Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan
Il-Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan (bil-Persjan: مسجد جامع اصفهان; Masjid-e-Jāmeh Isfahān), magħruf ukoll bħala l-Moskea ta' Atiq (bil-Persjan: مسجد عتیق), hija moskea kongregazzjonali storika (Jāmeh) ta' Esfahan, l-Iran. Il-moskea hija frott kostruzzjoni, rikostruzzjoni, żidiet u rinnovazzjonijiet kontinwi fis-sit mill-ħabta tas-771 W.K. sal-aħħar tas-seklu 20. Is-Suq il-Kbir ta' Esfahan jinsab lejn in-naħa tal-Lbiċ tal-moskea. Il-moskea tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1][2] Hija wieħed mill-ikbar monumenti u fost l-iżjed importanti tal-arkitettura Iżlamika fl-Iran.[3]
Storja
immodifikaStorja bikrija
immodifikaL-ewwel moskea fis-sit inbniet għall-ħabta tas-771 W.K., matul ir-renju tal-kaliff Abbasid Al-Mansur. Din l-ewwel binja kienet relattivament żgħira, ta' 52 metru b'90 metru. Inbniet bil-brikks tat-tajn u kellha tiżjin bl-istukko bl-istil Sirjan-Mesopotamjan tal-arkitettura Abbasida. Il-fdalijiet tagħha ġew skavati fis-snin 70 tas-seklu 20 matul l-istudji tal-moskea attwali.[4]
Il-moskea mbagħad ġiet sostitwita b'oħra ikbar fit-840-841 W.K., matul ir-renju ta' Al-Mu'tasim. Din il-binja ġdida kienet madwar 88 metru b'128 metru u kellha orjentazzjoni differenti tal-qibla meta mqabbla mal-ewwel waħda. Kellha spazju ċentrali kbir fil-beraħ imdawwar bil-portiċi u b'sala bil-pilastri tal-brikks moħmija li kienu jirfdu saqaf ċatt jew saqaf bil-volti tal-brikks. Din is-sala bil-pilastri kienet fonda b'żewġ kompartimenti fuq il-ġnub, fonda b'erba' kompartimenti fuq in-naħa opposta tal-qibla (il-Majjistral), u fonda b'sitt kompartimenti fuq in-naħa tal-qibla fejn kien hemm is-sala prinċipali tat-talb. Il-korsija li tagħti għall-miħrab tal-moskea kienet kemxejn usa' mill-korsiji l-oħra. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-moskea l-ġdida kellha minaret, minkejja l-eżistenza ta' din il-karatteristika f'moskej oħra ta' dak iż-żmien, għalkemm Muqaddasi ddeskriva l-preżenza ta' minaret twil f'moskea ċentrali ta' Esfahan qabel id-985 W.K.[5]
Taħt il-kontroll tad-dinastija Bujida (is-sekli 10-11) żdiedu portiċi oħra bil-pilastri tal-brikks u b'diversi arkati madwar l-ispazju fil-beraħ, quddiem il-faċċati eżistenti. Minflok it-tiżjin preċedenti bl-istukko, iż-żidiet il-ġodda ġew imżejna b'disinni tal-brikks impoġġija f'għamliet differenti, pereżempju ċrieki, djamanti, żigużajg, u b'disinni ġeometriċi oħra simili għal dawk bil-brikks f'monumenti oħra ta' żmien il-Bujidi. Id-data eżatta ta' din ir-rinnovazzjoni mhix ċerta iżda huwa stmat li tmur lura għall-ħabta tad-975 W.K. jew l-aħħar tas-seklu 10.[6] Oleg Grabar jistma li r-rinnovazzjoni saret bejn id-985 u l-1040, abbażi ta' deskrizzjonijiet tal-moskea f'sorsi storiċi. Fid-daħla tal-moskea żdiedu wkoll żewġ minareti qrib is-suq ta' dawk li jagħtu l-kulur lit-tessuti. Kienu jinsabu fuq kull naħa tad-daħla u t-tnejn li huma nbnew fuq pedestall jew bażi. Din hi l-ewwel darba rreġistrata fid-dokumenti ta' arranġament b'żewġ minareti, li iktar 'il quddiem sar arranġament komuni fl-Iran u lil hinn.[7][8]
Żmien is-Seljuk
immodifikaIl-modifiki l-kbar li saru wara fil-moskea saru taħt il-patroċinju tas-Seljuk. Esfahan saret l-ewwel belt kapitali tal-Imperu tas-Seljuk wara li nħakmet fl-1050. Is-Seljuk immodifikaw l-għamla relattivament uniformi u egalitarja tal-binja bil-pilastri, l-ewwel billi minflok il-kolonni ta' quddiem il-miħrab (fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-moskea) għamlu spazju kbir imsaqqaf b'koppla fl-1086-1087. Dan sar taħt il-patroċinju ta' Nizam al-Mulk, il-viżier famuż ta' Malik Shah. Il-koppla l-ġdida kienet l-ikbar koppla tal-ġebel fid-dinja Iżlamika ta' dak iż-żmien.[9] Fiha tmien strutturi mrikkbin qishom kustilji u hija mirfuda fuq pilastri kbar. Introduċiet ukoll tip ġdid ta' riffieda triangolari fl-irkejjen, magħmula minn volta b'għamla ta' bittija mqiegħda fuq żewġ kwarti ta' koppli. Dan ġie kkopjat f'moskej oħra ftit wara. Fi ftit kliem dan l-istil kien jirrappreżenta l-ewwel teknika bikrija tal-muqarnas (kompożizzjoni ġeometrika tridimensjonali ta' niċeċ), li kienet qed tiġi żviluppata lejn dan il-perjodu. L-ispazju msaqqaf b'koppla jaf kien maħsub bħala maqsura, jiġifieri żona rriżervata għas-sultan u għal dawk ta' madwaru matul it-talb.[10]
Fl-1088-1089 inbniet koppla oħra fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-moskea mir-rivali ta' Nizam al-Mulk, Taj al-Mulk. Il-funzjoni ta' dan il-kompartiment imsaqqaf b'koppla mhix ċerta. Għalkemm din il-koppla kienet tinsab tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, kienet tinsab 'il barra mill-konfini tal-moskea. Il-koppla titqies bħala kapulavur tal-arkitettura Iranjana Medjevali. Għad-differenza tal-koppla iktar sempliċi bi tmien riffieda mrikkbin ta' Nizam al-Mulk, il-koppla tat-Tramuntana għandha riffieda mrikkbin f'xulxin li jiffurmaw pentagoni u disinni ta' stilel b'ħames ponot, li kien avvanz tekniku u estetiku sinifikanti. Il-ħitan tan-naħa t'isfel tal-kompartiment għandhom dehra iktar sempliċi u iktar eleganti, filwaqt li d-diversi elementi tal-ħitan tan-naħa ta' fuq u tal-koppla huma allinjati aħjar b'mod vertikali, u b'hekk iħajru lil dak li jkun iħares 'il fuq. Għal darb'oħra ntużaw riffieda triangolari fl-irkejjen bil-muqarnas għat-tranżizzjoni tal-koppla fil-kompartiment kwadru.[11]
It-trasformazzjoni kbira li jmiss seħħet għall-ħabta tal-bidu tas-seklu 12, x'aktarx wara li l-moskea ġarrbet ħsarat minħabba li nħakmet min-nirien fl-1121-1122.[12] Il-kuntest storiku u l-kronoloġija eżatta ta' din it-trasformazzjoni mhumiex mifhuma sew. X'aktarx li tlestiet mhux iktar tard mill-1230, meta l-invażjonijiet tal-Mongoli żgur li waqqfu kwalunkwe attività ewlenija ta' kostruzzjoni. Sabiex jittejjeb l-approċċ lejn il-kompartiment imsaqqaf b'koppla tal-miħrab, li kien jinsab iżolat qalb is-sala l-antika bil-pilastri, l-ispazju bil-kolonni bejn il-koppla u l-ispazju fil-beraħ ġie sostitwit b'iwan (sala bil-volti miftuħa fuq naħa waħda) kbir. Din is-sala kbira bil-volti u b'għamla ta' bittija hija miftuħa lejn in-naħa tal-ispazju fil-beraħ u tagħti għas-sala msaqqfa b'koppla permezz ta' daħla fuq in-naħa l-oħra. Sabiex jikkomplementawha, il-bennejja ħolqu tliet iwan monumentali oħra fin-nofs ta' kull naħa oħra tal-ispazju fil-beraħ. L-iwan tat-Tramuntana jaf kien l-aħħar wieħed li nbena. Dawn it-trasformazzjonijiet wasslu biex il-moskea tingħata l-għamla attwali tagħha b'erba' iwan, tip ta' konfigurazzjoni li sussegwentement saret prevalenti fl-Iran u f'partijiet oħra tad-dinja Iżlamika. L-iwan tan-Nofsinhar tal-ispazju fil-beraħ (li jagħti għall-miħrab) ġie distint mill-iwan l-oħra peress li huwa ikbar u ġie mżejjen b'saffi kbar ta' muqarnas. Ġew miżjuda wkoll kompożizzjonijiet differenti ta' muqarnas fl-iwan l-oħra f'xi żmien jew ieħor, bir-riżultat li l-iwan, anke jekk inbnew bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien, jidhru differenti minn xulxin issa.[13]
Minbarra ż-żieda tal-erba' iwan, il-kumplament tal-kompartimenti tas-swali antiki bil-pilastri ġew rinnovati b'volti b'riffieda mrikkbin f'xulxin b'għamla ta' salib. Hemm madwar 200 volta iżgħar ta' din ix-xorta u kollha għandhom disinni differenti u fihom varjetà rikka ta' tiżjin ġeometriku. X'aktarx li parti minn dan ix-xogħol sar fl-aħħar tas-seklu 11 jew fil-bidu tas-seklu 12, iżda l-kronoloġija tal-kostruzzjoni hawnhekk mhix ċara u bosta volti x'aktarx li nbnew f'perjodi differenti ta' tiswijiet u ta' rinnovazzjoni. Mhuwiex ċert jekk il-minareti ta' qabel tal-moskea ġewx ippreservati sa dan iż-żmien, iżda l-ebda test storiku ma jagħmel referenza għalihom wara nofs is-seklu 11.[14]
Bidliet u żidiet li saru wara
immodifikaWara dan, il-bidliet li saru wara fil-moskea kienu iktar limitati. Madankollu, kważi f'kull perjodu sar xi xogħol fuq il-moskea, skont il-bidliet fil-ħtiġijiet tal-komunità u l-bidliet fil-gosti tal-mexxejja l-ġodda. Taħt is-sultan Ilkanid Uljaytu (li rrenja mill-1304 sal-1317), il-portiċi madwar il-ġnub tal-ispazju fil-beraħ ġew maqsuma vertikalment f'żewġ livelli, kif jidhru llum il-ġurnata. Uljaytu ħoloq ukoll sala rettangolari oħra tat-talb jew "sala tax-xitwa" man-naħa tat-Tramuntana tal-iwan tal-Punent tal-moskea. Din is-sala hija msaqqfa b'sensiela ta' volti trasversali notevoli, filwaqt li l-ħitan tan-Nofsinhar tagħha fiha miħrab imżejjen bl-istukko mnaqqax b'mod elaborat li jmur lura għall-1310. Taħt il-Mużaffaridi, żdiedet madrasa, magħrufa bħala l-Madrasa tal-Mużaffaridi, fin-naħa tal-Lvant tal-moskea u sala oħra tat-talb fin-naħa tal-Punent, it-tnejn li huma lil hinn mill-ħitan esterni preċedenti tal-moskea.[15] Dan ix-xogħol x'aktarx li sar minn Qutb al-Din Shah Mahmud, il-gvernatur ta' Esfahan (li rrenja mill-1358 sal-1375) li kkontesta t-tron flimkien ma' ħuh Shah Shuja.[16]
Fis-seklu 15 il-bidliet kienu limitati għal diversi tiswijiet. Is-saqaf bil-volti tas-sala tat-talb ta' Uljaytu ġie rikostruwit u bosta mill-volti iżgħar u l-koppli tas-sala bil-pilastri jaf imorru lura għal dan iż-żmien. Fir-rokna tal-Lbiċ żdiedet sala ġdida tat-talb. Il-faċċati tal-ispazju fil-beraħ progressivament ġew imżejna bil-madum. B'mod partikolari, il-madum rikk li jiksi l-faċċata tal-iwan tan-Nofsinhar illum il-ġurnata, oriġinarjament żdied taħt il-patroċinju tal-mexxej tal-Aq Qoyunlu Uzun Hasan fl-1475-1476.
Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja Safavidi wettqu xi xogħlijiet fuq il-moskea, għajr Shah Abbas I li kien iktar imħasseb bil-kostruzzjonijiet ġodda tiegħu madwar il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan. Il-minareti attwali tal-moskea, li jinsabu weqfin fuq kull naħa tal-iwan tan-Nofsinhar, inbnew fis-seklu 17. Matul żmien is-Safavidi, xi partijiet mis-swali tat-talb tkabbru wkoll u żdied tiżjin ġdid bil-madum fuq l-iwan u l-minareti. Is-sala tat-talb tal-Mużaffaridi fuq in-naħa tal-Punent ġiet sostitwita b'"sala tat-talb tax-xitwa" ikbar matul dan iż-żmien, li hija distinta permezz tal-ħnejjiet wesgħin u baxxi tagħha. Iktar 'il quddiem saru iktar tiswijiet u restawri mid-dinastiji Afxaridi u Qajar u saż-żminijiet moderni.
Preżent
immodifikaIllum il-ġurnata l-moskea hija amalgamazzjoni ta' stili u ta' perjodi differenti f'binja waħda. Id-dettalji kollha tal-moskea mhux dejjem jistgħu jiġu datati faċilment. Il-perimetru tal-moskea issa huwa integrat għalkollox mal-istrutturi tal-madwar tas-suq u taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Esfahan.[17]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]
Iktar qari
immodifika- A. Gabriel, 'Le Masdjid-i Djum‛a d’Isfahān', A. Islam., ii (1935), pp. 11-44.
- A. Godard, 'Historique du Masdjid-i Djum‛a d’Isfahan', Āthār-é Īrān, i (1936), pp. 213-282.
- André Godard, "La mosquée du vendredi." L'Oeil revue d'art. No. 19/20. 1956. p. 45.
- E. Galdieri, Iṣfahān: Masǧid-i Ǧum‛a, 3 volumi (Ruma, 1972-1984).
- E. Galdieri, 'The Masǧid-i Ǧum‛a Isfahan: An Architectural Façade of the 3rd Century H.', A. & Archaeol. Res. Pap., vi (1974), pp. 24-34.
- U. Scerrato, 'Notice préliminaire sur les recherches archéologiques dans la Masgid-i Jum‛a d’Isfahan', Farhang-i mi‛mārī-yi Īrān, iv (1976), pp. 15-18.
- O. Grabar, The Great Mosque of Isfahan (New York, 1990).
- S. S. Blair, The Monumental Inscriptions from Early Islamic Iran and Transoxiana (Leiden, 1992), pp. 160-167.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Masjed-e Jāmé of Isfahan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Iran (Islamic Republic of) - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
- ^ M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Isfahan". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press. ISBN 9780195309911.
- ^ Blair, Sheila; Bloom, Jonathan (2011). "Iraq, Iran, and Egypt: The Abbasids". In Hattstein, Markus; Delius, Peter (eds.). Islam: Art and Architecture. pp. 109-110. ISBN 9783848003808.
- ^ Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. p. 46.
- ^ M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Architecture". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press. ISBN 9780195309911.
- ^ Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. p. 47.
- ^ Bloom, Jonathan M. (2019). "Minaret". In Fleet, Kate; Krämer, Gudrun; Matringe, Denis; Nawas, John; Rowson, Everett (eds.). Encyclopaedia of Islam, Three. Brill. ISSN 1873-9830.
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Domes on Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
- ^ Blair, Sheila; Bloom, Jonathan (2011). "The Friday Mosque at Isfahan". In Hattstein, Markus; Delius, Peter (eds.). Islam: Art and Architecture. h.f.ullmann. pp. 368–369. ISBN 9783848003808.
- ^ Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 53-54.
- ^ Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 55-58.
- ^ Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 65-66.
- ^ "Friday Mosque of Isfahan". web.archive.org. 2007-03-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-11. Miġbur 2023-12-29.
- ^ "Archnet > Site > Masjid-i Jami' (Isfahan)". www.archnet.org. Miġbur 2023-12-29.
- ^ Bosworth, Clifford Edmund (2004). The New Islamic Dynasties: A Chronological and Genealogical Manual. Edinburgh University Press. ISBN 9780748621378.
- ^ Ettinghausen, Richard; Grabar, Oleg; Jenkins, Marilyn (2001). Islamic Art and Architecture: 650–1250 (2nd ed.). Yale University Press. ISBN 9780300088670.