Knisja ta' San Nikola tas-Saqaf
Il-Knisja ta' San Nikola tas-Saqaf (bil-Grieg: Άγιος Νικόλαος της Στέγης, Agios Nikolaos Tis Stegis) hija knisja-monasteru Biżantin tas-seklu 11 li ffjorixxa f'Kakopetria, Ċipru. Din il-knisja hija l-unika katholikon (knisja-monasteru) Biżantin Medju eżistenti f'Ċipru tas-seklu 11 u ma tissemma mkien fid-dokumentazzjoni qabel is-seklu 13. Il-Knisja ta' San Nikola tas-Saqaf kattret il-ġid mill-perjodu Biżantin Medju sal-bidu tat-tmexxija tal-Franki, għall-ħabta tas-seklu 12. Waqt it-tmexxija tal-Franki l-knisja baqgħet miftuħa, iżda kienet isservi bħala knisja żgħira fil-kampanja u bħala sit ta' pellegrinaġġ.[1] Din il-knisja hija waħda mill-għaxar Knejjes Impittrin fir-Reġjun ta' Troodos, li tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 minħabba l-affreski straordinarji tagħhom u bħala xhieda tal-istorja tat-tmexxija Biżantina f'Ċipru.[2]
Kuntest arkitettoniku ta' Ċipru
immodifikaL-istudjuż tal-arkitettura, Charles Anthony Stewart jiddeskrivi l-knejjes Kristjani bikrin fl-artiklu tiegħu L-Ewwel Knejjes bil-Volti f'Ċipru (bl-Ingliż: The First Vaulted Churches in Cyprus): "Il-ħamsa u sittin knisja Kristjana bikrija magħrufa kollha, li jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 4 sa nofs is-seklu 7, għandhom l-istess karatteristiċi: għandhom mill-inqas tliet korsiji maqsuma minn sensiela ta' kolonni li jirfdu s-soqfa tal-injam. F'dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda binja ppjanata ċentralment, bil-koppli jew bil-volti. In-natura konservattiva tal-kostruzzjoni tal-knisja Ċiprijotta tista' tiġi spjegata bil-karattru insulari tal-Knisja...Il-Knisja Ċiprijotta setgħet iżżomm l-appuntamenti interni u d-drawwiet tagħha. Minħabba s-sistema ġerarkika indipendenti u b'saħħitha tagħha, ereżiji bħall-Arjaniżmu u l-Monofisitiżmu ma affettwawx lil Ċipru kif kienu għamlu fi provinċji Biżantini oħra"[3]. L-awtriċi Annemarie Weyl Carr tkompli tiddeskrivi l-knejjes bikrin ta' Ċipru fil-ġurnal tagħha Byzantines and Italians on Cyprus: Images from Art ("Biżantini u Taljani f'Ċipru: Immaġnijiet mill-Arti"): "Il-preżenza tal-Punent f'Ċipru Medjevali toħroġ fid-dieher fi żminijietna u ġiet studjata l-iktar f'termini tal-arkitettura Gotika lussuża tal-gżira, qalb il-minareti u s-siġar tal-palm fix-xemx Mediterranja. Inkredibbilment romantiċi, dawn il-binjiet jinvokaw immaġni ta' kultura Franċiża tal-qorti trasposta lejn il-Lvant Nofsani".[4]
L-arkitettura tal-Knisja ta' San Nikola tas-Saqaf hija msejsa fuq pjanta kwadra b'għamla ta' salib fiha u b'koppla. L-isem ġej mit-tieni saqaf tal-injam tal-knisja b'tavli ċatti.[5] Oriġinarjament, ma kien hemm l-ebda narthex jew saqaf tal-injam, li jgħatti kemm in-navata kif ukoll in-narthex. Fil-bidu tas-seklu 12, żdied in-narthex mgħotti b'kalotta u żewġ ħnejjiet trasversali. Din iż-żieda ta' saqaf wieqaf wasslet għall-isem attwali li jispiċċa b'"tas-Saqaf" (bil-Grieg: tis Stegis). L-awtur A. H. S. Megaw jikkumenta wkoll dwar iż-żieda tat-tieni saqaf, "Dan is-saqaf li żdied wara jostor taħtu knisja perfettament normali tat-tip Biżantin, imsaqqfa b'koppla...Dawn is-soqfa weqfin dak iż-żmien kienu jirrappreżentaw l-arkitettura "provinċjali" indiġena ta' din iż-żona ta' Ċipru, li temporanjament kienet ġiet miżgħuda b'koppli Biżantini aljeni".[6] Iktar 'il quddiem, id-dehra oriġinali tal-knisja ġiet alterata u dan irriżulta fil-qerda ta' xi affreski interni.[7]
Tiżjin intern
immodifikaIl-ħitan interni tal-knisja huma mżejna b'sensiela ta' affreski li saru fuq perjodu ta' 600 sena. L-ewwel fażi ta' tiżjin bdiet fis-seklu 11 u baqgħet ikkonservata minkejja l-attakki li ġarrbet iktar 'il quddiem u d-deterjorament ġenerali minħabba ż-żmien. Mill-ġdid, l-awtur A. H. S. Megaw jikkummenta dwar it-tiżjin tal-knisja li "dak li għad fadal mit-tiżjin inizjali bl-affreski mhuwiex tal-aqwa klassi, iżda xorta waħda huwa riflessjoni, anke jekk kemxejn remota, tat-tradizzjoni ċentrali ta' Kostantinopli. Fl-irjus bħal dawk tal-appostli f'xeni differenti u f'dak ta' Gabriel li ġew żvelati reċentement fl-apsida, nistgħu naraw għajnejn jiċċassaw fil-fond tal-istil tal-espressjoniżmu li l-pitturi tal-affreski ta' dak iż-żmien wirtu mill-artisti tal-minjaturi Biżantini tar-Rinaxximent tal-Maċedonja".[4] L-affreski juru xeni mill-ħajja ta' Ġesù, il-Qawmien mill-Mewt ta' Lażżru, il-Mewt tal-Verġni Marija fuq din l-art, u xi figuri iżolati.[1]
It-tieni fażi ta' tiżjin tmur lura għas-seklu 12 u tinkludi affreski fuq il-parti tal-Lbiċ tal-knisja u fuq in-narthex. L-awtur Megaw jispjega li "l-biċċa l-kbira tal-Knisja ta' San Nikola tas-Saqaf ġiet imżejna mill-ġdid fis-seklu 12 b'affreski iktar sofistikati, fosthom is-sensiela tas-soltu ta' Missirijiet tal-Knisja fuq il-ħajt tal-apsida li f'dan il-każ tinkludi rappreżentazzjoni karatteristika ta' San Epifanju. Naturalment jidher spiss fost il-Missirijiet fl-apsidi Ċiprijotti. Dan l-istil Comnemjan jidher iktar sikwit f'Ċipru, u jista' jiġi spjegat biss bl-injezzjoni ta' talent ġdid ta' artisti mgħallmin li kien tħarrġu barra mill-gżira, uħud minnhom x'aktarx f'Kostantinopli stess".[4] Għalkemm uħud mill-affreski mis-sekli 11 u 12 waslu sa żminijietna, il-biċċa l-kbira tat-tiżjin mal-ħitan tal-knisja jmorru lura għas-seklu 14. L-affreski tal-Kurċifissjoni u tal-Irxoxtar ġew impittrin fl-aħħar tas-seklu 13 sal-bidu tas-seklu 14. L-immaġni ta' Kristu Pantokrator iżżejjen il-koppla flimkien mal-profeti fuq it-tanbur tal-koppla u l-evanġelisti fuq l-erba' kurvaturi tal-koppla. Dawn it-tliet opri jmorru lura għal nofs is-seklu 14. Fin-navata u fin-narthex hemm grupp ta' qaddisin ta' daqs ta' bniedem li saru fl-istess perjodu. Fuq in-naħa tal-Majjistral tal-knisja, hemm żewġ immaġnijiet enormi ta' San Teodoru u ta' San Ġorġ.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaInizjalment, fl-1985 ġew iddeżinjati disa' knejjes u monasteri mpittrin bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni tas-Salvatur (Panagia Agia Sotira tou Soteros) f'Palaichori Oreinis żdiedet mal-lista fl-2001 bl-estensjoni tas-sit.[8] Fl-2002, il-Knisja msejħa Panagia Chrysokourdaliotissa f'Kourdali, fi Spilia, tressqet ukoll għal estensjoni ulterjuri potenzjali iżda din baqgħet fil-lista tas-siti indikattivi.[9]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "Church of Agios Nikolaos tis Stegis (St. Nicholas of the Roof), Kakopetria | Troodos". web.archive.org. 2019-06-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-06-04. Miġbur 2022-03-21.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Painted Churches in the Troodos Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.
- ^ Stewart, Charles Anthony (2010-06-01). "The First Vaulted Churches in Cyprus". Journal of the Society of Architectural Historians. 69 (2): 162–163. ISSN 0037-9808.
- ^ a b ċ Carr, Annemarie Weyl. "Byzantines and Italians on Cyprus: Images from Art". Dumbarton Oaks Papers. p. 82.
- ^ "Agios Nikolaos tis Stegis (Saint Nicholas of the Roof)". web.archive.org. 2017-12-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-05. Miġbur 2022-03-21.
- ^ Carr, Annemarie Weyl. "Byzantines and Italians on Cyprus: Images from Art". Dumbarton Oaks Papers. pp. 81, 88.
- ^ Megaw, A. H. S. (1974). "Byzantine Architecture and Decoration in Cyprus: Metropolitan or Provincial?". Dumbarton Oaks Papers. 28: 57–88.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "25 COM X.B - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Church of Panayia Chrysokourdaliotissa, Kourdali (extension to "Painted Churches in the Troodos Region")". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.