Kumpless tal-Kastell ta' Mir
Il-Kumpless tal-Kastell ta' Mir (bil-Belarussu: Мірскі замак, b'ittri Rumani: Mirski zamak; bir-Russu: Мирский замок; bil-Pollakk: Zamek w Mirze) huwa kastell iffortifikat storiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Belarussja.[1][2] Il-kastell jinsab fir-raħal ta' Mir, fid-Distrett ta' Karelichy tar-Reġjun ta' Hrodna, 29 kilometru (18-il mil) fil-Majjistral minn Sit ta' Wirt Dinji ieħor, il-Kastell ta' Nesvizh. Il-Kumpless tal-Kastell ta' Mir jinsab 164 metru (538 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Inbena bil-brikks fis-seklu 16 bl-istil Gotiku Aħħari, u huwa wieħed mill-ftit monumenti arkitettoniċi li għad fadal mill-eks Commonwealth bejn il-Polonja u l-Litwanja fil-Belarussja kontemporanja.
Storja
immodifikaId-Duka Juryj Ivanavič Illinič (bil-Pollakk: Jerzy Iwanowicz Ilinicz) beda l-kostruzzjoni tal-kastell qrib il-villaġġ ta' Mir fil-bidu nett tas-seklu 16 bl-istil Gotiku tal-Belarussja. Madwar il-bitħa taċ-ċittadella kien hemm ħames torrijiet, u l-ħitan taċ-ċittadella kienu jiffurmaw għamla kwadra ta' 75 metru (246 pied) fuq kull naħa. Fl-1568, meta d-dinastija Ilyinich ġiet estinta, il-Kastell ta' Mir għadda f'idejn Mikalaj Kryštafor "l-Orfni" Radziwiłł, li bidilha f'residenza b'żewġ sezzjonijiet ta' tliet sulari tul il-ħitan interni tal-Lvant u tat-Tramuntana tal-kastell. Il-faċċati ġew imkaħħla bil-ġibs u ġew imżejna b'portali tal-ġebla tal-ġir, medaljuni, gallariji u portiċi bi stil Rinaxximentali.
Fl-1817, wara li l-kastell kien ilu abbandunat għal kważi seklu u kien ġarrab ħsarat estensivi fil-Battalja ta' Mir (1812), is-sid Daminik Hieranim Radziwiłł miet mill-feriti li ġarrab matul il-battalja u l-kastell għadda għand bintu Stefania, li żżewġet lil Ludwig zu Sayn-Wittgenstein-Berleburg. Iktar 'il quddiem il-kastell sar proprjetà ta' binthom Maria, li żżewġet lill-Prinċep Chlodwig Hohenlohe-Schillingsfürst.
Binhom, Maurice Hohenlohe-Schillingsfürst, bigħ il-kastell lil Mikalaj Sviatapolk-Mirski, tal-familja Bialynia, fl-1895. Iben Mikalaj, Michail, beda r-rikostruzzjoni tal-kastell skont il-pjanta tal-arkitett Teodor Bursche. Il-familja Sviatapolk-Mirski kienet is-sid tal-kastell sal-1939, meta l-Unjoni Sovjetika okkupat il-Punent tal-Belarussja.
Meta t-truppi Ġermaniżi invadew l-Unjoni Sovjetika fl-1941, huma okkupaw il-kastell u kkonvertewh f'ghetto għall-popolazzjoni Lhudija lokali, qabel ma nqatlet. Bejn l-1944 u l-1956, il-kastell intuża bħala faċilità residenzjali, u dan wassal għal ħsarat fuq ġewwa tal-kastell.
F'Diċembru 2000, il-Kastell ta' Mir tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Kastelli oħra tal-familja Radziwiłł
immodifikaSit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Kumpless tal-Kastell ta' Mir ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Siti ta' Wirt Dinji Relatati
immodifikaGallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Mir Castle Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.
- ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2023-08-27.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Architectural, Residential and Cultural Complex of the Radziwill Family at Nesvizh". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Litomyšl Castle". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.