Muħammed
Muħammed (bl-Għarbi: مُحَمَّد ٱبْن عَبْد ٱللَّٰه, bl-ittri Rumani: Muħammad ibn Għabd Allāh; pronunzjat bl-Għarbi Klassiku: [muˈħammad]; pronunzjat bil-Malti l-iktar bħala [muˈħammed] jew [moˈħammed] jekk mhux verbatim bħall-Għarbi Klassiku; twieled għall-ħabta tal-570 – miet fit-8 ta' Ġunju 632)[1] kien mexxej Għarbi reliġjuż, soċjali u politiku, u fundatur tar-reliġjon dinjija tal-Iżlam. Skont it-tagħlim Iżlamiku, huwa kien profeta, imnebbaħ b'mod divin biex jipprietka u jikkonferma t-tagħlimiet monoteistiċi ta' Adam, Abram, Mosè, Ġesù, u profeti oħra.[2][3][4] Huwa l-profeta finali ta' Alla skont il-fergħat prinċipali kollha tal-Iżlam, għalkemm xi denominazzjonijiet moderni ma jaqblux ma' dan it-twemmin. Muħammed għaqqad lill-Arabja f'entità Musulmana waħda, bil-Koran kif ukoll bit-tagħlimiet u prattiki tiegħu bħala l-bażi tat-twemmin reliġjuż Iżlamiku.
Muħammed twieled bejn wieħed u ieħor fil-570 (is-Sena tal-Iljunfant) fil-Mekka. Huwa kien iben Abdullah ibn Abd al-Muttalib u Amina bint Wahb. Missieru kien iben il-mexxej tribali tal-Qurajx Abd al-Muttalib ibn Hashim, u Abdullah miet ftit xhur qabel twieled Muħammed. Ommu Amina mietet meta kellu sitt snin, u ħallietu orfni.[5] Huwa trabba ma' nannuh, Abd al-Muttalib, u ma' zijuh min-naħa ta' missieru, Abu Talib.[6] Iktar 'il quddiem, huwa kien perjodikament joqgħod għalih f'għar fil-muntanji msejjaħ Hira għal diversi ljieli ta' talb. Meta kellu 40 sena, Muħammed sostna li żaru Gabrijel fl-għar[7][8] u li tah l-ewwel rivelazzjoni minn Alla. Fis-613[9], Muħammed beda jipprietka dawn ir-rivelazzjonijiet pubblikament, u beda jipproklama li tewħid (Alla hu wieħed), li s-"sottomissjoni" (iżlam) sħiħa lill-Alla kienet l-istil ġust tal-ħajja (dīn)[10], u li hu kien profeta u messaġġier ta' Alla, bħal profeti oħra fl-Iżlam.[11][12][13]
Is-segwaċi ta' Muħammed inizjalment kont tgħoddhom fuq ponot subgħajk, u esperjenzaw ostilità mill-politeisti tal-Mekka għal 13-il sena. Sabiex jaħrab il-persegwitazzjoni kontinwa, huwa bagħat lil uħud mis-segwaċi tiegħu lejn l-Abissinja fis-615, qabel ma hu u s-segwaċi tiegħu ma marrux mill-Mekka għal Medina (dak iż-żmien magħrufa bħala Jatrib) iktar 'il quddiem fis-622. Dan l-avveniment, il-Hiġra, jimmarka l-bidu tal-kalendarju Iżlamiku, magħruf ukoll bħala l-kalendarju Hijri. F'Medina, Muħammed għaqqad it-tribujiet taħt il-Kostituzzjoni ta' Medina. F'Diċembru 629, wara tmien snin ta' ġlied intermittenti mat-tribujiet tal-Mekka, Muħammed ġabar armata ta' 10,000 ikkonvertit Musulman u assedja l-belt tal-Mekka. Il-ħakma bilkemm kienet ikkontestata u Muħammed ħataf il-belt bi ftit tixrid tad-demm. Fis-632, ftit xhur wara li rritorna mill-Pellegrinaġġ tat-Tluq, huwa marad u miet. Sal-mument ta' mewtu, il-biċċa l-kbira tal-Peniżola tal-Arabja kienet ikkonvertiet għall-Iżlam.
Ir-rivelazzjonijiet (magħrufa individwalment bħala Ajah – litteralment "Sinjal [ta' Alla]") li Muħammed kien sostna li rċieva sa mewtu jiffurmaw il-versi tal-Koran, meqjus mill-Musulmani bħala verbatim "il-Kelma ta' Alla" li fuqha hija bbażata r-reliġjon. Apparti l-Koran, it-tagħlimiet u l-prattiki ta' Muħammed imsejħa Sunna (bl-Għarbi: سنّة, sunnah), li jinsabu fil-letteratura Ħadit u sira (bijografija tal-Profeta), jitqiesu u jintużaw bħala sorsi tal-liġi Iżlamika.
Ismijiet u appellazzjonijiet mill-Koran
immodifikaL-isem Muħammed (/mʊˈhæməd, -ˈhɑːməd/) ifisser "dak li jistħoqqlu t-tifħir" u jidher erba' darbiet fil-Koran. Il-Koran jindirizza wkoll lil Muħammed fit-tieni persuna b'diversi appellazzjonijiet; profeta, messaġġier, qaddej jew skjava ta' Alla (għabd, relatata bil-kelma l-Malti għabid), ħabbar it-tajba (baxir) fil-Koran 2:119, xhud (xahid) fil-Koran 33:45, dak li jwassal il-bxara t-tajba (mubaxxir), dak li jwissi (nathir) fil-Koran 11:2, dak li jfakkar (muthakkir) fil-Koran 88:21, dak li jsejjaħ [lill-Alla] (dā'ī) fil-Koran 12:108, id-dawl personifikat (nūr) fil-Koran 5:15, u l-lampa li tagħti d-dawl (siraġ munir) fil-Koran 33:46.
Referenzi
immodifika- ^ The End of Muhammad's Life and the Beginnings of Islam, p. 248, University of Pennsylvania Press, 2011.
- ^ Esposito (2002b), pp. 4-5.
- ^ Peters, F.E. (2003). Islam: A Guide for Jews and Christians. Princeton University Press. p. 9. ISBN 978-0-691-11553-5.
- ^ Esposito, John (1998). Islam: The Straight Path (3rd ed.). Oxford University Press. pp. 9, 12. ISBN 978-0-19-511234-4.
- ^ "Early Years". Al-Islam.org (bl-Ingliż). 2012-10-18. Miġbur 2021-08-03.
- ^ Watt (1974), p. 7.
- ^ Conrad, Lawrence I. (1987). "Abraha and Muhammad: some observations apropos of chronology and literary topoi in the early Arabic historical tradition1". Bulletin of the School of Oriental and African Studies. 50 (2): 225–40.
- ^ Sherrard Beaumont Burnaby (1901). Elements of the Jewish and Muhammadan calendars: with rules and tables and explanatory notes on the Julian and Gregorian calendars. G. Bell. p. 465.
- ^ Howarth, Stephen. Knights Templar. 1985. ISBN 978-0-8264-8034-7 p. 199.
- ^ "Dīn - Oxford Islamic Studies Online". web.archive.org. 2017-12-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-12-05. Miġbur 2021-08-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ F.E. Peters (2003), p. 9.
- ^ Esposito (1998), p. 12; (1999) p. 25; (2002) pp. 4-5.
- ^ Buhl, F.; Welch, A.T. (1993). "Muḥammad". Encyclopaedia of Islam. 7 (2nd ed.). Brill. pp. 360-376. ISBN 978-90-04-09419-2.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Muħammed (Muhammad) |