Monasteru Rjali ta' Santa Marija ta' Guadalupe

monasteru Kattoliku Ruman fi Guadalupe, Extremadura, Spanja

Il-Monasteru Rjali ta' Santa María of Guadalupe (bl-Ispanjol: Real Monasterio de Nuestra Señora de Guadalupe) huwa stabbiliment monastiku Kattoliku li nbena fis-seklu 14 u li jinsab f'Guadalupe, f'Extremadura, Spanja. Il-monasteru jinsab fil-parti t'isfel tan-naħa tal-Lvant tas-Sierra de las Villuercas u kien wieħed mill-ifjen monasteri importanti fil-pajjiż għal iktar minn erba' sekli. Il-monasteru tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-faċċata tal-Monasteru Rjali ta' Santa Marija ta' Guadalupe

Il-monasteru oriġina fl-aħħar tas-seklu 13, meta ragħaj minn Cáceres, li kien jismu Gil Cordero, skopra statwa tal-Madonna fix-xatt tax-xmara Guadalupe[2], li apparentement kienet ġiet moħbija mill-abitanti lokali biex l-invażuri Għarab fi Spanja fis-714 ma jsibuhiex. Fil-post fejn ġiet skoperta l-istatwa, inbniet kappella ddedikata lil Santa Marija ta' Guadalupe.[3]

 
Funtana bi stil Mudéjar

Ir-Re Alfonso XI, li żar il-kappella iktar minn darba, invoka lil Santa Marija ta' Guadalupe fil-Battalja ta' Rio Salado. Wara li kiseb ir-rebħa, huwa emmen fl-interċessjoni tal-Madonna, u ddikjara l-knisja ta' Guadalupe bħala santwarju rjali u wettaq programm estensiv ta' bini mill-ġdid.

Fl-1389, il-patrijiet Ġeronimiti ħadu f'idejhom il-monasteru u għamluh is-sede prinċipali tagħhom. Ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni komplew taħt l-awspiċji tal-ewwel pirjol tal-ordni, u fl-1474 Enriku IV ta' Kastilja ġie midfun f'Guadalupe, maġenb ommu.

Ir-Re Ferdinandu II ta' Aragona ta s-Sentencia Arbitral de Guadalupe fil-monasteru fil-21 ta' April 1486, u effettivament temm id-drawwiet kattivi ħafna li kellhom in-nobbli Medjevali fil-Catalonia, u li kienu jittrattaw ħażin lir-raħħala u jobbligawhom jibqgħu jaħdmu fl-artijiet tagħhom.

Il-monasteru għandu assoċjazzjonijiet importanti mad-Dinja l-Ġdida, inkluż il-gżira ta' Guadeloupe fil-Karibew. Kristofru Kolombu għamel l-ewwel pellegrinaġġ tiegħu wara li skopra l-Amerka fl-1492 proprju fil-monasteru f'Extremadura u hemmhekk stess irringrazzja lil Alla tal-iskoperta li kien għamel.

Anke wara li l-patrijiet minn Guadalupe stabbilew il-monasteru famuż ta' Escorial, li kien ferm eqreb tal-belt kapitali rjali, Madrid, il-monasteru ta' Santa Marija ta' Guadalupe żamm il-patroċinju rjali. Baqa' wkoll l-iktar kjostru importanti fi Spanja sal-Konfiska tal-monasteri fl-1835. Fis-seklu 20, il-monasteru reġa' ngħata l-ħajja mill-Ordni Franġiskana u l-Papa Piju XII ddikjara s-santwarju bħala "Bażilika Papali Minuri" fl-1955.

 
Veduta panoramika tal-faċċata ewlenija u l-pjazza ċentrali.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Monasteru Rjali ta' Santa Marija ta' Guadalupe ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Monumenti

immodifika
 
L-istruttura Barokka ottagonali tal-kjostru bl-istukko

Il-monasteru, li l-arkitettura tiegħu evolviet tul is-sekli, għadu ddominat mit-templo mayor, jew il-knisja prinċipali, li nbniet minn Alfonso XI u mis-suċċessuri immedjati tiegħu fis-sekli 14 u 15. Il-kappella tal-pjazza ddedikata lil Santa Catalina wkoll hija tas-seklu 15; din hija magħrufa għal grupp ta' oqbra ddekorati tas-seklu 17. Il-kappella tar-relikwarji tas-seklu 16 tagħti għal dik ta' Santa Catalina permezz tas-sagristija Barokka (1638-1647), imżejna minn fuq s'isfel b'serje ta' pitturi ta' Zurbarán.

Wara l-bażilika hemm il-Camarin de la Virgen, struttura Barokka ottagonali (1687-1696) bis-Sala impressjonanti bl-istukko ta' Marija Verġni u disa' pitturi ta' Luca Giordano. Il-ġojjell ta' din is-sala mżejna huwa tron bl-istatwa tal-Madonna li għaliha ssemma dan il-monasteru.

Strutturi notevoli oħra jinkludu l-kjostru bi stil Mudéjar (1389-1405), bil-portal Plateresk; il-kjostru tal-aħħar tal-Gotiku mill-1531-1533, u l-knisja l-ġdida, ikkummissjonata minn wieħed mid-dixxendenti ta' Kolombu fl-1730. B'xorti ħażina, il-palazz ta' Isabella I ta' Kastilja (1487-1491) twaqqa' fl-1856.

Is-santwarju huwa maqsum fil-komponenti li ġejjin:

  • it-Torri tal-Portería
  • it-Tempju tal-Bażilika (li tlesta fis-seklu 15)
  • il-kjostru bi stil Mudéjar (li tlesta fis-seklu 14)
  • il-kjostru Gotiku u s-sala ta' lqugħ (li tlestew fis-seklu 14)
  • it-Tempju tat-Trinità Mqaddsa (li tlesta fis-seklu 18; mill-1978 sar Awditorju)
  • il-Mużew tar-Rakkmu: li fih ilbies liturġiku magħmula bir-rakkmu fil-post bejn is-sekli 15 u 19[4]
  • il-Mużew tal-Kotba u tal-Cantonal: b'wirja ta' iktar minn disgħin oġġett, cantonal ġganteski (li huma biċċa għamara fejn jitpoġġew il-kotba liturġiċi kbar u li bihom min qed imexxi l-liturġija jista' jgħaddi minn ktieb għall-ieħor billi jdawwarhom) u żewġ passjonarji tas-seklu 15
  • il-Mużew tal-Iskultura u tal-Pittura: li jinkludi pitturi magħmula minn Goya u El Greco, kif ukoll skulturi Anequín magħmula minn Egas Cueman jew skultura ta' Kristu Msallab tal-avorju attribwita lil Mikelanġlu. Il-pitturi ta' Zurbarán jinsabu fis-sagristija l-antika.
  • Denis, Lord ta' Cifuentes

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Monastery of Santa María de Guadalupe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-17.
  2. ^ Perez, Nicolas Diaz y; Pérez, Nicolás Díaz y (1884). Diccionario histórico, biográfico, crítico y bibliográfico de autores, artistas y extremeños ilustres (bl-Ispanjol). Pérez y Boix. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  3. ^ Talavera, Gabriel de (1597). Historia de nuestra Senora de Guadalupe (bl-Ispanjol). Thomas de Guzman. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  4. ^ "Museos del Real Monasterio de Nuestra Senora de Guadalupe: Museos de Cáceres". www.xn--espaaescultura-tnb.es. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-18. Miġbur 2021-08-18.