Kastell ta' Kuressaare
Il-Kastell ta' Kuressaare (bl-Estonjan: Kuressaare linnus; bil-Ġermaniż: Schloss Arensburg), magħruf ukoll bħala l-Kastell Episkopali ta' Kuressaare (bl-Estonjan: Kuressaare piiskopilinnus), huwa kastell f'Kuressaare fil-gżira ta' Saaremaa, fil-Punent tal-Estonja.
Storja
immodifikaL-iżjed tismija bikrija rreġistrata tal-Kastell ta' Kuressaare tmur lura għas-snin 80 tas-seklu 14, meta l-Ordni Tewtonika bdiet il-kostruzzjoni tiegħu għall-isqfijiet ta' Ösel-Wieck.[1] Xi sorsi jsostnu li l-ewwel kastell inbena bl-injam.[2][3] Filwaqt li l-abitanti ta' Saaremaa wettqu reżistenza soda kontra l-isforzi barranin ta' Kristjanizzazzjoni, bla dubju l-kastell inbena bħala sforz usa' mill-ġellieda tal-Kruċjati biex jiksbu l-kontroll tal-gżira. Mill-bidu nett, il-kastell kien fortizza tal-isqof ta' Saare-Lääne (bil-Ġermaniż: Ösel-Wiek) u baqa' wieħed mill-iżjed kastelli importanti tal-Veskovat sax-xoljiment tiegħu matul il-Gwerra Livonjana.[4]
Fl-1559, id-Danimarka u n-Norveġja flimkien ħatfu l-kontroll ta' Saaremaa u tal-Kastell ta' Kuressaare. Matul dan iż-żmien, il-fortifikazzjonijiet ġew immodernizzati. Wara t-Trattat ta' Paċi ta' Brömsebro, li temm il-gwerra tal-1643-1645 bejn l-Iżvezja, id-Danimarka u n-Norveġja, Saaremaa għaddiet f'idejn l-Iżvediżi. L-Iżvediżi komplew bl-immodernizzar tal-fortizza sal-1706. Wara l-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, Saaremaa u l-Kastell ta' Kuressaare saru parti mill-Imperu Russu.
Meta l-fruntieri tal-Imperu Russu gradwalment tressqu iktar lejn il-Punent, il-Kastell ta' Kuressaare tilef il-valur strateġiku tiegħu. Speċjalment wara l-Gwerra Finlandiża u t-Tielet Diviżjoni tal-Polonja, l-enfasi militari twarrbet mill-Estonja. Fl-1836, wara l-kostruzzjoni tal-fortizza ta' Bomarsund f'Åland, il-gwarniġjon Russu fil-Kastell ta' Kuressaare rtira. Il-fatt li l-Kastell ta' Kuressaare ma ntużax mill-armati li ġġieldu l-Gwerra tal-Krimea huwa indikattiv ukoll ta' kemm kien tilef l-importanza strateġika tiegħu. Fis-seklu 19, il-kastell intuża bħala binja għall-foqra.
Fl-1904–1912, il-kastell ġie rrestawrat mill-arkitetti Karl Rudolf Hermann Seuberlich u Wilhelm Neumann.
Fl-1941, il-kastell intuża bħala fortizza fl-okkupazzjoni tal-forzi Sovjetiċi, li ġustizzjaw 90 persuna ċivili fil-bitħa tal-kastell. L-invażjoni u l-okkupazzjoni Nażista sussegwenti wasslet għall-qtil ta' 300 persuna fl-artijiet tal-kastell.[5][6][7][8]
Il-kastell sarlu restawr ieħor fl-1968, din id-darba mmexxi mill-arkitett Kalvi Aluve.[9]
Illum il-ġurnata, il-kastell jospita l-Mużew ta' Saaremaa.
Arkitettura
immodifikaIl-Kastell ta' Kuressaare jitqies bħala waħda mill-aqwa fortifikazzjonijiet Medjevali ppreservati fl-Estonja.
Il-kastell għandu stil Gotiku aħħari u huwa kkaratterizzat mis-sempliċità tal-għamla tiegħu. Il-binja ċentrali tiegħu, hekk imsejħa bħala l-binja tal-kunvent, hija binja kwadra madwar bitħa ċentrali. L-hekk imsejjaħ torri tad-difiża, fil-kantuniera tat-Tramuntana, huwa għoli 37 metru (121 pied). Gallerija tad-difiża bis-swar tul in-naħa ta' fuq tal-binja ġiet irrestawrata fis-snin 80 tas-seklu 20. Id-daħla bil-grilja u sistemi ta' difiża oħrajn huma rikostruzzjonijiet. Fuq ġewwa, il-kastell huwa maqsum f'kantina li kienet tintuża bħala maħżen u mgħammar b'sistema sofistikata tat-tisħin, u s-sular prinċipali, li kien jospita l-iżjed kmamar importanti tal-kastell. Hemmhekk hemm kjostru madwar il-bitħa li jikkollega l-kmamar prinċipali kollha. L-iktar notevoli fosthom huma r-refettorju, id-dormitorju, il-kappella u l-kwartieri residenzjali tal-isqof. F'dawn tal-aħħar, hemm imnaqqxa ħdax-il epitaffju Barokk tan-nobbli minn Saaremaa.[10]
Fl-aħħar tas-seklu 14 u fil-bidu tas-seklu 15, inbena ħajt twil 625 metru (2,051 pied) madwar il-kastell. Minħabba t-titjib fl-armi tan-nar, bejn is-sekli 16 u 17 żdiedu elementi difensivi addizzjonali. Erik Dahlbergh iddisinja l-fortizza bil-bastjuni u bir-rivellini bi stil qisu ta' Vauban, u dawn għadhom kważi intatti. Meta l-gwarniġjon Russu telaq mill-fortizza fl-1711 wara l-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, dan sploda apposta l-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet u l-kastell, iżda iktar 'il quddiem irrestawra xi partijiet minnhom. Fl-1861, il-konverżjoni tal-bastjuni f'park bdiet taħt is-superviżjoni tal-arkitett minn Riga, H. Göggingen.[11]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Viirand, Tiiu (2004). Estonia. Cultural Tourism. Kunst Publishers. pp. 176–178. ISBN 9949-407-18-4.
- ^ O'Connor, Kevin (2006). Culture And Customs of the Baltic States. Greenwood Publishing Group. p. 207. ISBN 978-0-313-33125-1.
- ^ Jarvis, Howard; Ochser, Tim (2 May 2011). DK Eyewitness Travel Guide: Estonia, Latvia & Lithuania. Dorling Kindersley. p. 32. ISBN 978-1-4053-6063-0.
- ^ Taylor, Neil (2010). Estonia (6 ed.). Bradt Travel Guides Ltd. p. 254. ISBN 978-1-84162-320-7.
- ^ Dragicevich, Peter; Ragozin, Leonid (2016). Lonely Planet Estonia, Latvia & Lithuania. Lonely Planet Global Limited. ISBN 9781760341442.
- ^ "1941 EXECUTIONS IN KURESSAARE CASTLE. Singing Revolution. Saarte Hääl Newspaper ("Voice of the Islands")" (PDF). 1988. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-08-29. Miġbur 2024-05-29.
- ^ "Kuressaare Castle, Kuressaare, Estonia - SpottingHistory.com". web.archive.org. 2016-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-10. Miġbur 2024-05-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Kuressaare Episcopal Castle | Western Estonia & the Islands, Estonia | Attractions". Lonely Planet. Miġbur 2024-05-29.
- ^ Lang, V.; Laneman, Margot (2006). Archaeological research in Estonia, 1865-2005. Tartu University Press. p. 185.
- ^ Tvauri, Andres (2009). "Late medieval hypocausts with heat storage in Estonia". Baltic Journal of Art History. Institute of History and Archaeology of the University of Tartu: 52.
- ^ "Kuressaare Castle Park - credit cards". doczz.net. Miġbur 2024-05-29.