Luigi Boccherini

kompożitur u vjolinċellist Taljan u mbagħad Spanjol

Ridolfo Luigi Boccherini (twieled fid-19 ta' Frar 1743 – miet fit-28 ta' Mejju 1805)[1] kien kompożitur u vjolinċellist Taljan, u iktar 'il quddiem Spanjol, tal-era klassika b'mużika bi stil galante u tal-qorti anke meta mmatura kemxejn lil hinn miċ-ċentri mużikali Ewropej maġġuri. Huwa magħruf l-iktar għal minwett mill-Kwintett tal-Korda bl-E tiegħu, Op. 11, Nru 5 (G 275), u l-Kunċert tal-Vjolinċell b'B ċatta maġġuri (G 482). Dan ix-xogħol tal-aħħar baqa' magħruf fit-tul bil-verżjoni alterata ferm mill-vjolinċellist u arranġatur prolifiku Ġermaniż Friedrich Grützmacher, iżda dan l-aħħar ġiet irranġata mill-ġdid fil-verżjoni oriġinali tagħha.

Luigi Boccherini
Ħajja
Twelid Lucca, 19 Frar 1743
Nazzjonalità Repubblika ta' Lucca
Mewt Madrid, 28 Mejju 1805
Kawża tal-mewt kawżi naturali (tuberkulożi)
Familja
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Spanjol
Għalliema Giovanni Battista Costanzi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni vjolinċellist
kompożitur
Xogħlijiet importanti Kwintett tal-Korda bl-E maġġuri, Op. 11, Nru 5
Symphony Op. 12 No. 4 (Boccherini) (en) Translate
Moviment artistiku mużika klassika
Strument/i tal-mużika vjolinċell

Ix-xogħol ta' Boccherini jinkludi wkoll diversi kwintetti tal-kitarra. Il-moviment finali tal-Kwintett Nru 4 tal-Kitarra f'D (G 448) huwa fandango, żifna Spanjola ferrieħija.

Bijografija

immodifika
 
Monument iddedikat lil Luigi Boccherini f'Lucca

Boccherini twieled f'familja ta' mużiċisti f'Lucca, l-Italja fl-1743.[2] Huwa kien it-tielet wild ta' Leopoldo Boccherini, vjolinċellist u kuntrabaxxist, u ħu Giovanni Gastone Boccherini, poeta u żeffien li kien jikteb libretti għal Antonio Salieri u Joseph Haydn.[3] Luigi ngħata l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika tiegħu, meta kellu ħames snin, minn missieru, li għallmu jdoqq il-vjolinċell, u meta kellu disa' snin kompla l-istudji tiegħu ma' Abbé Vanucci, direttur mużikali ta' katidral lokali, f'San Martino. Meta ibnu għalaq tlettax-il sena, Leopoldo Boccherini bagħtu jistudja f'Ruma ma' Giovanni Battista Costanzi.[4] Fl-1757 Luigi Boccherini u missieru marru flimkien lejn Vjenna, fejn il-qorti impjegathom bħala mużiċisti fil-Burgtheater. Fl-1761 Boccherini mar Madrid, u fl-1770 beda jdoqq għal Infante Luis Antonio ta' Spanja (1727–1785), ħu ż-żgħir tar-Re Karlu III ta' Spanja. Hemmhekk, Boccherini ffjorixxa taħt il-patroċinju rjali, sakemmm darba fost l-oħrajn, meta r-re esprima n-nuqqas ta' approvazzjoni tiegħu għal silta minn trio ġdid, u ordna lil Boccherini biex jibdilha. Il-kompożitur, bla dubju irritat b'din l-intrużjoni fl-arti tiegħu, minflok irdoppja s-silta, u dan wassal biex jitkeċċa minnufih. Imbagħad akkumpanja lil Don Luis (Infante) lejn Arenas de San Pedro, raħal żgħir fil-Muntanji Gredos f'Ávila; hemmhekk u fl-eqreb raħal ta' Candeleda, Boccherini kiteb ħafna mill-iktar xogħlijiet famużi tiegħu.

Patruni oħra iktar 'il quddiem kienu jinkludu l-ambaxxatur Franċiż fi Spanja, Lucien Bonaparte (1775–1840), kif ukoll ir-Re Friedrich Wilhelm II tal-Prussja (1744–1797), li kien hu stess vjolinċellist u flawtist dilettant, u kien jappoġġa ferm l-arti. Boccherini għadda minn żmien iebes wara li mietu l-patrun Spanjol tiegħu (fl-1785), iż-żewġ nisa tiegħu (fl-1785 u fl-1805), u l-erbat itfal bniet tiegħu (fl-1796, fl-1802 u 1804). Huwa miet f'Madrid fl-1805, u ħalla warajh liż-żewġ subien tiegħu.[5] Il-katavru tiegħu ndifen fil-Bażilika Pontifiċa ta' San Mikiel f'Madrid sal-1927, u mbagħad il-katavru tiegħu ttieħed l-Italja u ndifen fil-Knisja ta' San Franġisk f'raħal twelidu Lucca.

Xogħlijiet

immodifika
 
Tpinġija bil-lapes ta' bust ta' Luigi Boccherini magħmula minn Etienne Mazas

Il-biċċa l-kbira tal-mużika tal-kamra ta' Boccherini ssegwi l-mudelli stabbiliti minn Joseph Haydn; madankollu, Boccherini spiss jingħata l-kreditu li tejjeb il-mudell ta' Haydn tal-kwartett tal-korda billi ġab il-vjolinċell fi prominenza, filwaqt li Haydn spiss kien irrelegah għal rwol ta' akkumpanjament. Xi sorsi għall-istil ta' Boccherini huma x-xogħlijiet ta' vjolinċellist Taljan famuż, Giovanni Battista Cirri, li twieled qabel Boccherini u qabel Haydn, u l-mużika popolari Spanjola.

Bħala vjolinċellist virtwuż, Boccherini sikwit kien idoqq ir-repertorju tal-vjolin fuq il-vjolinċell, b'tonalità, ħila li żviluppa billi kien jissostitwixxi l-vjolinisti waqt il-kunċerti. Din il-ħakma suprema tal-istrument wasslitlu ħafna tfaħħir mill-kontemporanji tiegħu (b'mod partikolari Pierre Baillot, Pierre Rode, u Bernhard Romberg), u hija evidenti fil-partijiet tal-vjolinċell fil-kompożizzjonijiet tiegħu (partikolarment fil-kwintetti għal żewġ vjolinċelli, spiss ittrattati bħala kunċerti tal-vjolinċell b'akkumpanjament ta' kwartett tal-korda).

Huwa kiteb ammont kbir ta' mużika tal-kamra, inkluż iktar minn mitt kwintett tal-korda għal żewġ vjolini, vjola u żewġ vjolinċelli (tip li kien pijunier tiegħu, f'kuntrast mal-kompożizzjoni iktar komuni dak iż-żmien għal żewġ vjolini, żewġ vjoli u vjolinċell), tużżana kwintetti tal-kitarra, li mhux kollha waslu sa żminijietna, kważi mitt kwartett tal-korda, u għadd ta' trios u sonati tal-korda (inkluż mill-inqas 19 għall-vjolinċell). Il-mużika tal-orkestra tiegħu tinkludi madwar 30 sinfonija u 12-il kunċert tal-vjolinċell virtwuż.

Fl-1851, Louis Picquot kiteb bijografija ta' Boccherini u kkompila katalgu tax-xogħlijiet tiegħu.[6] Il-mużikologu Franċiż Yves Gérard ippubblika l-katalgu ta' Gérard fl-1969, u b'hekk ix-xogħlijiet bil-"G" ġew inklużi max-xogħlijiet tiegħu.

Permezz ta' digrit Ministerjali tas-27 ta' April 2006, l-Opera Omnia (xogħlijiet kompluti) ta' Boccherini ġiet promossa għall-istatus ta' Edizzjoni Nazzjonali Taljana.

L-istil ta' Boccherini huwa kkaratterizzat minn stil Rococò, leġġerezza, u ottimiżmu, u jesprimi bosta inklużjonijiet melodiċi u ritmiċi, flimkien ma' influwenzi frekwenti mit-tradizzjoni tal-kitarra tal-pajjiż li adottah, jiġiferi Spanja.

Reġistrazzjonijiet

immodifika
  • Kwintetti tal-Flawt, Op. 19, Auser Musici, Carlo Ipata, direttur, Hyperion CDA67646 (2008)

Referenzi

immodifika
  1. ^ "BOCCHERINI, Luigi in "Dizionario Biografico"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-19.
  2. ^ Jaime Tortella, Boccherini: un músico italiano en la España ilustrada, 2002.
  3. ^ "Luigi Boccherini | Italian composer | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  4. ^ "Luigi Boccherini Biography, Songs, & Albums". AllMusic (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  5. ^ Elisabeth Le Guin, Boccherini's Body: An Essay in Carnal Musicology, 2006:xxii.
  6. ^ Picquot, Louis (1851). Notice sur la vie et les ouvrages de Luigi Boccherini, suivie du catalogue raisonné de toutes ses œuvres, tant publiées qu'inédites.