Il-Mafja hija organizzazzjoni kriminali terroristika li bdiet fi Sqallija sa mill-bidu tas-seklu 19 u li fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin saret organizzazzjoni internazzjonali. Hija magħrufa ukoll bħala Cosa nostra (il-ħaġa tagħna).

L-Oriġini

immodifika

Cosa nostra bdiet fost il-klassi soċjali tal-massari, fattori u gabillotti, li kienu jieħdu ħsieb l-artijiet tan-nobbiltà ta' Sqallija, bl-hekk imsejħa braccianti li kienu jaħdmu fihom. Cosa nostra bdiet għax l-Istat ftit li xejn kien preżenti fit-territorju, u hekk ħadet ir-riedni hi f'idejha. Kienu nies vjolenti, li kienu jagħmlu ta' intermedjarji bejn il-proprjetarji fewdali u s-servi, u biex xogħolhom jagħmluh aħjar ġabru magħhom persuni li jesegwixxu l-ordnijiet tagħhom, imsejħin scagnozzi. Dawn il-gruppi malajr saru xi ħaġa permanenti u ħadu l-isem ta' "setet, konfraternitajiet, cosche (gruppi)".

L-ewwel dokument storiku li fih jissemma grupp mafjuż huwa fl-1837: il-Prokurator Ġenerali ta' Trapani, Pietro Calà Ulloa, jinforma lis-superjuri tiegħu f'Napli bl-attivitajiet ta' setet strambi imdaħħlin f'attività kriminali li kienu jikkorompu ukoll lill-impjegati pubbliċi. Fl-1863 Giuseppe Rizzotto kiteb flimkien ma' Gaspare Mosca, I mafiusi de la Vicaria, opra teatrali bl-Isqalli ambjentata fil-Grandi Prigioni ta' Palermo. Kien b'dan id-dramm li nqaleb għat-Taljan u kellu suċċess kbir, li l-kelma mafia saret kelma popolari mal-Italja kollha. Sa dak iż-żmien il-mafja kienet tidher bħala struttura 'il barra mill-Istat, iżda fl-istess ħin marbuta sew miegħu.

Il-mafja kompliet tikber grazzi għal dak li ġara fi żmien l-Unità tal-Italja u wara, l-iktar minħabba l-kriżi ekonomika akuta li din ġabet fi Sqallija u fin-nofsinhar tal-Italja. L-Istat ma kienx qed jirnexxilu jkollu kontroll dirett u stabbli tat-tmexxija ta' Sqallija, li l-organizzazzjoni soċjali tagħha kienet ferm differenti minn dik tan-nord, u beda jħalli f'idejn il-gruppi mafjużi, li billi kienu jafu sew il-mekkaniżmi lokali, malajr ħadu post il-gvern ċentrali.

Wieħed mill-aktar proċessi famużi ta' dak iż-żmien seħħ fl-1885 kontra l-membri tal-"Fratellanza di Favara", grupp mafjuż f'Agrigento li kellu ritwal ta' inizzjazzjoni li jixbah lil tal-mażuni. Dawn kienu jniggżu s-suba' l-werrej tal-membri ġodda, iħallu marka tad-demm fuq santa, u jaħarqu s-santa filwaqt li l-mafjuż il-ġdid jirreċita formula ta' ġurament: ċerimonja bħal din kienet tipika tal-gruppi mafjużi ta' Palermo, li ħafna mill-membri tal-"Fratellanza" kienu daħlu fihom fl-1879, meta spiċċaw il-ħabs flimkien ma' mafjużi Palermitani fil-ħabs ta' Ustica.

Fl-1893, wara d-delitt tal-Markiż Notarbartolo, l-eżistenza ta' Cosa nostra (u tar-rapporti tagħha mal-politika) saret magħrufa mal-Italja kollha.

Il-bdiewa jridu l-art

immodifika

Minkejja li wara l-Unità tal-Italja suppost kienet intemmet il-ħakma fewdali, fi Sqallija l-bdiewa kienu għadhom jinħaqru qatigħ. Il-proprjetarji kbar tal-artijiet kienu jgħixu f'Palermo jew fi bliet kbar oħra u kienu jikru l-artijiet lill-gabillotti b'kuntratti għal żmien qasir, u dal-fatt kien iġiegħel lill-gabillott jisfrutta lill-bidwi. Biex ma jkollux rivolti mill-bdiewa u jkun jista' jaħdem aħjar, il-gabillott kien jaqbillu jingħaqad mal-mafjużi, li kienu jużaw il-poter tagħhom biex irażżnu lill-bdiewa u ukoll jużaw il-konoxxenzi li l-mafjużi kellhom f'Palermo, fejn kienu jiġu ffirmati ħafna mill-kuntratti tal-għelieqi.

Sa mill-1891 fi Sqallija kollha l-bdiewa bdew jingħaqdu f'faxxi (fasci), speċi ta' unions tal-bdiewa mmexxija mis-Soċjalisti tal-post, li bdew jitolbu għal kuntratti iktar ġusti u l-ġid ikun imqassam aħjar. Ma kinux movimenti rivoluzzjonarji fil-veru sens tal-kelma iżda xorta ġew kundannati mill-gvern ta' Ruma li fil-persuna ta' Crispi, fl-1893 bagħat l-eżerċtu biex jeqridhom bil-forza. Giuseppe de Felice Giuffrida, il-fundatur tal-fasci siciliani, kien proċessat u mitfugħ il-ħabs.

Qabel ma l-Faxxi nqerdu, il-mafja kienet ppruvat tinfilsa fihom in-nies tagħha, biex jekk dawn jirnexxu, hi ma titlifx il-privileġġi tagħha. Iżda fl-istess ħin baqgħet tgħin lill-gabillotti biex hekk, jirbaħ min jirbaħ, hi dejjem se tkun minn fuq għax tidher bħala medjatriċi bejn iż-żewġ naħat.

Meta kien ċar li l-Istat kien se jdaħħal il-liġi marzjali, il-"Fratellanza", msejħa ukoll l-"Onorata Società" (kif kienet tissejjaħ Cosa nostra), inqatgħet mill-Faxxi(li kienu għamlu minn kollox biex ma jħallux mafjużi jidħlu magħhom, u ħafna drabi rnexxielhom) u bdiet tgħin lill-gvern fir-ripressjoni tagħhom (tal-Faxxi). Bħala "vendetta" kontra l-Faxxi, li ħaduha kontra s-setgħa tal-propjetarji kbar imsejħin latifondisti, fl-1915 f'Corleone il-mafjużi qatlu lil Bernardino Verro, li kien fost l-aqwa mexxejja tal-Faxxi fis-snin disgħin tas-seklu dsatax.

Il-Priministru Giolitti ippermetta li l-koperattivi jissellfu mill-banek u jinnegozjaw weħidhom, bla gabillotti, kuntratti diretti mal-proprjetarji tal-artijiet. Dan, flimkien ma' liġi elettorali ġdida li tat il-vot lill-irġiel kollha, wasslu mhux biss għar-rebħa ta' ħafna sindki Soċjalisti f'diversi bliet Sqallin, imma wkoll għat-tmien tal-irwol li kellha l-mafja fil-medjazzjoni għall-kuntratti.

Biex teqred il-periklu "aħmar", il-mafja kellha tingħaqad mal-Knisja Kattolika fi Sqallija, anke hi inkwetata bl-influwenza Komunista fost l-Isqallin. Għalhekk il-koperattivi Kattoliċi bdew iħallu mafjużi fosthom, bil-patt li dawn jagħmluha diffiċli għas-Soċjalisti. Fil-bidu tas-seklu għoxrin il-mafja bdiet toqtol lis-sindki, trejdjunjonisti, attivisti u bdiewa, l-importanti li jkunu Soċjalisti.

It-tema tal-art miċħuda lill-bdiewa baqħet waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-battalja soċjali fi Sqallija sa wara t-tieni Gwerra Dinjija.

Ir-Rapport Sangiorgi

immodifika

Ermanno Sangiorgi, intbagħat f'Palermo bħala Kwestur tal-Pulizija fl-1898 waqt li kienet għaddejja gwerra bejn il-mafjużi, li kienet ilha sejra sentejn. Meta kien qiegħed jindaga fuq id-delitti mwettqa mill-mafjużi ta' Conca d'Oro, Sangiorgi fehem li l-omiċidji ma kinux ġejjin minn inizjattivi individwali, iżda kienu ġejjin minn regoli u deċiżjonijiet kolleġjali, u sistema ta' kontroll tat-territorju. Sangiorgi skopra ukoll li l-iktar żewġ familji sinjuri ta' Palermo, Florio u Whitaker, kienu ħaġa waħda mal-mafjużi ta' Conca d'Oro, li kienu jqabbduhom bħala gwardjani u fattori fl-artijiet tagħhom u jħallsuhom biex joffrulhom "protezzjoni".

F'Ottobru 1899 Francesco Siino, kap tal-koska ta' Malaspina li ħelisha b'xortih fi sparatura min-nies ta' Antonino Giammona, kap tal-koska tal-Uditore, fil-kuntest ta' gwerra tal-mafja, kien issikkat minn Sangiorgi u stqarr li r-rival tiegħu Giammona kien qed jipprova jeħodlu r-racket tan-negozju tal-lumi, tas-serq, tal-estorsjonijiet u l-falsifikazzjoni tal-flus. Sab ukoll li l-Conca d'Oro kienet maqsuma fi tmien gruppi (cosche) mafjużi:

1.Piana dei Colli,

2.Acquasanta,

3.Falde,

4.Malaspina,

5.Uditore,

6.Passo di Rigano,

7.Perpignano,

8.Olivuzza.

Sangiorgi, fuq din il-bażi, għamel ħafna arresti. Fil-lejl bejn is-27 u t-28 ta' April 1900 il-Kwestura arrestat ħafna mafjużi, fosthom Antonino Giammona. Lill-Prokura ta' Palermo, Sangiorgi bagħthilha rapport ta' 485 paġna li kien fih mappa tal-organizzazzjoni tal-mafja ta' Sqallija b'total ta' 280 "uomo d'onore". Il-proċess beda f'Mejju 1901 imma Siino irritratta għal kollox id-dikjarazzjonijiet li kien għamel qabel. Wara biss xahar, waslu l-kundanni fl-ewwel grad: 32 imputat biss instabu ħatja li waqqfu assoċjazzjoni kriminali, u billi diġà kienu qattgħu xi żmien fil-ħabs, l-għada ħafna minnhom inħelsu.

L-Ewwel Gwerra Dinjija u l-Konsegwenzi tagħha

immodifika

Fl-1915, l-Italja daħlet fil-Gwerra u mijiet ta' eluf ta' żgħażagħ Taljani nġabru bil-lieva. Fi Sqallija d-diżerturi kienu ħafna. Ħafna ħallew l-ibliet u marru jgħixu fil-makkja fl-intern tal-gżira, u tawha għas-serq. Minħabba nuqqas ta' ħaddiema fl-għelieqi u t-talba ta' iktar laħam għas-suldati, ħafna għelieqi spiċċaw f'mergħat għall-bhejjem. Dan żied ħafna l-influwenza ta' Cosa nostra fil-gżira kollha. Żdied is-serq tal-bhejjem, il-proprjetarji tal-art bdew ifittxu iktar l-appoġġ tal-mafjużi, milli l-awtoritajiet Statali li kienu bla saħħa, biex jiġu restitwiti lilhom il-bhejjem, imqar xi ftit minnhom. Il-boss tal-mafja kienu jimmedjaw bejn il-ħallelin u l-vittmi tas-serq, u jieħdu speċi ta' senserija.

Fi tmiem il-Gwerra, l-Italja għaddiet minn kriżi li setgħet spiċċat f'rivoluzzjoni popolari. Fin-nord il-ħaddiema strajkjaw u riedu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, u fis-sud iż-żgħażagħ kienu rrabjati li l-gvern ma żammx il-wegħdiet tiegħu, speċjalment fuq l-art għall-bdiewa.

Ma kinux ftit dawk l-Isqallin li saru banditi jew kriminali, oħrajn daħlu direttament fil-mafja u oħrajn ippruvaw jirriformaw il-faxxi jew daħlu fil-kunsilli Soċjalisti ta' Sqallija.

Kien f'din il-klima ta' tensjoni li l-Faxxiżmu għamel l-ewwel dehra tiegħu.

L-Epoka Faxxista

immodifika

Il-Faxxiżmu beda kampanja kontra l-mafja ta' Sqallija, wara l-ewwel żjara ta' Mussolini fi Sqallija f'Mejju 1924. Fit-2 ta' Ġunju tal-istess sena ntbagħat fi Sqallija Cesare Mori, l-ewwel bħala Prefett ta' Trapani, u minn Ottubru 1925 ta' Palermo, imlaqqam il Prefetto di ferro (Il-Prefett tal-ħadid), bl-inkarigu li jeqred il-mafja bi kwalunkwe mezz.

L-azzjoni ta' Mori kienet qawwija u effikaċi. Ġew arrestati u kkundannati mijiet kbar ta' mafjużi. Jibqa' magħruf l-assedju ta' Gangi li fih Mori assedja għal erba' xhur iċ-ċentru tal-belt, meqjusa bħala waħda mill-akbar fortizzi tal-mafja. F'dan iż-żmien kien arrestat il-boss Vito Cascio Ferro.

Wara arresti kbar ta' mafjużi magħrufa, il-kapijiet ta' Cosa nostra ma ħassewhomx iktar sikuri u għażlu waħda minn żewġ toroq biex salvaw ġildhom: numru minnhom emigraw lejn l-Istati Uniti, filwaqt li oħrajn baqa' moħbijin fi Sqallija.

Il-mezzi użati mill-Pulizija fil-ġlieda kontra l-mafja ġabu iktar sfiduċja fl-Isqallin fil-konfront tal-Istat. Madankollu Mori kien l-ewwel investigatur Taljan li wera li l-mafja tista' tiġi megħluba bi ġlieda li ma tħarisx lejn l-uċuħ, kif sostna iżjed tard Giovanni Falcone.

It-Tieni Gwerra Dinjija

immodifika

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna kapijiet tal-mafja italoamerikani, li kienu fil-ħabs fl-Istati Uniti, fosthom Lucky Luciano u Vito Genovese, kienu kkuntattjati mis-servizzi sigrieti Amerikani, biex jgħinu lill-Alleati jkollhom kontroll tajjeb tal-gżira bil-wegħda li kif tintemm il-Gwerra jinħelsu mill-ħabs. Ma ġewx ikkuntattjati biss boss Amerikani iżda ukoll Sqallin, bħal Vincenzo Di Carlo, Calogero Vizzini u Giuseppe Genco Russo.

Dawn il-kuntatti kellhom l-għan li jiffaċilitaw l-iżbark tal-Alleati fuq ix-xtut Sqallin, u wara li jżommu stabilità politika tal-gżira. Meta Sqallija reġgħet lura taħt il-Gvern Taljan, il-mafja reġgħet bdiet tiġi użata biex ikun miġġieled is-Soċjaliżmu u l-Komuniżmu, u hekk il-mafja reġgħet ħadet ir-ruħ wara l-era Mori.

Salvatore Giuliano

immodifika

Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Eżerċtu Volontarju għall-Indipendenza ta' Sqallija ħatret lill-bandit Salvatore Giuliano, kap ta' grupp ta' kriminali kienu jitterrorizzaw lil Sqallija kollha bl-azzjonijiet tagħhom, bħala kurunell tagħha.

Giuliano sar ħaġa waħda mal-propjetarji mafjużi u mal-politiċi tad-Democrazia Cristiana, u wettqu diversi attakki f'Palermo u fi Trapani kontra l-kwartieri tal-Partit Komunista u l-Partit Soċjalista: attakki li laħqu l-quċċata tagħhom fl-Istraġi ta' Portella della Ginestra (1 ta' Mejju 1947), kontra l-manifestanti Soċjalisti u Komunisti fi Piana degli Albanesi (Palermo), li fiha nqatlu 11-il ruħ u 27 spiċċaw feruti.

Il-grupp ta' Giuliano sfaxxa wara l-arresti li saru mill-pulizija u l-istess Salvatore Giuliano inqatel fl-1950 mil-logutinent tiegħu Gaspare Pisciotta, fuq ordni tal-kapijiet mafjużi li ma kellhomx iżjed bżonnu u għax kien jaf wisq fuq x'kien hemm wara l-Istraġi ta' Portella della Ginestra u fuq ir-rabtiet bejn il-mafja u l-politika. Iżjed tard Pisciotta ġie arrestat u miet avvelenat fil-ħabs tal-Ucciardone fl-1954 għax ried jikxef min kienu l-mandanti tal-Istraġi ta' Portella della Ginestra.

"Il Sacco di Palermo"

immodifika

Il-perjodu ta' wara l-gwerra ra żied ta' bini f'daqqa f'Palermo. Il-bombi tal-Alleati matul il-gwerra kienu ħallew madwar 14,000 ruħ bla dar f'Palermo, u kien hemm domanda kbira għal djar ġodda iktar ma n-nies bdew jersqu lejn il-belt mill-kampanja. Ħafna mill-bini kien iffinanzjat minn flus pubbliċi. Fl-1956, żewġ uffiċjali pubbliċi b'rabtiet mal-Mafja, Vito Ciancimino u Salvatore Lima, ħadu f'idejhom l-Uffiċju għax-Xogħlijiet Pubbliċi ta' Palermo. Bejn l-1959 u l-1963, 80% tal-permessi tal-bini ngħataw lill-istess ħamsa min-nies, mafjużi, li ħadd minnhom ma kellu xi kumpanija tal-bini magħrufa. Kumpaniji tal-bini li ma kinux mafjużi kellhom jibdew iħallsu l-pizzo (protection money). Qabel ma tlesta l-ippjanar tal-belt, ħafna nbena illegalment. Il-mafjużi kienu jbeżżgħu lil min jipprova joħodha kontra l-bini illegali. Dan wassal biex twaqqa' ħafna bini storiku u telgħu ħafna appartamenti li ma kinux ta' livell tajjeb. Fl-1982, Falcone kien qal, "L-organizzazzjonijiet mafjużi jikkontrollaw b'mod sħiħ il-qasam tal-bini f'Palermo – il-barrieri, l-impjanti tas-siment, id-depożiti tal-metall, il-kummerċjanti tal-kmamar tal-banju u l-bqija."

L-Ewwel Gwerra tal-Mafja

immodifika

L-Ewwel Gwerra tal-Mafja kienet l-ewwel konflitt kbir bejn il-gruppi mafjużi wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1962, il-boss mafjuż Cesare Manzella organizza spedizzjoni ta' droga lejn l-Amerika bl-għajnuna tal-familji mafjużi Greco u La Barbera. Manzella qabbad boss ieħor, Calcedonio Di Pisa, biex iwassal l-eroina. Meta l-ispedizzjoni waslet l-Amerka, ix-xerrejja Amerikani bdew jgħidu li kien hemm xi eroina nieqsa, u lil Di Pisa ħallsuh inqas. Di Pisa akkuża lill-Amerikani li serquh, filwaqt li l-familja La Barbera akkużat lil Di Pisa li kien hu li seraq id-droga li kien hemm nieqsa. Il-Commissione żammet ma' Di Pisa, u dan inkorla lil La Barbera. La Barbera qatlu lil Di Pisa u Manzella, u hekk skatenaw gwerra.

Ħafna persuni li ma kinux mafjużi nqatlu f'din il-gwerra. F'April 1963, ħafna nies ġew feruti fi sparatura li kien hemm Palermo. F'Mejju, Angelo La Barbera irnexxielu jiskappa attentat ta' qtil f'Milan. F'Ġunju, sitt uffiċjli militari u pulizija inqatlu f'Ciaculli inqatlu meta ppruvaw jiddiżżineskaw bomba li kienet indirizzata għall-mafjuż Salvatore Greco. Dawn it-traġedji ġabu rabja mal-pajjiż u wasslu biex ikun elfejn arrest ta' mafjużi. L-attività mafjuża naqset qatigħ għax il-gruppi mafjużi sparpaljaw u ħafna mafjużi marru jinħbew. Il-Commissione xoljiet u damet sal-1969 biex reġgħet issawret. 117 -il suspettat tressqu l-qorti fl-1968, imma ħafna minnhom inħelsu jew ingħataw sentenzi ħfief.

Fl-1973 Leonardo Vitale, mafjuż ta' Altarello di Baida, ta ruħu spontjament f'idejn il-kwestura ta' Palermo u stqarr li wara li kellu kriżi reliġjuża hu ried jibda ħajja ġdida; akkuża lilu nnifsu b'ħafna reati, irrivela għall-ewwel darba l-eżistenza ta' "Commissione" u ddeskriva r-rit ta' inizjazzjoni ta' Cosa Nostra u l-organizzazzjoni ta' grupp mafjuż: l-ewwel każ ta' mafjuż li ddeċieda minn jeddu li jgħin lill-awtoritajiet. Iżda lil Vitale ma emmnuhx u tefgħuh f'manikomju kriminali għax iddikjarawh "seminfermo di mente"; iżda meta fl-1984 ħareġ mill-manikomju nqatel mill-mafja b'żewġ tiri hu u ħiereġ mill-knisja flimkien ma' ommu.

Traffiċi kbar

immodifika

Fis-sebgħinijiet it-traffiċi illegali, speċjalment il-kuntrabandu tas-sigaretti, ħalla ħafna qligħ għall-mafja. Il-boss Sqallin u Naplitani mexxew monopolju ta' bejgħ ta' sigaretti f'Napli. U meta r-raffineriji tal-eroina f' Marseilles li kellhom il-kriminali ta' Korsika ingħalqu mill-awtoritajiet Franċiżi, it-traffikanti bdew iħarsu lejn Sqallija. Mill-1975, Cosa Nostra fetħet raffineriji tal-eroina mxerrdin ma' Sqallija. Barra dan bdiet tikkontrolla ukoll it-tqassim tagħha. Il-mafjużi Sqallin marru personalment l-Istati Uniti biex jikkontrollaw it-tqassim tagħha hemm. Id-dipendenza fuq l-eroina fl-Ewropa u fl-Amerika żdiedet u l-qabdiet ta' droga mill-pulizija żdiedu ukoll. Fl-1982, il-mafja ta' Sqallija kienet tikkontrolla 80% tat-traffikar tal-eroina fil-Grigal tal-Istati Uniti. L-eroina kienet titqassam lid-dealers minn pizzeriji b'sidien mafjużi, u d-dħul jidher bħala qligħ tar-ristoranti (l-hekk imsejħa Pizza Connection).

It-Tieni Gwerra tal-Mafja

immodifika

Fil-bidu tas-sebgħinijiet, Luciano Leggio, boss ta' Corleone u membru tal-"Commissione", ġabar gruppi ta' mafjużi msejħin Corleonesi. Dawn bdew jaraw kif jieħdu taħt idejhom Cosa Nostra u t-traffikar tad-droga. Billi Leggio ntefa' l-ħabs fl-1974, hu kien jaġixxi permezz tal-viċi tiegħu, Salvatore Riina, li iktar tard beda jmexxi hu. Il-Corleonesi żiedu l-membri tagħhom b'kull mod. Fl-1977, il-Corleonesi irnexxielhom ikeċċu lil Gaetano Badalamenti mill-Commissione għax akkużawh li kien qed jaħbi d-dħul mit-traffikar tad-droga. F'April 1981, il-Corleonesi qatlu membru rivali ieħor tal-Commissione, Stefano Bontade, u hekk skatenat it-Tieni Gwerra tal-Mafja. Mijiet ta' mafjużi u qraba tagħhom inqatlu, xi drabi minn tradituri mill-istess grupp. Hekk il-Corleonesi bdew jiddominaw il-Commissione u Riina sar "il boss dei boss" tal-mafja ta' Sqallija.

Fl-istess żmien huma għamlu kampanji ta' qtil ta' ġurnalisti, uffiċjali, u pulizija li b'xi mod sfidawhom. Il-Ġeneral Carlo Alberto Dalla Chiesa inħatar Prefett ta' Palermo fl-1982 iżda wara biss tliet xhur inqatel mill-mafja meta kien fil-karozza tiegħu flimkien ma' martu. Huwa ma kienx ingħata il-poteri speċjali u l-mezzi li kien imwiegħed mill-politiċi li kellu jingħata. Il-pulizija kienet frustrata bin-nuqqas ta' għajnuna min-naħa tal-politiċi. Fil-funeral ta' Beppe Montana, pulizija maqtul mill-mafjużi fl-1985, il-pulizija insultaw u beżqu żewġ politiċi preżenti, u qamet ġlieda bejnhom u l-pulizija militari.

Il-Maxiprocesso u l-Qtil tal-Maġistrati

immodifika

Fil-bidu tas-snin tmenin, il-maġistrati Giovanni Falcone u Paolo Borsellino bdew kampanja kontra Cosa Nostra. Importanti kien l-arrest ta' Tommaso Buscetta, mafjuż li ddeċieda li jitkellem u jikxef is-sistema mafjuża wara li l-Corleonesi, qatlulu lil ħbiebu u lil qrabatu. Mafjużi oħra għamlu bħalu. Falcone u Borsellino ġabru x-xhieda tagħhom u organizzaw il-Maxiprocesso, li dam għaddej sentejn, mill-1986 sal-1987, f'qorti taħt l-art mibnija għall-okkażjoni. Tressqu 474 mafjuż li 342 minnhom instabu ħatja.

Il-Mafja pattietha qares. Fl-1988, qatlu maġistrat Palermitan Antonino Saetta u lil ibnu; tliet snin wara prosekutur u Libero Grassi, negozjant anti-mafia ukoll inqatlu. Salvatore Lima, alleat politiku tal-mafja, inqatel għax ma rnexxilux ibiddel is-sentenzi li kienu ngħataw il-mafjużi kif kien wiegħed li se jagħmel. Falcone u Borsellino inqatlu bil-bombi fl-1992. Dan wassal għall-arrest ta' Salvatore Riina f'Jannar 1993. Ħafna saru pentiti u kellhom iħallsu prezz għoli għax tkellem, bħal Francesco Marino Mannoia li qatlulu lil ommu, lil oħtu u lil zitu.

Wara l-arrest ta' Riina, il-mafja bdiet kampanja ta' terroriżmu fl-Italja. Postijiet turistiċi bħal Via dei Georgofili f'Firenze, Via Palestro f'Milan, u Piazza San Giovanni in Laterano u Via San Teodoro f'Ruma kienu attakkati, b'għaxar persuni mejta u 93 ruħ feruti, u wirt kulturali bħall-Uffizi ġarrbu ħsarat kbar. Meta Papa Ġwanni Pawlu II ikkundanna l-mafja, tqiegħdu bombi ma' żewġ knejjes f'Ruma u nqatel qassis anti-Mafja Don Pino Puglisi.

Għal xi żmien Leoluca Bagarella mexxa flok Riina, iżda mbagħad ħa l-kontroll Bernardo Provenzano li nqabad u ntefa' l-ħabs fl-2006, wara 43 sena maħrub. Provenzano waqqaf il-vjolenza u daħħal il-pax mafiosa. Wara Provenzano beda jmexxi Matteo Messina Denaro li għadu mfittex mill-pulizija.

L-Ewwel Kotba bil-Malti dwar il-Mafja

immodifika

Nhar id-19 ta’ Lulju 2017, Say it Publications ippubblikaw u nedew żewġ kotba bl-isem “Sfidaw lill-Mafja” ta’ Robert Aloisio fl-okkażjoni tal-25 sena mill-qtil taż-żewġ imħallfin Palermitani, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. It-tnedija saret fiċ-Ċentru Ħanin Samaritan, Santa Venera. Borsellino nqatel propju bħal dakinhar, nhar id-19 ta’ Lulju 1992, fil-ħamsa ta’ filgħaxija, minn karozza bomba pparkjata taħt id-dar ta’ ommu.

Dawn il-kotba Aloisio kitibhom biex ma ninsewx. Il-25 sena mill-qtil barbaru tal-imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino ma riedx iħallih anniversarju li jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Tassew li dawn l-eroj ma kinux Maltin. Kienu Sqallin. Imma qabelxejn kienu persuni onesti, korretti u ġusti.

“Sfidaw lill-Mafja” u “Falcone u Borsellino: Żewġ lmħallfin li Sfidaw lill-Mafja”, Aloisio kitibhom biex jagħti tama u jfakkar li ma rridu qatt nidraw il-ħażen, ikunx mafja jew xi ħaġa oħra, u m’għandna qatt nirrassenjaw ruħna għalih. Il-ġwejjef u l-beżżiegħa jagħmlu hekk.

Suġġetti trattati fil-kotba

immodifika

• L-istorja tal-Imħallef Giovanni Falcone li l-mafja użat nofs tunnellata splussiv biex toqtlu. Għaliex il-mafja kienet tobogħdu daqshekk?

• L-istorja tal-Imħallef Paolo Borsellino li wara li qatlu lil sieħbu Falcone kien jaf li kien imiss lilu. Għaliex baqa’ hemm u ma telaqx minn Sqallija?

• L-istorja ta’ Rosaria, armla żagħżugħa li l-għajta tagħha fil-knisja, għajta ta’ maħfra u ġustizzja, għadha tidwi sal-lum. Għaliex?

• L-istorja ta’ Tommaso Buscetta, is-superboss tal-mafja, li wara li l-Corleonesi mafjużi qatlulu tnax-il membru tal-familja tiegħu, fosthom tnejn minn uliedu, iddeċieda li jikkollabora mal-ġustizzja u kixef is-sistema mafjuża.

• L-istorja ta’ Totò Riina, “il capo dei capi”, li minn kriminal żgħir ta’ serq ta’ bhejjem spiċċa biex sar il-kap tal-mafja kollha ta’ Palermo. Kif irnexxielu jagħmel dan?

• Ir-rabta bejn il-mafja ta’ Sqallija u Malta. Veru li Totò Riina kien ikun spiss Għawdex? Veru li dak li għafas ir-remote u sploda lil Falcone ftit qabel kien ukoll Għawdex?

• X’kienu ġew jagħmlu Malta t-tliet ulied tal-Imħallef Borsellino, tliet xhur wara li qatlulhom lil missierhom? Intervista ma’ min kien responsabbli li ġabhom hawn Malta.

• Intervista esklussiva ma’ Maria Falcone, oħt l-Imħallef Falcone, b’messaġġ lill-qarrejja u liż-żgħażagħ Maltin.

• Dizzjunarju ta’ termini assoċjati mal-mafja.

• 100 kwotazzjoni minn fomm dawk li ġġieldu lill-mafja.

Silta mill-ktieb ġdid “Falcone u Borsellino: Żewġ lmħallfin li Sfidaw lill-Mafja”

immodifika

"Il-Ħadd 19 ta’ Lulju 1992. Borsellino joħroġ sigarett mill-pakkett. Xemx taqli l-ġrieden. Bil-kemm jilħaq jieħu nifs, fuq xufftejh għandu tbissima, jgħolli subgħu biex iċempel l-intercom. Il-ħamsa neqsin żewġ minuti, ta’ filgħaxija. U Palermo terġa’ ssir qisha Bejrut. Il-Fiat 126, b’madwar disgħin kilo splussiv tip Semtex-H tisplodi fi Triq D’Amelio 21, taħt il-blokk fejn kienet toqgħod omm l-Imħallef.

Splużjoni, duħħan, fjammi, demm u biċċiet ta’ iġsma: għal sittin sekonda sħaħ ix-xemx tgħattiet għal kollox. Il-Fiat 126 taret tletin metru minn fejn kienet. Il-karozzi bulletproof tal-pulizija tal-iskorta nqerdu. Tletin karozza oħra li kienu pparkjati hemm ħadu n-nar. L-iġsma ta’ Borsellino u tal-pulizija tal-iskorta Agostino Catalano, Walter Eddie Cusina, Emanuela Loi, Vincenzo Li Muli, u Claudio Traina nħarqu u ttertqu, b’biċċiet minnhom itiru u jaħbtu mal-asfalt tat-triq. Il-pistoli li kellhom f’idejhom kienu ħadu u splodew f’idhom tant li id wieħed minnhom instabet fis-sitt sular ta’ bini fil-qrib.

Ix-xenarju deskritt mill-pulizija li waslu fuq il-post kien dak ta’ “għexieren ta’ karozzi meqruda mill-fjammi, oħrajn li kienu għadhom jinħarqu, balal li minħabba s-sħana bdew jisplodu weħidhom, nies tgħajjat u titlob l-għajnuna, u iġsma mtertqin, tal-biża’.” Saret ukoll ħsara kbira fil-bini u fil-ħwienet tal-post. “Kulħadd f’Palermo kien jaf li wara l-Imħallef Falcone, il-vittma li jmiss kien Borsellino,” jirrakkonta Vullo, “bejnietna l-pulizija kien isir dan id-diskors: inti pulizija tal-iskorta ta’ Borsellino? Il-Bambin iħarsek. U hekk xahar qabel, saħħew is-sigurtà kullimkien. Minbarra f’via D’Amelio”.

Lil ommu, Borsellino spiss kien iżurha, u kien jiftiehem magħha bit-telefon. Kieku kien hemm sigurtà f’dik it-triq, kien hemm probabbiltà kbira li xi pulizija jinnota n-number plate ta’ dik il-Fiat 126 misruqa ipparkjata propju taħt il-blokk. Ibnu Manfredi, meta kien Malta, irrakkonta li omm Borsellino, Maria Pia, niżlet tara lil binha mtertaq biċċiet: “Bqajna miblugħa bin-nanna li fl-età ta’ 83 sena niżlet it-taraġ tad-dar tagħha mfarrka. Niżlet ħdejn il-karozza mfarrka ta’ missieri u talbet fuq dak li kien fadal mill-papà.” Omm Borsellino mietet ħames snin wara, fl-1997. Manfredi konvint li l-qtil ta’ missieru seta’ ġie evitat."

Ħoloq esterni

immodifika