Monasteru ta' Studenica
Il-Monasteru ta' Studenica (bis-Serbjan: Манастир Студеница / Manastir Studenica; pronunzjat [mânastiːr studɛ̌nit͡sa]) huwa monasteru Ortodoss Serbjan tas-seklu 12 li jinsab 39 kilometru (24 mil) fil-Lbiċ ta' Kraljevo u 40.9 kilometru (25.4 mil) fil-Lvant ta' Ivanjica, fis-Serbja ċentrali. Huwa wieħed mill-ikbar monasteri Ortodossi Serbjani u fost l-iktar għonja wkoll.
Stefan Nemanja, il-fundatur tal-istat Serbjan Medjevali, stabbilixxa l-monasteru fl-1190. Il-ħitan iffortifikati tal-monasteru jħarsu żewġ knejjes: il-Knisja tal-Madonna u l-Knisja tar-Re, u t-tnejn li huma nbnew bl-irħam abjad. Il-monasteru huwa magħruf l-iktar għall-kollezzjoni ta' affreski tiegħu bi stil Biżantin tas-sekli 13 u 14.
Il-Monasteru ta' Studenica ġie ddikjarat bħala Monument tal-Kultura ta' Importanza Eċċezzjonali fl-1979 u jitħares mir-Repubblika tas-Serbja, u fl-1986 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bid-deskrizzjoni li ġejja (traduzzjoni mhux uffiċjali):[1]
Il-Monasteru ta' Studenica Monastery ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 12 minn Stefan Nemanja, il-fundatur tal-istat Serbjan Medjevali, ftit wara li abdika. Huwa l-ikbar u l-iktar għani fost il-monasteri Ortodossi Serbjani. Iż-żewġ monumenti prinċipali tiegħu, il-Knisja tal-Madonna u l-Knisja tar-Re, it-tnejn mibnija bl-irħam abjad, fihom kollezzjonijiet imprezzabbli ta' affreski Biżantini tas-sekli 13 u 14.
Storja
immodifikaIl-Monasteru ta' Studenica, iddedikat lill-Preżentazzjoni tal-Madonna, huwa t-tempju ewlieni tat-tempji Serbjani kollha. Inbena fuq perjodu pjuttost twil ta' żmien. L-ewwel stadju tax-xogħlijiet tlestew sar-rebbiegħa tal-1196, meta Stefan Nemanja abdika u għamel wegħdiet monastiċi fil-monasteru.[2][3] Meta iktar 'il quddiem telaq lejn Hilandar, ibnu s-suċċessur tiegħu Stefan ħa f'idejh l-amministrazzjoni tal-Monasteru ta' Studenica. Nemanja miet f'Hilandar fl-1199. It-tielet iben ta' Nemanja, Rastko (San Sava), wara r-rikonċiljazzjoni mal-aħwa l-oħra tiegħu Stefan u Vukan, ittrasferixxa r-relikwi ta' Nemanja lejn il-Monasteru ta' Studenica.[4] Taħt il-kustodja ta' Sava, il-Monasteru ta' Studenica sar iċ-ċentru politiku, kulturali u spiritwali tas-Serbja Medjevali.
Il-Monasteru ta' Studenica baqa' jiġi amministrat b'mod kontinwu mill-membri tad-dinastija Nemanjić. Ir-Re Radoslav żied narthex mill-isbaħ mal-knisja fl-1235. Ir-Re Milutin bena knisja żgħira ddedikata lill-qaddisin Ġwakkin u Anna.
Mill-waqgħa tal-aħħar fost l-istati Serbjani Medjevali fl-1459, it-Torok spiss attakkaw lill-monasteru. L-ewwel restawr sinifikanti tal-ħsarat sar fl-1569, meta l-affreski fil-Knisja tal-Madonna reġgħu ġew impittra. Fil-bidu tas-seklu 17, il-monasteru ġie affettwat minn terremot u nirien, u d-dokumenti storiċi u parti sinifikanti mill-wirt artistiku nqerdu u ntilfu għalkollox.[5]
Arkitettura
immodifikaIl-Knisja tal-Madonna hija bażilika b'koppla u b'navata unika. Fin-naħa tal-Lvant tagħha hemm apsida bi tliet naħat, filwaqt li lejn għandha narthex estiż iħares lejn il-Punent; fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar hemm ukoll il-vestibuli. Fis-snin 30 tas-seklu 13, ġie miżjud exonarthex kbir. Il-faċċati nbnew bl-irħam abjad; fuq ġewwa, il-knisja ġiet miksija bil-blokok tat-tufa. Fuq barra, il-knisja tirrikonċilja b'mod armonjuż żewġ stili arkitettoniċi: ir-Rumanesk u l-Biżantin. Il-fużjoni ta' dawn iż-żewġ stili eventwalment wasslet għall-istil arkitettoniku partikolari magħruf bħala l-Iskola ta' Raška.
Fil-Majjistral tal-Knisja tal-Madonna hemm il-Knisja ta' San Ġwakkin u Sant'Anna, iddedikata lill-fundatur tagħha r-Re Milutin, u magħruf bħala l-Knisja tar-Re. Il-knisja nbniet fl-1314 b'għamla ta' salib ikkumpressat, bi struttura esterna ta' koppla ottagonali. Inbniet bil-ġebel u bit-tufa, u għandha l-faċċati miksija bil-ġibs.
Il-kumpless tal-Monasteru ta' Studenica jinkludi l-Knisja ta' San Nikola, li hija knisja żgħira b'navata waħda mimlija affreski tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13 fuq ġewwa. Bejn il-Knisja ta' San Nikola u l-Knisja tar-Re hemm il-pedamenti tal-knisja ddedikata lil San Ġwann il-Battista. Fil-Punent tal-Knisja tal-Madonna hemm refettorju antik magħmul bil-ġebel mingħajr tkaħħil, li nbena matul iż-żmien tal-Arċisqof Sava. Finalment, fuq in-naħa tal-Punent tal-kumpless tal-monasteru hemm it-torri tal-kampnar li nbena fis-seklu 13. Fl-imgħoddi kien hemm kappella ġo fih; issa kulma fadal huwa xi ftit frammenti ta' affreski. Fuq in-naħa ta' barra tan-narthex ġew innumerati wkoll il-fdalijiet ta' xi affreski, li jirrappreżentaw il-ġenealoġija tad-dinastija Nemanjić. Ovvjament għandhom rabta mal-affreski tal-Knisja tal-Madonna li jmorru lura għall-1208-1209.
Lejn it-Tramuntana mir-refettorju tal-Monasteru ta' Studenica hemm ir-residenza monastika tas-seklu 18, li issa tospita mużew b'għadd ta' eżibiti prezzjużi mit-teżor tal-Monasteru ta' Studenica. Madankollu, id-diversi gwerer u serqiet frekwenti naqqsu ferm id-depożitorju tat-teżor tal-Monasteru ta' Studenica.
Arti
immodifikaIl-kisbiet artistiċi fl-iskultura tal-Monasteru ta' Studenica jilħqu l-qofol tagħhom fl-erba' portali tal-Knisja tal-Madonna, primarjament dak tal-Punent, bejn in-narthex u l-exonarthex. Mal-ħajt tat-Tramuntana taħt il-koppla hemm tieqa magħmula minn bosta panewijiet kwadri b'medaljuni mnaqqxa fuq plakka li jirrappreżentaw tmien annimali mitoloġiċi, is-simboli tal-virtujiet tal-Madonna. Hemm ukoll żewġ rużuni li jirrappreżentaw l-għajnejn Divini. Il-bennejja tal-Monasteru ta' Studenica x'aktarx li ġew mir-reġjun Adrijatiku, probabbli minn Kotor, fejn Nemanja kellu palazz. Il-bennejja ħallew kitba mnaqqxa b'ittri Ċirilliċi Serbjani fuq it-timpanu tal-portal tal-Punent.
Il-Knisja tal-Madonna ġiet impittra bl-affreski fl-ewwel deċennju tas-seklu 13. L-affreski oriġinali ġew parzjalment ippreservati fiż-żona tal-artal, taħt il-koppla, mal-ħajt tal-Punent, u fin-naħat t'isfel tan-navata. L-isbaħ rappreżentazzjoni hija dik ta' Ġesù Msallab bi sfond blu li saret fl-1209, li hija waħda mill-aqwa kisbiet tal-arti Serbjana. Mal-ħajt tan-Nofsinhar hemm il-"kompożizzjoni tal-fundatur" li turi lill-Madonna u lil Nemanja (Xmun) bil-mudell tal-knisja bħala offerta lil Ġesù Kristu l-Maġistrat Imparzjali. L-affreski tan-narthex ġew impittra fl-1569. Dawk l-affreski jinkludu rappreżentazzjoni mill-aqwa tal-Aħħar Ġudizzju fin-naħat ta' fuq u r-ritratt tal-mara ta' Nemanja, Ana, bħala s-soru Anastasia.
L-iżjed affresk bikri fil-Knisja tar-Re jirrappreżenta l-ogħla kisba tal-arti Biżantina fir-reġjun. L-affreski fin-narthex ta' Radoslav u l-parecclesions joriġinaw mis-snin 30 tas-seklu 13 u juru affinità sew mal-istil tat-tpittir tal-knisja prinċipali. Il-kappella tat-Tramuntana, iddedikata lil San Nikola, fiha kompożizzjoni tal-Hetoimasia u ċiklu dwar il-ħajja ta' San Nikola. Fil-kappella tan-Nofsinhar, wieħed isib ir-ritratti ta' Nemanja, Stefan l-Ewwel Inkurunat u r-Re Radoslav flimkien ma' martu Ana. Mal-ħajt tat-Tramuntana tan-narthex, hemm l-affresk ta' tliet dinjitarji tal-Knisja Serbjana: l-Arċisqfijiet Sava, Arsenije u Sava II (ħu Radoslav).
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Monasteru ta' Studenica ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Difniet
immodifika- Stefan Nemanja;
- Stefan Radoslav tas-Serbja.
Gallerija
immodifika-
Mappa tal-kumpless tal-Monasteru ta' Studenica.
-
Ċelel monastiċi.
-
Dettall tat-tiżjin tal-knisja.
-
Il-Knisja tal-Madonna.
-
Il-Knisja tar-Re.
-
Id-Daħla tat-Teotokos Imqaddes għat-Tempju, affresk mill-Knisja tar-Re fil-Monasteru ta' Studenica, 1314.
-
Id-daħla tal-monasteru bl-iskulturi dekorattivi.
-
Torri tal-ġebel tal-monasteru.
-
Inċiżjoni tal-1758 fil-Mużew Ortodoss Serbjan f'Szentendre.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Studenica Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
- ^ Šakota, Mirjana (1986). Studenica Monastery. Institute for the Protection of Cultural Monuments of the Socialist Republic of Serbia. pp. 1–5, 20–30.
- ^ Bogdanović, Jelena (2021). Icons of Space: Advances in Hierotopy. Routledge. p. 247. ISBN 9781000410846.
- ^ Ćirković, Sima M.; Korać, Vojislav; Babić, Gordana (1986). Studenica Monastery. Jugoslovenska revija. pp. 13, 20.
- ^ Šakota, Mirjana (1986). Studenica Monastery. Institute for the Protection of Cultural Monuments of the Socialist Republic of Serbia. pp. 1–5, 20–30.