Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela
Il-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela huma ħdax-il knisja monolitika li jinsabu fil-Punent tal-Artijiet Għoljin Etjopjani qrib ir-raħal ta' Lalibela, li ngħatat dan l-isem f'ġieħ ir-Re Gebre Meskel Lalibela tad-dinastija Zagwe tal-aħħar tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13. Dan ir-re kkummissjona l-proġett enormi tal-kostruzzjoni ta' 11-il knisja mħaffra fil-blat sabiex joħloq mill-ġdid il-belt sagra ta' Ġerusalemm fir-renju tiegħu stess. Is-sit għadu jintuża mill-Knisja Kristjana Ortodossa Etjopjana sal-lum, u għadha post importanti ta' pellegrinaġġ għall-fidili Ortodossi Etjopjani. B'kollox il-11-il knisja mħaffra fil-blat inbnew f'24 sena.[1]
Storja
immodifikaSkont it-tradizzjoni lokali, Lalibela (magħrufa tradizzjonalment bħala Roha), ġiet stabbilita minn familja Agew imsejħa Zagwa jew Zagwe fl-1137 W.K.[2] Jingħad li l-knejjes inbnew matul ir-renju tad-dinastija Zagwe, taħt it-tmexxija tar-Re Gebre Meskel Lalibela (li rrenja għall-ħabta tal-1181-1221 W.K.)[3], għalkemm iktar probabbli li evolvew fl-għamla attwali tagħhom matul diversi fażijiet ta' kostruzzjoni u ta' alterazzjoni ta' strutturi preċedenti.[4]
Il-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[5][6]
Sit arkeoloġiku
immodifikaF'altitudni ta' madwar 2,480 metru (8,140 pied), is-sit arkeoloġiku jikkonsisti f'ħames knejjes fit-Tramuntana tax-xmara Ġordan tal-belt, ħames knejjes fin-Nofsinhar tax-xmara, u waħda f'sit indipendenti. Il-knejjes f'kull wieħed miż-żewġ raggruppamenti huma kkollegati permezz ta' sistema ta' mini u ta' trunċieri. Biete Giorgis jew il-Knisja ta' San Ġorġ, il-ħdax-il knisja, hija kkollegata mal-oħrajn permezz ta' trunċieri. Il-knejjes fil-Grupp tat-Tramuntana huma Biete Medhane Alem, Biete Maryam, Biete Golgotha Mikael, Biete Meskel u Biete Denagel. Il-knejjes fil-Grupp tan-Nofsinhar huma Biete Amanuel, Biete Qeddus Mercoreus, Biete Abba Libanos, Biete Lehem u Biete Gabriel-Rufael.
Arkitettura
immodifikaIl-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela nbnew permezz ta' proċessi ta' tħaffir bit-tneħħija tal-materjal. Mill-11-il knejjes, 4 knejjes huma monolitiċi u 7 knejjes jikkondividu ħajt mal-muntanja li minnhom tħaffru. Il-knejjes kollha huma uniċi, u b'hekk s-sit għandu diversità arkitettoniku li toħroġ fid-dieher mill-bassoriljievi ta' figuri umani f'Bet Golgotha, u mill-pitturi kkuluriti ta' disinni ġeometriċi u xeni Bibbliċi f'Bet Mariam.
Il-forom u t-trunċieri jiddividu l-għamliet strutturali l-kbar mis-sezzjonijiet iżgħar fid-diversi knejjes.
Huwa maħsub li l-kostruzzjoni tal-knejjes seħħet fi tliet fażijiet.[7]
Il-knejjes kollha huma frott proċess bl-użu ta' għodod bażiċi, bħal imrietel u skarpelli, għat-tħaffir ta' trunċieri madwar l-istrutturi monolitiċi u semimonolitiċi, kif ukoll għat-tħaffir ta' sistema ta' mini li kienu jikkollegaw iż-żewġ gruppi separati ta' knejjes ma' xulxin mill-bażalt vulkaniku. Il-"kostruzzjoni" saret minn fuq għal isfel.[8]
Importanza u funzjoni reliġjuża
immodifikaIl-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela għandhom importanza reliġjuża importanti għall-Kristjani Ortodossi Etjopjani. Flimkien jiffurmaw sit ta' pellegrinaġġ b'valur spiritwali u simboliku partikolari, b'konfigurazzjoni li tirrappreżenta l-belt imqaddsa ta' Ġerusalemm. Is-sit għadu jintuża għall-qima u għat-talb ta' kuljum, għaċ-ċelebrazzjoni ta' festi reliġjużi bħat-Timkat u Genna, bħala residenza għall-kleru, u bħala post ta' ġabra għal bosta fidili u mexxejja reliġjużi kull sena.[9]
Konservazzjoni
immodifikaDiversi proġetti reċenti ta' konservazzjoni u ta' restawr ġew implimentati fis-sit, iżda saru b'bosta difetti. F'proġett b'finanzjament mill-Ambaxxata Amerikana għar-restawr ta' Bet Gabriel Rafael u sussegwentement ta' Bet Golgotha Mikael, kien hemm diżgwidi bejn id-diversi partijiet involuti fil-proġett rigward il-fehim tal-ambitu kollu tiegħu. Kien hemm nuqqas ta' komunikazzjoni adegwata u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni rigward il-pjanijiet tal-proġett bejn l-Awtorità għar-Riċerka u għall-Konservazzjoni tal-Wirt Kulturali (ARCCH), il-kumitat lokali u l-knisja.[10]
Permezz tal-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, ittellgħu erba' tined fl-2008 biex jgħattu ħames knejjes imħaffrin fil-blat, bħala tentattiv ta' protezzjoni temporanja tal-istrutturi sakemm tinstab soluzzjoni iktar fit-tul. Madankollu, it-tined baqgħu fis-sit għal ferm iktar milli kien ippjanat inizjalment, u b'konsegwenza ta' dan issa huma ta' theddida għall-binjiet ta' taħthom, peress li jaf iċedu minn mument għall-ieħor. Id-Direttur tal-ARCCH indika li t-tined jeħtieġ li jitneħħew, iżda sa issa ma hemmx pjanijiet definittivi fis-seħħ sabiex jitneħħew u x'se jsir wara.[11]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Lalibela ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[5]
Komponenti
immodifikaRitratt | Isem uffiċjali | Isem bil-Malti | Post | Noti |
---|---|---|---|---|
Biete Giorgis (ቤተ ጊዮርጊስ) | Knisja ta' San Ġorġ | 12°01′54″N 39°02′28″E / 12.03174°N 39.04113°E
Sit indipendenti |
B'għamla ta' salib. | |
Biete Denagel (ቤተ ደናግል) | Knisja tal-Verġni | Grupp tat-Tramuntana | ||
Biete Golgotha Mikael (ቤተ ጎልጎታ ሚካኤል) | Knisja ta' Golgotha Mikael | Grupp tat-Tramuntana | B'repliki tal-qabar ta' Kristu u ta' Adam, u l-maxtura tan-Natività. | |
Biete Maryam (ቤተ ማርያም) | Knisja ta' Santa Marija | 12°02′01″N 39°02′36″E / 12.03371°N 39.04333°E
Grupp tat-Tramuntana |
B'saqaf impitter b'diversi xeni Bibbliċi. | |
Biete Medhane Alem (ቤተ መድሃኒ አለም) | Knisja tas-Salvatur tad-Dinja | 12°02′01″N 39°02′37″E / 12.0337°N 39.0437°E
Grupp tat-Tramuntana |
Tospita s-Salib ta' Lalibela. Huwa maħsub li din hija l-ikbar knisja monolitika fid-dinja. | |
Biete Meskel (ቤተ መስቀል) | Knisja tas-Salib | 12°02′02″N 39°02′36″E / 12.033941°N 39.0434°E
Grupp tat-Tramuntana |
||
Biete Abba Libanos (ቤተ አባ ሊባኖስ) | Knisja tas-Superjur tal-Patrijiet Libanos | 12°01′53″N 39°02′43″E / 12.03141°N 39.04518°E
Grupp tan-Nofsinhar |
||
Biete Amanuel (ቤተ አማኑኤል) | Knisja ta' Emmanuel | 12°01′55″N 39°02′44″E / 12.03182°N 39.04556°E
Grupp tan-Nofsinhar |
||
Biete Gabriel-Rufael (ቤተ ገብሬል ሩፋኤል) | Knisja ta' Gabrijel Raffajel | 12°01′52″N 39°02′41″E / 12.03120°N 39.04464°E
Grupp tan-Nofsinhar |
||
Biete Lehem (ቤተ ልሄም) | Knisja tal-Ħobż Imqaddes | 12°01′54″N 39°02′40″E / 12.03169°N 39.04451°E
Grupp tan-Nofsinhar |
||
Biete Qeddus Mercoreus (ቤተ ማርቆርዮስ) | Knisja ta' San Mercoreos | 12°01′54″N 39°02′44″E / 12.03157°N 39.04548°E
Grupp tan-Nofsinhar |
Referenzi
immodifika- ^ Williams, Frances M. (2016). Understanding Ethiopia : geology and scenery. Cham. ISBN 9783319021805.
- ^ Lindahl, Bernhard (2005). "Local History of Ethiopia" (PDF). Nordic Africa Institute.
- ^ Windmuller-Luna, Authors: Kristen. "The Rock-hewn Churches of Lalibela | Essay | The Metropolitan Museum of Art | Heilbrunn Timeline of Art History". The Met’s Heilbrunn Timeline of Art History (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-15.
- ^ Fauvelle-Aymar, François-Xavier; Bruxelles, Laurent; Mensan, Romain; Bosc-Tiessé, Claire; Derat, Marie-Laure; Fritsch, Emmanuel (2010). "Rock-cut stratigraphy: sequencing the Lalibela churches". Antiquity. 84 (326): 1135–1150.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock-Hewn Churches, Lalibela". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-15.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - Document - UNESCO/ICOMOS Mission Report; Rock-Hewn Churches, Lalibela (Ethiopia); 7-12 March 2007". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-15.
- ^ Sani, Federico; Moratti, Giovanna; Coli, Massimo; Laureano, Pietro; Rovero, Luisa; Tonietti, Ugo; Coli, Niccolò (2012). "Integrated geological-architectural pilot study of the Biet Gabriel-Rufael rock hewn church in Lalibela, northern Ethiopia". Italian Journal of Geosciences. 131 (2): 171–186.
- ^ Bosc-Tiessé, Claire; Fauvelle, François-Xavier; Bruxelles, Laurent; Derat, Marie-Laure; Gleize, Yves; Mensan, Romain (2014). "The Lalibela Rock Hewn Site and its Landscape (Ethiopia): An Archaeological Analysis". Journal of African Archaeology. 12 (2): 141–164.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - Document - A Management Plan for the Rock-hewn Churches of Lalibela World Heritage Site, Ethiopia (2015)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-15.
- ^ Woldeyes, Yirga Gelaw (2018). "Preliminary Report: Conservation Concerns for the Lalibela Rock Hewn Churches" (PDF). Curtin University.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - Document - Report of the UNESCO/ICOMOS/ICCROM Advisory mission to Rock-Hewn Churches, Lalibela (Ethiopia), 20-25 May 2018". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-15.