Fortifikazzjonijiet ta' Vauban
Il-Fortifikazzjonijiet ta' Vauban huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO magħmul minn 12-il grupp ta' binjiet u siti ffortifikati tul il-fruntieri ta' Franza.[1] Ġew iddisinjati mill-arkitett militari rinomat Sébastien Le Prestre de Vauban (1633-1707) matul ir-renju tar-Re Lwiġi XIV. Dawn is-siti jinkludu varjetà ta' fortifikazzjonijiet, li jvarjaw minn ċittadelli, għal batteriji fil-muntanji u fortifikazzjonijiet fejn il-baħar, għal bastjuni, swar u torrijiet. Barra minn hekk, is-sit jinkludi xi bliet li nbnew mill-ġdid għalkollox minn Vauban kif ukoll torrijiet ta' komunikazzjoni. Dawn is-siti ntgħażlu peress li jirrappreżentaw ix-xogħol ta' Vauban, u huma xhieda tal-influwenza tad-disinni tiegħu fuq l-inġinerija militari u ċivili fuq skala dinjija mis-seklu 17 sas-seklu 20.[1]
In-network ta' siti ewlenin ta' Vauban huwa ġabra ta' siti li nħoloq fit-30 ta' Marzu 2005 fuq inizjattiva tal-belt ta' Besançon. Jinkludi t-tnax-il sit li jirrappreżentaw bl-aqwa mod is-sistema ta' fortifikazzjonijiet ta' Vauban flimkien ma' żewġ siti oħra. Id-dokument tan-nominazzjoni tas-sit indikattiv intgħażel fil-5 ta' Jannar 2007 mill-Ministeru għall-Kultura biex jirrappreżenta lil Franza.[2] Fis-7 ta' Lulju 2008, tnax-il sit min-network saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-laqgħa annwali li dik is-sena ġiet organizzata fil-belt ta' Quebec, il-Kanada.[3]
Storja tan-nominazzjoni tas-sit
immodifikaFl-2003, il-belt ta' Besançon investigat il-possibbiltà ta' nominazzjoni bħala sit indikattiv biex xi darba jitqies għal żieda fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fuq parir tal-ispeċjalisti ġie deċiż li titħejja applikazzjoni għal nominazzjoni f'għamla ta' network ta' siti li jirrappreżentaw bl-aqwa mod il-ħila tal-arkitett Sébastien Le Prestre de Vauban, skont il-kriterji tal-għażla maħruġa mill-UNESCO. Għażla inizjali ta' tmien siti ġiet ifformulata fl-2005, segwita minn lista finali ta' erbatax-il sit, mill-150 fortifikazzjoni ta' Vauban fi Franza kollha. L-għażla finalment ġiet ivvalidata minn kunsill xjentifiku fil-31 ta' Marzu 2006, f'kompetizzjoni max-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, għaliex kull pajjiż membru tal-UNESCO jista' jressaq fajl wieħed għal nominazzjoni kull sena.
In-network ta' siti ta' Vauban finalment intgħażel fil-5 ta' Jannar 2007 mill-Ministeru għall-Kultura, fl-okkażjoni tat-300 sena anniversarju tal-mewt tal-arkitett.
Fis-7 ta' Lulju 2008, tnax minn erbatax-il sit tan-network inizjali ġew aċċettati fin-network finali ta' siti li saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-siti tal-Kastell ta' Bazoches f'Nièvre u l-forti ttrasformat f'ċittadella tal-Palazz f'Belle-Île-en-Mer f'Morbihan ġew esklużi. Iċ-ċittadella ta' Belle-Île-en-Mer ġiet irrifjutata mill-UNESCO għan-"nuqqas ta' awtentiċità" tagħha, b'mod partikolari minħabba proġett ta' lukanda ġo fiha. Għalkemm dan qajjem xi dubji, il-fatt li dawn iż-żewġ siti kienu proprjetajiet privati ma tqiesx f'din id-deċiżjoni.[4][5]
Tnax-il sit
immodifikaB'kollox hemm tnax-il sit fi Franza li jagħmlu parti minn dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO:
Iċ-Ċittadella ta' Vauban, Arras
immodifikaIċ-Ċittadella ta' Vauban, li tinsab f'Arras, Pas-de-Calais, inbniet minn Vauban mill-1667 sal-1672. Iċ-Ċittadella ġiet imlaqqma La belle inutile (L-Inutli s-Sabiħa) mir-residenti għaliex qatt ma kienet involuta direttament f'xi kunflitt, u fl-aħħar mill-aħħar ma pprevjenietx lill-Ġermaniżi milli jokkupaw il-belt fl-Ewwel Gwerra Dinjija u fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fi ħdan iċ-ċittadella, fuq in-naħa ta' La Place de Manœuvre, inbniet kappella żgħira bi stil Barokk. Fuq barra, Le Mur des Fusillés (il-ħajt fejn kienu jiġu ġġustizzjati n-nies) jagħti ġieħ lill-218-il membru tar-Reżistenza Franċiża li ġew iġġustizzjati b'tir fil-foss taċ-ċittadella matul it-Tieni Gwerra Dinjija.[6]
Iċ-Ċittadella ta' Besançon
immodifikaIċ-Ċittadella ta' Besançon, f'Besançon, Doubs, titqies bħala waħda mill-ifjen xogħlijiet tal-arkitettura militari ta' Vauban. Iċ-ċittadella tokkupa 11-il ettaru (27 akru) fuq l-Għolja Saint-Etienne, waħda mis-seba' għoljiet li jħarsu lil Besançon, il-belt kapitali ta' Franche-Comté. L-Għolja Saint-Etienne tokkupa parti minn lilwa fix-xmara Doubs, u b'hekk is-sit kellu importanza strateġika li Ġulju Ċesri għaraf saħansitra fit-58 Q.K. Iċ-ċittadella, li nbniet bejn l-1668 u l-1683, tħares fuq il-parti l-antika tal-belt u l-lilwa fix-xmara. Iċ-ċittadella nbniet fuq qisha tinja fil-blat fuq roqgħa rettangolari, u tul il-wisa' tagħha fiha tliet bastjuni suċċessivi u warajhom jestendu tliet pjazez. Ir-raħal kollu huwa mdawwar b'mogħdijiet ċirkolari u mgħasses b'diversi torrijiet tal-għassa u ħitan bl-amberżuni għall-għassiesa. Il-ħitan jew is-swar jaslu sa għoli ta' 15-il metru sa 20 metru (49 pied sa 66 pied) u għandhom ħxuna ta' bejn ħames metri u sitt metri (16-il pied u 20 pied). Inkluż fis-sit ukoll huwa l-Forti Griffon, li nbena bejn l-1680 u l-1684.
Is-siti ta' Blaye-Cussac-Fort-Médoc
immodifikaIċ-ċittadella ta' Blaye, is-swar tal-belt, il-Forti Paté u l-Forti Médoc jinsabu f'Blaye-Cussac-Fort-Médoc, Gironde. Iċ-ċittadella ta' Blaye nbniet bejn l-1686 u l-1689, u l-Forti Paté u l-Forti Médoc fil-qrib inbnew fl-1689-1700. Dawn is-siti ħdejn xulxin tul l-estwarju tal-Gironde għenu fil-protezzjoni ta' Bordeaux f'każ ta' invażjoni possibbli mill-baħar.
Briançon, Hautes-Alpes
immodifikaDan is-sit, li jinsab f'Briançon, Hautes-Alpes, fih swar, erba' fortijiet (inkluż il-Fort des Trois-Têtes u l-Fort du Randouillet), ir-Redoute des Salettes, l-ouvrage de la communication Y, kif ukoll il-Pont ta' Asfeld. Is-swar tar-raħal Medjevali ġew rikostruwiti minn Vauban bejn l-1692 u l-1700, filwaqt li l-fortijiet inbnew skont l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu bejn l-1709 u l-1732, it-torri ta' komunikazzjoni nbena bejn l-1724 u l-1734, u l-Pont ta' Asfeld inbena bejn l-1729 u l-1731.
It-Tour Vauban
immodifikaIt-Tour Vauban, magħruf ukoll bħala t-Tour dorée (jiġifieri t-"Torri Indurat") jinsab f'Camaret-sur-Mer, Finistère. Huwa torri difensiv poligonali għoli 18-il metru li nbena bejn l-1693 u l-1695 skont pjanta ta' Vauban fuq is-Sillon f'Camaret-sur-Mer, bħala parti mill-fortifikazzjonijiet tal-passaġġ ta' Brest. Għandu tliet sulari u huwa mdawwar bis-swar, dar tal-gwardjani u batterija li tiflaħ sa 11-il kanun kif ukoll fonderija tal-balal tal-kanuni li nżdiedet fil-perjodu tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
Ville neuve, Longwy
immodifikaIl-ville neuve (jiġifieri l-belt il-ġdida) tinsab f'Longwy, Meurthe-et-Moselle. Il-belt il-ġdida kollha ġiet iddisinjata u mibnija minn Vauban mill-1679. Għandha għamla eżagonali skont pjanta regolari madwar pjazza għall-parati u mdawra fil-ġnub minn bastjuni. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-belt inqerdet minn bosta assedji, ħafna elementi tal-arkitettura militari għadhom sħaħ.
Place forte, Mont-Dauphin
immodifikaIs-sit tal-place forte jinsab f'Mont-Dauphin, Hautes-Alpes. Mibni fl-1692 minn Vauban fil-quċċata ta' promontorju, għandu pjanta ortogonali u fih diversi binjiet militari li jmorru lura għas-sekli 16 sa 18.
Iċ-ċittadella u s-swar ta' Mount-Louis
immodifikaIċ-ċittadella u s-swar ta' Mont-Louis jinsabu f'Mont-Louis, Pyrénées-Orientales. Dawn inbnew fl-1679 sabiex jiffaċilitaw il-qsim transfruntier ma' Spanja, u jinkludu ċittadella kwadra u swar iffortifikati b'25 post tal-għassa.
Ville neuve, Neuf-Brisach
immodifikaIl-ville neuve f'Neuf-Brisach, Haut-Rhin tinsab qrib il-fruntiera bejn Franza u l-Ġermanja. Inbniet mill-ġdid minn Vauban bejn l-1698 u l-1703, u hija waħda mill-aħħar xogħlijiet ta' Vauban, bil-ħsieb li tgħasses il-fruntiera mal-Ġermanja (dak iż-żmien l-Imperu Ruman Sagru). Hija l-unika eżempju tat-"tielet sistema ffortifikata" ta' Vauban, bi swar doppji.
Iċ-ċittadella u s-swar ta' Saint-Martin-de-Ré
immodifikaIċ-ċittadella u s-swar ta' Saint-Martin-de-Ré, Charente-Maritime ġew iddisinjati minn Vauban bejn l-1681 u l-1685. Iċ-ċittadella, imdawra minn sitt bastjuni u ħandaq mingħajr ilma, inbniet f'erbgħin jum biss.
It-torrijiet tal-għassa ta' Saint-Vaast-la-Hougue
immodifikaŻewġ torrijiet tal-għassa ddisinjati minn Vauban u mill-istudent tiegħu jinsabu fil-komun ta' Saint-Vaast-la-Hougue, Manche. Qegħdin faċċata ta' xulxin fil-Bajja ta' Saint-Vaast, u l-itwal wieħed minnhom ta' żewġ sulari jinsab fuq il-gżira ta' Tatihou. Mibnija fl-1694, it-torrijiet tal-għassa għandhom għamla konika maqtugħa, u huma mdawra b'forti b'bastjun, li fih diversi kappelli, barrakki u mħażen tal-porvli.
Is-siti ta' Villefranche-de-Conflent
immodifikaIl-Forti Libéria, il-Cova Bastera, u s-swar ta' Villefranche-de-Conflent, Pyrénées-Orientales huma wkoll parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-alterazzjonijiet li wettaq Vauban fuq is-swar bdew fl-1669, filwaqt li l-Forti Libéria nbena fl-1679, u l-Cova Bastera nbniet wara l-mewt ta' Vauban fl-1707.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Fortifikazzjonijiet ta' Vauban ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Fortifications of Vauban". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
- ^ "Le Monde.fr : La France propose Vauban à l'Unesco". archive.wikiwix.com (bil-Franċiż). Miġbur 2022-08-17.
- ^ "Douze fortifications de Vauban au Patrimoine mondial de l'Unesco" (bil-Franċiż). 2008-07-07. Miġbur 2022-08-17.
- ^ "Deux sites Vauban ont-ils été écartés du label Unesco pour leur gestion privée ?". Le Monde.fr (bil-Franċiż). 2008-07-18. Miġbur 2022-08-17.
- ^ "Vauban, nouvel élu au Patrimoine mondial de l'humanité". archive.wikiwix.com. Miġbur 2022-08-17.
- ^ "The work of Vauban (France): C 1283 ICOMOS Report".