Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Estonja
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2]
L-Estonja ffirmat il-Konvenzjoni fis-27 ta' Ottubru 1995, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] L-ewwel sit tal-Estonja li żdied kien iċ-Ċentru Storiku ta' Tallinn fl-1997. It-tieni sit, l-Ark Ġeodetiku ta' Struve, żdied fl-2005. Dan tal-aħħar huwa sit transnazzjonali u huwa kondiviż ma' disa' pajjiżi oħra. Iż-żewġ siti huma siti kulturali.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Ċentru Storiku ta' Tallinn | Tallinn | 1997 | ii, iv (kulturali) | Iċ-ċentru storiku ta' Tallinn huwa eżempju straordinarju ta' belt kummerċjali Medjevali tat-Tramuntana tal-Ewropa. Il-belt ġiet stabbilita madwar il-kastell tas-seklu 13 li nbena mill-Kavallieri tal-Ordni Tewtonika. Mis-seklu 13 sa 16, il-belt kienet ċentru importanti tal-Lega Anseatika, peress li kienet wieħed mill-istazzjonamenti l-iktar remoti tal-Lega. Tallinn Anseatika kienet belt sinjura, u dan joħroġ fid-dieher permezz tal-binjiet pubbliċi lussużi tagħha, inkluż il-knejjes, il-muniċipju u d-djar tal-merkanti. Is-Swar ta' Tallinn, li nbnew fis-seklu 13, fil-biċċa l-kbira għadhom jeżistu sa llum.[5] | |
Ark Ġeodetiku ta' Struve* | Parroċċa ta' Väike-Maarja, Tartu | 2005 | ii, iii, vi
(kulturali) |
L-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa serje ta' punti ta' triangulazzjoni, mifruxa fuq distanza ta' iżjed minn 2,820 kilometru minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed. Il-punti ġew stabbiliti fi stħarriġ mill-astronomu Friedrich Georg Wilhelm Struve li kien l-ewwel wieħed li wettaq kejl bir-reqqa ta' segment twil tal-meridjan – u miegħu anke d-daqs u l-għamla tad-Dinja. Oriġinarjament, kien hemm 165 punt b'kollox. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi 34 punt f'għaxar pajjiżi (mit-Tramuntana għan-Nofsinhar: in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova, l-Ukrajna), u tliet punti minnhom jinsabu fl-Estonja. L-Osservatorju l-Antik tal-Università ta' Tartu fejn hemm wieħed mill-punti jidher fir-ritratt.[6] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Estonia - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2019-11-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-30. Miġbur 2022-04-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-04-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre (Old Town) of Tallinn". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-15.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Struve Geodetic Arc". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-15.