulari ta' fuq. Il-binja ġiet rinnovata bħala n-New Lanark Mill Hotel, lukanda li nfetħet fl-1998.
  • Id-Djar fejn l-Ilma, li nbnew għall-ħabta tal-1799-1818 – ringiela ta' binjiet ta' sular jew ta' żewġ sulari maġenb il-Fabbrika Nru 1, li ġiet ikkonvertita f'appartamenti tal-vaganzi.
  • Il-Fabbrika Nru 2, li nbniet fl-1788 – fl-1811 kellha tliet swieni u kienet timpjega 486 ruħ, 283 minnhom nisa. Twessgħet fl-1884-1885 biex takkomoda l-makkinarju tal-għażil. L-estensjoni hija l-unika binja b'faċċata tal-brikks fil-villaġġ. Issa tintuża għal skopijiet turistiċi.
  • Il-Fabbrika Nru 3, li nbniet fl-1790-1792 – magħrufa bħala l-"jeanies house" u kien fiha għadd kbir ta' jennies imħaddma bl-ilma. Fl-1819 ħadet in-nar u ġiet rikostruwita għall-ħabta tal-1826-1833. Fl-1811 kienet timpjega 398 ruħ, 286 minnhom nisa. Issa tintuża għal skopijiet turistiċi. Fiha wkoll turbina tal-ilma li tiġġenera l-elettriku għal partijiet mill-villaġġ.
  • Il-Fabbrika Nru 4, li nbniet għall-ħabta tal-1791-1793 – inizjalment kienet tintuża bħala maħżen u studjo tax-xogħol. Kienet tospita 275 tifel u tifel iltiema. Il-binja nqerdet bin-nar mill-1883 u ma ġietx rikostruwita. Fl-1990 inġabet sienja mill-Hole Mill Farm, Fife, u ġiet installata fis-sit tal-fabbrika.
  • L-Istitut għall-Formazzjoni tal-Karattru, li nbena fl-1816 – binja ta' erba' sulari li issa tintuża għal skopijiet ta' turiżmu u ta' negozju.
  • Il-Kamra tal-Magni, li nbniet fl-1881 – maġenb l-Istitut tal-Formazzjoni tal-Karattru; fiha magna restawrata li taħdem bl-istim.
  • L-Iskola, li nbniet fl-1817 – binja ta' tliet sulari li issa tintuża bħala mużew. Fl-imgħoddi kienet tospita l-ewwel skola għat-tfal tal-klassi tal-ħaddiema fl-Iskozja.
  • L-Istudjo tax-Xogħol tal-Mekkaniċi, li nbena fl-1809 – binja ta' tliet sulari li fl-imgħoddi kienet tospita lill-artiġjani li bnew u ħadu ħsieb il-manutenzjoni tal-makkinarju tal-fabbriki.
  • L-Impjant tal-Għoti tal-Kulur – oriġinarjament kien fonderija tar-ram isfar u tal-ħadid bis-sienja tagħha stess. Issa l-binja fiha ħwienet u ċentru tal-viżitaturi.
  • L-Impjant tal-Gass b'ċumnija ottagonali, li nbena fl-1851 – jintuża bħala maħżen.
  • Id-Dar ta' Owen, li nbniet fl-1790 – tintuża bħala mużew.
  • Id-Dar ta' Dale, li nbniet fl-1790 – tintuża bħala stabbiliment tan-negozju.
  • Il-Kanal fil-Beraħ – imħaffer biex l-ilma jgħaddi mix-xmara Clyde għat-tħaddim tal-makkinarju tal-fabbriki.
  • Iċ-Ċimiterju – fuq l-għolja 'l fuq minn New Lanark, bejn il-villaġġ u l-parkeġġ tal-karozzi tal-viżitaturi. Ħafna mill-ewwel ċittadini tal-villaġġ ġew midfuna hemmhekk.
  • Nri 1 u 2 fit-Triq ta' New Lanark (magħrufa lokalment bħala djar tewmin) – żewġt idjar ta' żewġ sulari faċċata ta' xulxin ftit 'il bogħod mill-villaġġ. Dawn kienu jimmarkaw id-daħla ta' New Lanark. Issa għandhom sjieda privata.

Żjara f'New Lanark immodifika

Hemm parkeġġ kbir b'xejn għall-karozzi fil-periferija tal-villaġġ. Il-viżitaturi diżabbli biss jistgħu jipparkjaw fil-villaġġ. Il-mixja mill-parkeġġ tal-karozzi 'l isfel lejn il-villaġġ u l-fabbriki toffri veduta panoramika mill-isbaħ. Hemm servizz tal-karozza tal-linja (Nru 135) mill-venda tal-karozza tal-linja ta' Lanark. L-istazzjon ferrovjarju għandu servizz minn Glasgow kull nofs siegħa. New Lanark jinsab ftit iktar minn mil mill-istazzjon ferrovjarju u l-venda tal-karozza tal-linja ta' Lanark. Il-mixja hija prinċipalment 'l isfel u hemm sistema tajba ta' tabelli bl-informazzjoni.[19]

Fil-villaġġ hemm lukanda b'erba' stilel, in-New Lanark Mill Hotel, appartamenti għall-vaganzi (id-djar fejn l-ilma], u r-Ringiela ż-Żgħira fejn hemm akkomodazzjoni tat-tip ta' hostel. Fil-villaġġ hemm ristoranti u ħwienet, kif ukoll ċentru tal-viżitaturi. Kollha huma proprjetà tan-New Lanark Conservation Trust u huma amministrati minnha.

Il-mogħdija tal-mixi fuq distanza twila tul ix-xmara Clyde tgħaddi mill-villaġġ, u ċ-ċentru tal-viżitaturi tal-iScottish Wildlife Trust għar-riżerva naturali tal-Kaskati ta' Clyde huwa bbażat fi grupp ta' binjiet tal-fabbriki.[20]

Ara wkoll immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Bell, Colin and Rose (1972) City Fathers: The Early History of Town Planning in Britain. Penguin, Harmondsworth.
  2. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2022-09-14.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "New Lanark". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  4. ^ Donnachie, Ian (2000) Robert Owen: Owen of New Lanark and New Harmony, Tuckwell Press, East Linton.
  5. ^ "Dokumenti UNESCO".
  6. ^ Bell and Bell (1972) City Fathers.
  7. ^ Donnachie, Ian and Hewitt, George (1993) Historic New Lanark: The Dale and Owen Industrial Community since 1785, Edinburgh University Press, Edinburgu.
  8. ^ "Historic Environment Scotland". www.historicenvironment.scot (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  9. ^ "New Lanark Key Themes about New Lanark for Teachers" (PDF). web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2022-09-14.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old and New Towns of Edinburgh". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Heart of Neolithic Orkney". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "St Kilda". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Forth Bridge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.
  15. ^ New Lanark Trust (n.d.) The Story of New Lanark, New Lanark Trust, Lanark.
  16. ^ "View map: Lanarkshire XXXII.3 (Lanark; Lesmahagow) - Ordnance Survey 25 inch 2nd and later editions, Scotland, 1892-1949". maps.nls.uk. Miġbur 2022-09-14.
  17. ^ "View map: Lanarkshire XXV.15 (Lanark; Lesmahagow) - Ordnance Survey 25 inch 2nd and later editions, Scotland, 1892-1949". maps.nls.uk. Miġbur 2022-09-14.
  18. ^ Stuff, Good. "New Lanark Church, New Lanark Road, New Lanark, Lanark, South Lanarkshire". britishlistedbuildings.co.uk. Miġbur 2022-09-14.
  19. ^ "135 Lanark Local" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2019-04-17. Miġbur 2022-09-14.
  20. ^ "Walk or Cycle | Clyde Walkway". VisitLanarkshire (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-14.