Muniċipju ta' Bremen
Il-Muniċipju ta' Bremen (bil-Ġermaniż: Bremer Rathaus) huwa s-sede tal-President tas-Senat u tas-Sindku tal-Belt Anseatika Ħielsa ta' Bremen. Huwa wieħed mill-iżjed eżempji importanti ta' arkitettura Gotika tal-brikks u ta' arkitettura Rinaxximentali tat-Tramuntana (magħrufa wkoll bħala Rinaxximent Weser) fl-Ewropa. Fl-1973 sar binja storika protetta[1] u f'Lulju 2004, flimkien mal-istatwa ta' Roland ta' Bremen, żdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Lokalità
immodifikaIl-muniċipju jinsab fuq in-naħa tal-Grigal tal-pjazza tas-suq prinċipali fiċ-ċentru storiku tal-belt. Eżatt quddiemu hemm l-istatwa ta' Roland. Fin-naħa opposta tal-pjazza hemm binja ta' xirka antika, magħrufa bħala Schütting, li sa llum il-ġurnata għadha s-sede tal-Bord tal-Kummerċ. Fuq in-naħa tax-Xlokk tal-pjazza hemm is-sede tal-parlament tal-istat federali (bil-Ġermaniż: Land) ta' Bremen, magħruf bħala l-Bürgerschaft. Fil-Lvant ta' dawn iż-żewġ binjiet, hemm il-muniċipju u l-parlament, flimkien mal-Katidral ta' Bremen. Ħdejn ir-rokna tat-Tramuntana tal-muniċipju, hemm l-iskultura tal-Mużiċisti tal-Belt ta' Bremen magħmula minn Gerhard Marcks. Fit-Tramuntana tagħha, hemm il-Knisja tal-Madonna (bil-Ġermaniż: Kirche Unser Lieben Frauen jew fil-qosor Liebfrauenkirche).
Storja
immodifikaMuniċipju Antik
immodifikaIl-muniċipju oriġinali ta' Bremen kien jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-blokka ta' binjiet bejn il-Liebfrauenkirchhof (iz-Zuntier tal-Knisja tal-Madonna), l-Obernstraße u s-Sögestraße. Fl-1229, issemma bħala domus theatralis (dar teatrali jew tal-ispettakli), u mill-1251 issemma kemm-il darba bħala domus consularis (dar il-kunsilliera). Arkata tul s-Sögestraße u tiswija magħmula minn bennej jissuġġerixxu li fl-imgħoddi kien hemm binja tal-ġebel, u diġà qabel il-wasla tal-istil Gotiku, x'aktarx li din il-binja kellha stil Rumanesk. X'aktarx li qabel ma l-muniċipju kiseb ċerta awtonomija, il-binja kienet tintuża bħala qorti u għalhekk kellha mill-inqas sala waħda miftuħa fil-beraħ, peress li l-liġi antika tas-Sassonja kienet tipprojbixxi li l-proċedimenti legali jsiru fi kmamar magħluqa. Deskrizzjoni eżatta mhix disponibbli, iżda diversi dokumenti jsemmu li kien hemm ħwienet tad-drapp hemmhekk. Jiddeskrivu li l-muniċipju u l-uffiċċju kienu "sub" (jiġifieri "taħt"). Skont kif jiġi interpretat dan it-terminu "sub", jiġifieri jew "fis-sala ta' taħt ..." jew "fis-sular ta' taħt …", id-dokumenti jissuġġerixxu konfigurazzjonijiet differenti ferm tal-muniċipju u tal-ambjent ta' madwaru. Żewġ testi jsemmu li kien hemm xi taraġ ukoll fil-Liebfrauenkirchhof.
Wara l-kostruzzjoni tal-muniċipju l-ġdid, il-binja nkriet lix-xirka ta' tal-merċa, u mbagħad intużat bħala maħżen tal-ħops. Finalment, fl-1598, il-binja nbigħet lil żewġ sidien, li kkonvertuha fid-djar privati tagħhom jew issostitwewha bihom.
Muniċipju Gotiku
immodifikaGħall-ħabta tal-1400, meta l-iżvilupp ta' Bremen kien fil-qofol tiegħu, ġie ppjanat u nbena muniċipju ġdid. L-iżjed ħerqana kienu s-sindku Johann Hemeling u l-kunsilliera Friedrich Wagner u Heinrich von der Trupe. Il-post u d-disinn kienu turija ta' sfida fil-konfront tal-arċisqof. B'hekk, il-pjazza ewlenija ta' Bremen, li kienet tlestiet seklu qabel, kienet dominata mill-muniċipju u mhux iktar mill-katidral u mill-palazz tal-arċisqof. Iż-żewġ swali tal-muniċipju, dik ta' fuq u dik t'isfel, kienu ftit pulzieri itwal u usa' mis-sala l-kbira tal-palazz episkopali. Bħal fil-każ tal-palazz, id-daħliet kienu jinsabu fil-ġnub u mhux faċċata tal-pjazza. Is-sala tal-kunsill (bil-Ġermaniż: Ratskeller) tinsab taħt dawk is-swali.
Wara l-kostruzzjoni tal-muniċipju, tpoġġiet l-ewwel skultura ta' Roland quddiemu. Inizjalment ma kinitx kbira daqs l-istatwa attwali.
Il-muniċipju bl-istil Gotiku ġie mżejjen b'16-il skultura kbira, ta' imperaturi u ta' prinċpjijiet eletturi, bħala turija li Bremen kienet belt imperjali, u ta' erba' filosfi antiki. Iżda fl-istess żmien ġie ffortifikat u kien hemm żewġ mogħdijiet tal-mixi fuq il-ħitan, waħda fuq il-gallerija lejn in-naħa tal-pjazza u waħda mad-dawra kollha tal-kanali tax-xita tas-saqaf skuntrat. Erba' torrijiet żgħar bit-turġien kienu jagħtu aċċess mill-mogħdija tal-mixi ta' fuq. Fl-ewwel sekli, il-gallerija fuq il-pjan terran lejn in-naħa tal-pjazza ma kinitx tagħti kenn lill-merkanti, iżda minflok kienet riżervata għall-proċedimenti legali.
Fuq in-naħa ta' wara tal-muniċipju Gotiku, kien hemm estensjoni fis-sular ta' fuq li kien fiha s-sala tal-kunsill tal-belt, imsejħa Altes Wittheits-Stube (is-Sala Antika tal-Kunsill). Fil-Punent tagħha, kien hemm taraġ fuq barra miz-zuntier tal-Knisja tal-Madonna għas-sala ta' fuq.
Wara r-Ribelljoni tal-104 rġiel fl-1432, it-taraġ fuq barra tneħħa. Fl-aħħar tas-seklu 15, inbena uffiċċju taħt is-Sala Antika tal-Kunsill.
Rinaxximent
immodifikaBejn l-1545 u l-1550, inbniet estensjoni ta' tliet sulari, b'Sala Ġdida tal-Kunsill u xi uffiċċji. Din inbniet bejn il-muniċipju u l-palazz tal-arċisqof, b'saqaf forfċi bi stil Rinaxximentali lejn il-Lvant faċċata tal-katidral.
Fl-aħħar tas-seklu, Bremen għaddiet mit-tieni perjodu ta' prosperità tagħha, u l-muniċipju reġa' kien fil-mira tal-iżvilupp. L-artist prinċipali kien l-arkitett u l-bennej Lüder von Bentheim. L-immodernizzar seħħ f'żewġ stadji: fl-ewwel stadju, mill-1595 sal-1596, l-għaxar twieqi tas-sala ta' fuq li jħarsu lejn il-pjazza ewlenija ġew ikkonvertiti minn arkati ppuntati għal twieqi rettangolari kbar. Xi tnax-il sena wara, mill-1608 sal-1612, bdiet issir trasformazzjoni kbira lejn ir-Rinaxximent Weser: iż-żewġ twieqi medji u l-bieb ta' bejniethom ġew sostitwiti b'biċċa enormi mill-binja ħierġa 'l barra mill-kumplament, magħmula minn pilastri u kolonni rqaq u twieqi kbar. Fuq nett, inbena saqaf forfċi mżejjeb bi stil Rinaxximentali Fjamming, u maġenbu żewġ soqfa forfċi simili. Il-faċċata ġiet imżejna bir-riljievi. Bosta elementi arkitettoniċi kienu bbażati fuq l-esponenti ewlenin tar-Rinaxximent Olandiż, fosthom Hans Vredeman de Vries, Hendrik Goltzius u Jacob Floris. Barra minn hekk ġew installati balavosti dekorattivi.
Barokk
immodifikaFtit wara t-tlestijiet ta' dawk ix-xogħlijiet, il-Ġermanja ġiet mifnija mill-Gwerra ta' Tletin Sena, u wara l-Paċi ta' Westfalen, Bremen kellha tiddefendi ruħha kontra l-invażjoni Żvediża.
Fl-1682-1683, l-uffiċċju fuq in-naħa ta' wara tkabbar b'forma ta' stil Barokk – b'ringieli orizzontali ta' twieqi li ma sarux komuni qabel żewġ sekli wara.
Seklu 19
immodifikaBil-medjatizzazzjoni Ġermaniża fl-1803, il-palazz tal-arċisqof li kien ekstraterritorjali, fl-aħħar sar ta' Hannover u sar proprjetà muniċipali. Proviżorjament, kien jintuża għall-uffiċċji. Fl-1818-1819, ġie parzjalment imkisser u reġa' nbena bħala l-binja Neoklassika tal-uffiċċji muniċipali (bil-Ġermaniż: Stadthaus). Fl-1826, ġiet individwata ħsara perikoluża fil-muniċipju u l-estensjonijiet tiegħu. Bis-saħħa tax-xogħol ta' tiswija, id-dehra tal-faċċata li tagħti fuq il-pjazza ġiet ikkonservata, iżda l-faċċata Rinaxximentali tal-Lvant ġie sostitwita b'waħda iktar sempliċi, u b'hekk in-naħa ta' wara tal-binja tilfet id-disinn unika tagħha.
Seklu 20
immodifikaMill-1820 sal-1900, Bremen immultiplikat il-popolazzjoni tagħha, u fid-deċennji għall-ħabta tal-1900, il-Wilhelminiżmu beda jiffavorixxi rappreżentanza abbundanti. Għalhekk, ġie ppjanat tkabbir tal-muniċipju. Fl-1909, l-uffiċċji muniċipali tneħħew sabiex minflok jinbena l-muniċipju l-ġdid. Matul dawk ix-xogħlijiet, instabu bosta artefatti Gotiċi, ferm iktar milli kienu stennew l-istoriċi. Bil-Muniċipju l-Ġdid (bil-Ġermaniż: Neues Rathaus), il-muniċipju fl-1909-1913 irċieva estensjoni kważi d-doppju tal-binja l-antika. L-arkitett minn Munich Gabriel von Seidl irnexxielu jevita dominanza ta' din iż-żieda tiegħu. Minkejja dan, it-tliet faċċati Neo-Rinaxximentali tiegħu huma eżempju tard ħafna tal-Istoriċiżmu. Ir-raba' waħda, li tħares lejn il-Knisja tal-Madonna u biswit il-kumplament tal-estensjoni Barokka, għandha stil pjuttost tal-Art Nouveau.
Bl-irfid tal-ħitan ta' barra, u bis-saħħa tal-isforzi erojċi tal-brigata tat-tifi tan-nar, il-muniċipju ta' Bremen irnexxielu jeħlisha ħafif mill-attakki mill-ajru tat-Tieni Gwerra Dinjija, għalkemm iktar minn sittin fil-mija tal-belt ġiet ibbumbardjata.
Użu
immodifika- Kif issemma iktar 'il fuq, is-sede tas-Sindku ta' Bremen huwa l-Muniċipju l-Ġdid.
- Il-Bremer Schaffermahlzeit huwa bankett tradizzjonali annwali għall-kaptana, li jsir fis-sala tal-banketti tal-Muniċipju l-Ġdid.
- Ħafna avvenimenti ċerimonjali jsiru fis-sala ta' fuq tal-Muniċipju l-Antik.
- Is-sala t'isfel tal-binja storika spiss tintuża għall-wirjiet.
Attrazzjonijiet prinċipali
immodifikaMuniċipju Antik
immodifika- Is-Sala ta' Fuq (bil-Ġermaniż: Obere Rathaushalle). Din għadha l-post fejn isiru l-laqgħa uffiċjali fi Bremen.
- Is-Sala tad-Deheb (bil-Ġermaniż: Güldenkammer). Din is-sala żgħira, li żdiedet mas-sala ta' fuq fl-1608, reġgħet ġiet imżejna fl-1905 minn Heinrich Vogeler bi stil purament Art Nouveau. Id-dettalji u l-għamara kollha, inkluż il-pumijiet tal-bibien, it-tilari ta' lqugħ min-nar, il-kandilabri u t-tapizzerija tal-ġilda indurata (cuir de Cordoue) mal-ħitan intgħażlu għal dan l-istil.
- Is-Sala t'Isfel (bil-Ġermaniż: Untere Rathaushalle). Din is-sala baqgħet ma ġietx imżejna skont kif kienet oriġinarjament. B'kuntrast mas-sala ta' fuq, din is-sala hija ferm iktar sempliċi, b'art tal-ġebel, xorok tal-injam viżibbli, u ħitan bojod. Fl-imgħoddi, din kienet tintuża wkoll bħala suq tal-oġġetti fini bħall-ħwawar u d-drappijiet. Illum il-ġurnata tintuża għall-wirjiet.
- Is-Sala tal-Kunsill (bil-Ġermaniż: Bremer Ratskeller). Din hija binja pubblika fis-sular ta' taħt l-art, fejn hemm l-iżjed bittija antika tal-inbid fil-Ġermanja, maħduma fl-1653.
Muniċipju Ġdid
immodifika- Is-Sala tal-Banketti
- Is-Sala tal-Fuklar
- Is-Sala tat-Tapizzeriji ta' Gobelin
- Is-Sala tas-Senat
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Muniċipju u l-Istatwa ta' Roland ta' Bremen fil-Pjazza tas-Suq ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Biblijografija
immodifika- Konrad Elmshäuser: Der erste Roland und das erste Rathaus von Bremen, In: Bremisches Jahrbuch, vol. 84, Bremen 2005, ISSN 0341-9622, pp. 9–45.
- Rudolf Stein: Romanische, gotische und Renaissancebaukunst in Bremen, Bremen 1962, pp. 239–276 u 529–676.
Referenzi
immodifika- ^ "Denkmaldatenbank - Landesamt für Denkmalpflege". www.denkmalpflege.bremen.de. Miġbur 2022-03-18.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Town Hall and Roland on the Marketplace of Bremen". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-18.