Ġużè Aquilina

(Rindirizzat minn Joseph Aquilina)

Ġużè Aquilina (Munxar, Għawdex, 7 ta' April 1911 - 8 ta' Awwissu 1997) kien lessikografu, etimologu u kittieb Malti.

Ġużè Aquilina
dekan

Ħajja
Twelid Munxar, 7 April 1919
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 8 Awwissu 1997
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Alma mater University of London
Lingwi Malti
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni lessikografu
lingwista
kittieb
akkademiku
Impjegaturi Università ta' Malta
Xogħlijiet importanti Concise Maltese English English Maltese Dictionary (en) Translate
Ġużè Aquilina bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Bijografija

immodifika

Ġużè Aquilina kien il-kbir fost ħames aħwa. Ta' tmintax-il sena tilef lil missieru. Studja fl-iskola primarja Ta' Sannat, fis-Seminarju t'Għawdex. Il-Professur Aquilina għadda għall-Università ta' Malta fejn fl-1933 ħa l-grad tal-B.A. u erba' snin wara l-lawrija bħala avukat. F'Malta, Aquilina trabba ma' zitu Reġina fil-Birgu.

Fl-1935 laħaq Professur tal-Malti u l-Ilsna Orjentali fl-Università ta' Malta. Studja l-ilsna Semitiċi fid-Dipartiment tal-Istudji Orjentali u Afrikani fl-Università ta' Londra. Hemmhekk f'Jannar 1940 ingħata l-Ph.D. wara li kien ressaq it-teżi tiegħu The Structure of Maltese. Aquilina reġa' Malta fil-bidu ta' Diċembru 1939, u beda jgħallem fl-Università ta' Malta f'Jannar 1940. Fl-1966 ingħata l-Medalja Guzè Muscat Azzopardi; inħatar Membru tal-Ordni tal-Meritu ta` Malta fl-1994. Aquilina kien Dekan tal-Fakultà tal-Arti bejn l-1948 u l-1966, kif ukoll bejn l-1972 u l-1975. Bejn l-1970 u l-1974 kien Pro-Viċi Kanċillier, u fl-1976, meta rtira mill-Kattedra, ingħata t-titlu ta' Professur Emeritus.

Il-Professur Aquilina kien awtur ta' diversi ħidmiet, fosthom kritiki letterarji, studji xjentifiċi, studji lingwistiċi, novelli u kotba reliġjużi. Il-Professur Aquilina jibqa' msemmi l-iktar għad-Dizzjunarju Malti - Ingliż.

Meta l-Prof Ġużè Aquilina miet, il-Prim Ministru Malti ta' dak iż-żmien Dr Alfred Sant, kittieb ieħor magħruf, sejjaħ il-mewt tiegħu “telfa kbira għall-pajjiż”. Tmint ijiem wara saret kommemorazzjoni uffiċjali f’Kastilja f’ġieħ Aquilina li fi kliem il-Prim Ministru Sant “kien persuna ta’ kalibru kbir li żviluppat il-kultura u l-identità tal-Malti”. Il-kontribut kbir li Aquilina ta fl-istudju tal-Malti ħa diversi forom.

Professur tal-Malti

immodifika

Aquilina sar l-ewwel Professur tal-Malti u l-Ilsna Orjentali, fl-1937, kariga li sfruttaha kemm felaħ għat-tixrid u t-tagħlim tal-ilsien Malti. Niftakru li kien biss tliet snin qabel, fl-1934, li l-Malti sar l-ilsien uffiċjali tal-pajjiż. Bħala student universitarju Aquilina ħadem spalla ma’ spalla mal-Prof Saydon fil-ġlieda għall-Malti fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa.

Aquilina kiteb diversi studji lingwistiċi dwar l-ilsien Malti, fosthom The Structure of Maltese (1959) u Papers in Maltese Linguistics (1961). F’tal-ewwel jeżamina ż-żewġ elementi li jsawru l-ilsien Malti u kif dawn jingħaqdu flimkien. Fost l-aqwa xogħlijiet tiegħu nsibu l-Maltese English Dictionary (1990) u l-English Maltese Dictionary li ma laħaqx lestieh qabel ma miet. Ġużè Aquilina, li tista’ tgħid waħdu bena d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, spiċċa biex sar id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti, kariga li żammha għal ħafna snin. Kien jemmen bis-sħiħ fil-libertà intelletwali u fir-riċerka fl-università. Permezz tal-istudji lingwistiċi tiegħu li wħud minnhom ippubblika f’rivisti lingwistiċi Ewropej, huwa wassal il-messaġġ tal-ilsien Malti lil ħafna studjużi barranin li qabel qatt ma kellhom l-opportunità li jkunu jafu l-għerf u l-ġmiel moħbi ta’ lsienna. Kien jagħti taħditiet dwar l-ilsien Malti f’diversi universitajiet bħal f’Londra, Durham, Cambridge u Edinburgh. Ir-riċerki lingwistiċi tiegħu ġabulu għarfien internazzjonali, fosthom mill-Council of Europe’s Specialised Language Linguists (1967). Fl-1972 ġie elett president tal-International Association of Studies on Mediterranean Civilisations.

Aquilina kkontribwixxa wkoll ħafna għall-iżvilupp tal-letteratura bil-Malti b’numru ta’ drammi, antoloġiji, poeżiji, kritika letterarja, u ħafna kitbiet f’ġurnali. Flimkien mal-Prof Saydon ħareġ l-antoloġija Ward ta’ Qari Malti (1940). Fl-1938 ħareġ ir-rumanz magħruf tiegħu Taħt Tliet Saltniet. Aquilina kien jemmen bis-sħiħ li l-kultura għandha tkun fil-qabda tal-ikbar udjenza possibbli. Għal snin twal kien ixandar taħditiet fuq ir-radju dwar aspetti varji tal-kultura u ċ-ċiviltà, li iktar tard ftit minnhom ġabarhom u ppubblikahom. Kien jagħmel diskorsi u jindirizza seminars fuq ħafna suġġetti. Prof Daniel Massa, poeta u Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż, student ta’ Aquilina, jgħid li l-imħabba ta’ Aquilina għall-ilsien u l-viżjoni tiegħu ta’ xogħlijiet mill-aqwa bil-Malti kienet ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ studjużi u awturi Maltin.

Reliġjon

immodifika

Barra l-imħabba tiegħu lejn l-ilsien Malti kellu mħabba kbira oħra, dik lejn il-Fidi Nisranija, li kien jiddefendi b’kull mod, l-iktar bil-kitbiet u bl-ittri tiegħu fil-ġurnali iżda wkoll bix-xogħlijiet letterarji tiegħu li fihom joħorġu biċ-ċar il-valuri Nsara u l-kultura Nisranija tiegħu. Insemmu fost l-oħrajn il-kotba tiegħu Twemmin u Ħajja (1984), Il-Ġenna Pajjiżna (1989) u Armoniji ta’ Ħsieb u Fidi (1995).

Referenzi

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika