Kastell ta’ Litomyšl
Il-Kastell ta’ Litomyšl (biċ-Ċek: Zámek Litomyšl) huwa wieħed mill-ikbar kastelli Rinaxximentali fir-Repubblika Ċeka. Huwa proprjetà tal-istat Ċek u jinsab fir-raħal ta’ Litomyšl. Il-kastell tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Il-Kastell ta’ Litomyšl huwa eżempju straordinarju ta’ kastell bl-arkati, li huwa tip ta’ kastell li ġie żviluppat għall-ewwel darba fl-Italja u li ġie mmodifikat fir-Repubblika Ċeka sabiex tinħoloq forma evoluta ta’ kwalità arkitettonika speċjali. Fis-seklu 18 ġew miżjuda karatteristiċi Barokki.[2]
Storja
immodifikaIl-Kastell ta’ Litomyšl jinsab fis-sit fejn diġà kien hemm il-kastell tal-isqof tas-seklu 14 f’pożizzjoni elevata meta mqabbel mal-kumplament tar-raħal. Il-kastell inbena għal Vratislav tal-familja Pernštejn fl-1568-1581 mill-arkitetti Taljani Giovanni Battista u Ulrico Aostalli bħala residenza monumentali rappreżentattiva, b’ispirazzjoni mill-palazzi tal-Italja. [2]
Il-kastell huwa kumpless kumpatt bi tliet btieħi jew ġonna fil-beraħ. Il-kontorn ewlieni tal-kastell huwa diviż bi fruntuni mżerżqin u bi ċmieni. Il-karatteristika tal-kastell li tispikka l-iktar hija d-dekorazzjoni tal-faċċati bi sgraffito rikk ħafna, b’motivi f’għamla ta’ envelop u xbihat iddominati minn żewġ xeni ta’ battalji kbar, li wkoll huma frott ix-xogħol taż-żewġ arkitetti Taljani. It-tliet sulari ta’ arkati tal-bitħa ewlenija fil-beraħ huma pjuttost uniċi wkoll li jservu ta’ sfond illużiv b’veduti mill-isbaħ.[2]
Fil-kastell fuq ġewwa ġie ppreservat teatru antik tas-seklu 18, inkluż sett ta’ xenarji u dekorazzjonijiet miżbugħa ta’ Jozef Platzer. Il-binja prinċipali hija mdawra b’ġonna esterni, filwaqt li l-kumpless huwa kkonfinat mill-binja antika fejn kienu jinżammu l-karozzini, mill-istalel, mill-iskola tal-irkib taż-żwiemel, u l-birrerija Rinaxximentali oriġinali, li reġgħet inbniet bi stil Barokk fl-ewwel nofs tas-seklu 18 minn František Maxmilián Kaňka.[2]
L-għolja fejn jinsab il-kastell hija magħrufa bħala l-“Għolja tal-Kastell”, u apparti l-kastell hemm konċentrazzjoni sħiħa ta’ binjiet storiċi tar-raħal, fosthom il-Knisja tas-Salib Imqaddes flimkien mal-Kulleġġ tal-Pjaristi (magħrufa wkoll bħala l-Ordni tal-Qassisin Regolari ta’ Marija Omm Alla tal-Iskejjel tal-Ħniena; bil-Latin: Ordo Clericorum Regularium Pauperum Matris Dei Scholarum Piarum), il-ġnien tal-monasteru, u mużew li jinsab fl-eks skola Pjarista.[2]
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaIl-Kastell ta’ Litomyšl ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]