Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Mongolja

lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Mongolja

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Mongolja rratifikat il-Konvenzjoni fit-2 ta' Frar 1990, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Il-ħitan sagri tal-monasteri tal-Wied ta' Orkhon.

B'kollox il-Mongolja għandha sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, erba' kulturali u tnejn naturali. L-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Mongolja, il-Baċir tal-Lag ta' Uvs, żdied fl-2003. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Mongolja huwa l-Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev u s-Siti Relatati ta' Żmien il-Bronż, fl-2023.

Siti ta' Wirt Dinji

immodifika

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Kriterji tal-Għażla Erja

f'ettari (akri)

Sena tad-deżinjazzjoni Deskrizzjoni
Baċir tal-Lag ta' Uvs*   Tuva naturali: (ix), (x) 2003 Dan is-sit transnazzjonali huwa magħmul minn seba' komponenti fir-Russja u ħames komponenti fil-Mongolja. Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs huwa baċir endorejku bi drenaġġ fil-Lag ta' Uvs li huwa lag kbir, baxx u mielaħ ħafna. Il-baċir fih varjetà wiesgħa ta' ħabitats, inkluż artijiet mistagħdra, steppi, tipi differenti ta' foresti, ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-ilma mielaħ, kif ukoll it-tundra muntanjuża. Iż-żona tospita diversi speċijiet ta' għasafar, leopardi tal-borra, il-gerbils tal-Mongolja, l-argali, u l-mogħoż tal-barr Siberjani.[5]
Pajsaġġi ta' Dauria*   Zabaykalsky Krai naturali: (ix), (x) 2017 Dauria, jew Transbaikal, hija reġjun fil-Lvant tal-Lag ta' Baikal. Is-sit transnazzjonali jinkludi żoni tar-Riżerva Naturali ta' Daursky fir-Russja u tliet żoni fil-Mongolja, inkluż ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Daguur. Il-pajsaġġ jinkludi ekosistemi ta' steppi differenti, foresti, bwar tal-ħaxix, kif ukoll l-artijiet mistagħdra u lagi. Iż-żona hija importanti bħala sit għat-tibjit jew rotta tal-passa għal diversi speċijiet ta' għasafar, bħall-grawwa ta' għonqha bajda, u hija wkoll żona tal-migrazzjoni tal-gazzella tal-Mongolja.[6]
Pajsaġġ Kulturali tal-Wied ta' Orkhon   Arkhangai, Övörkhangai kulturali: (ii), (iii), (iv) 2004 Il-pajsaġġ kulturali tul iż-żewġ xtut tax-xmara Orkhon ikopri mergħat estensivi u diversi siti arkeoloġiċi. Fl-inħawi kienu jgħixu diversi mewġiet ta' popli nomadiċi, u l-ewwel sinjali ta' insedjament imorru lura għal 60,000 sena ilu. Fl-aħħar żewġ millenji, il-wied kien abitat minn rgħajja nomadiċi, l-Unni, it-Torok, l-Ujgur, il-Kitan, u finalment il-Mongoli. Fis-seklu 13, il-Mongoli ħolqu l-Imperu Mongolu u l-belt kapitali tal-imperu kienet Karakorum. Fost il-monumenti fiul-wied hemm dawk maħluqa mill-Göktürk fis-seklu 8, il-fdalijiet ta' Ordu-Baliq, il-belt kapitali tal-Kaganat tal-Ujgur fis-sekli 8 u 9, u l-monasteri Buddisti ta' Erdene Zuu u Tövkhön tas-sekli 16 u 17.[7]
Kumplessi Petroglifiċi tal-Altai tal-Mongolja   Bayan-Ölgii kulturali: (iii) 2011 Dan is-sit jinkludi tliet kumplessi ta' petroglifiċi: Tsagaan Salaa-Baga Oigor, Tsagaan Gol ta' Fuq, u Aral Tolgoi, li partijiet minnu jinsabu fil-Park Nazzjonali ta' Altai Tavan Bogd. L-iżjed petroglifiċi bikrin imorru lura għall-ħabta tal-11,000 Q.K., fil-Plejstoċen Aħħari, u juru annimali bħal mammut, rinoċeronti u nagħmiet li kienu jgħixu fl-inħawi meta kienu ferm iktar kesħin u nexfin. Il-petroglifiċi mill-millenji ta' wara juru l-bidla fil-komunitajiet ta' annimali u t-tranżizzjoni minn soċjetà tal-kaċċa għal waħda bbażata fuq rgħajja nomadi li jiddependu fuq iż-żwiemel. L-iżjed fdalijiet reċenti jmorru lura għall-aħħar żmien tat-Torok (is-sekli 7 u 8 W.K.).[8]
Muntanja l-Kbira ta' Burkhan Khaldun u l-pajsaġġ sagru tal-madwar   Khentii kulturali: (iv), (vi) 2015 Huwa maħsub li l-inħawi huma l-post fejn Genghis Khan, li stabbilixxa l-Imperu Mongolu fl-1206, twieled u ndifen. Skont L-Istorja Sigrieta tal-Mongoli, huwa fformalizza l-prattika tal-qima tal-muntanja, li qabel kellha għeruq fondi fit-tradizzjonijiet xamaniċi tal-popli nomadi. Ir-rotta tal-pellegrinaġġ lejn il-muntanja tgħaddi minn tliet ovoos (giren xamaniċi tal-blat). Fl-aħħar tas-seklu 15, il-Buddiżmu ħa post il-qima tal-muntanja, iżda mis-snin 90 tas-seklu 20, uħud mit-tradizzjonijiet reġgħu ħadu l-ħajja u ġew integrati mar-ritwali Buddisti.[9]
Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev u s-Siti Relatati ta' Żmien il-Bronż   Khövsgöl, Arkhangai, il-Mongolja kulturali: (i), (iii) 2023 Is-sit jinkludi tliet siti bil-ġebel taċ-ċriev, li huwa ġebel megalitiku li jmur lura għal Żmien il-Bronż u għal Żmien il-Ħadid Bikri u li kien jintuża għal prattiki ċerimonjali u funebri. Il-ġebel huwa magħmul minn blokok tal-granit u huwa mnaqqax b'figuri ta' ċriev, kif ukoll uċuħ umani, simboli, u annimali differenti. Sa issa ġew skoperti madwar 1,200 minn dan il-ġebel. F'dawn is-siti hemm ukoll monumenti msejħa khirgisüür u lapidi funebri.[10]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mongolia - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-16.
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Uvs Nuur Basin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscapes of Dauria". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Orkhon Valley Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-16.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Petroglyphic Complexes of the Mongolian Altai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-16.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Great Burkhan Khaldun Mountain and its surrounding sacred landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-16.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Deer Stone Monuments and Related Bronze Age Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.