John Kendrew
Sir John Cowdery Kendrew, CBE FRS[1] (twieled fl-24 ta' Marzu 1917 – miet fit-23 ta' Awwissu 1997) kien bijokimiku, kristallografu u amministratur tax-xjenza Ingliż. Kendrew ikkondivida l-Premju Nobel għall-Kimika tal-1962 flimkien ma' Max Perutz, għax-xogħol tagħhom fil-Laboratorju ta' Cavendish fl-investigazzjoni tal-istruttura tal-proteini globulari fosthom l-emoglobulina u mijoglobulina permezz ta' tekniki tad-diffrazzjoni tar-raġġi-X.[2]
Edukazzjoni u ħajja bikrija
immodifikaKendrew twieled f'Oxford, u kien iben Wilfrid George Kendrew, studjuż tal-klimatoloġija fl-Università ta' Oxford, u Evelyn May Graham Sandburg, storiku tal-arti. Wara l-iskola preprimarja fid-Dragon School f'Oxford, huwa ġie edukat fil-Clifton College[3] f'Bristol bejn l-1930 u l-1936. Huwa attenda l-Kulleġġ tat-Trinità, f'Cambridge fl-1936, bħala Studjuż Maġġuri, u ggradwa fil-kimika fl-1939. Huwa qatta' l-ewwel xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija jagħmel riċerka dwar il-kinetika ta' reazzjoni, u mbagħad sar membru tal-Istabbiliment tar-Riċerka tal-Ministeru għall-Ajru, fejn ħadem fuq ir-radar. Fl-1940 huwa ġie involut fir-riċerka operazzjonali fil-kwartieri ġenerali tal-Forza tal-Ajru Rjali (bl-Ingliż: Royal Air Force), u laħaq sal-kariga onorarja ta' Wing Commander R.A.F. Huwa ngħata d-dottorat tiegħu wara l-gwerra fl-1949.[4]
Riċerka u karriera
immodifikaMatul is-snin tal-gwerra, huwa kulma jmur sar interessat fil-problemi tal-bijokimika, u ddeċieda li jaħdem fuq l-istruttura tal-proteini.
Kristallografija
immodifikaFl-1945 huwa kkuntattja lil Max Perutz fil-Laboratorju ta' Cavendish f'Cambridge. Joseph Barcroft, fiżjologu respiratorju, issuġġerixxielu jagħmel studju kristallografiku komparattiv tal-proteini tal-emoglobulina tal-feti tan-nagħaġ u tan-nagħaġ adulti, u huwa beda dik il-ħidma.
Fl-1947 huwa sar Sieħeb tal-Peterhouse; u l-Kunsill tar-Riċerka Medika (bl-Ingliż: Medical Research Council - MRC) qabel li joħloq unità tar-riċerka għall-istudju tal-istruttura molekolari tas-sistemi bijoloġiċi, taħt id-direzzjoni ta' Sir Lawrence Bragg. Fl-1954 huwa sar studjuż fil-Laboratorju ta' Davy-Faraday tal-Istituzzjoni Rjali f'Londra.
Struttura kristallina tal-mijoglobulina
immodifikaKendrew ikkondivida l-Premju Nobel għall-Kimika tal-1962 ma' Max Perutz talli ddeterinaw l-ewwel strutturi atomiċi tal-proteini permezz tal-kristallografija bir-raġġi-X. Il-ħidma tagħhom saret f'dak li issa huwa magħruf bħala l-Laboratorju MRC tal-Bijoloġija Molekolari f'Cambridge. Kendrew iddetermina l-istruttura tal-proteina mijoglobulina, li taħżen l-ossiġenu fiċ-ċelloli tal-muskoli. Nhar is-Sibt l-20 ta' Ottubru 1962, l-għoti tal-Premji Nobel lil John Kendrew u lil Max Perutz, kif ukoll lil Crick, Watson, u Wilkins ġie satirizzat fi skeċċ qasir tal-programm tat-televiżjoni tal-BBC That Was The Week That Was, fejn il-Premji Nobel ġew riferuti bħala l-"Pixxini għall-Paċi ta' Alfred Nobel".
Fl-1947, l-MRC qabel li joħloq unità tar-riċerka għall-Istudju tal-Istruttura Molekolari ta' Sistemi Bijoloġiċi. L-istudji oriġinali kienu fuq l-istruttura tal-emoglobulina tan-nagħaġ, iżda meta dan ix-xogħol kien avvanza kemm kien possibbli bl-użu tar-riżorsi disponibbli dak iż-żmien, Kendrew daħal għall-istudju tal-mijoglobulina, molekula ta' kwart id-daqs tal-molekola tal-emoglobulina. Is-sors inizjali tal-materja prima tiegħu kien qalb ta' żiemel, iżda l-kristalli li nkisbu b'hekk kienu żgħar wisq biex issir analiżi bir-raġġi-X. Kendrew irrealizza li t-tessuti li jaħżnu l-ossiġenu tal-mammiferi li jgħoddsu setgħu joffru prospett aħjar, u b'kumbinazzjoni feġġet l-opportunità li jiġi akkwistat ammont kbir ta' laħam tal-balieni mill-Perù. Il-mijoglobulina tal-balieni wasslet għal kristalli kbar b'mudelli ċari tad-diffrazzjoni tar-raġġi-X. Madankollu, il-problema xorta baqgħet ma ġietx megħluba sal-1953, meta Max Perutz skopra li l-problema tal-fażi fl-analiżi tal-mudelli tad-diffrazzjoni setgħet tiġi solvuta bis-sostituzzjoni isomorfika multipla — it-tqabbil ta' mudelli ta' diversi kristalli; wieħed mill-proteina nattiva, u oħrajn li kienu ġew miblula f'soluzzjonijiet ta' metalli tqal u fihom ġew introdotti joni tal-metalli f'pożizzjonijiet differenti definiti sew. Sal-1957 inkisbet mappa tad-densità tal-elettroni b'riżoluzzjoni ta' sitt angstroms (0.6 nanometri), u sal-1959 seta' jinbena mudell atomiku b'riżoluzzjoni ta' żewġ angstroms (0.2 nanometri).[5]
Karriera iktar tard
immodifikaFl-1963, Kendrew sar wieħed mill-fundaturi tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Bijoloġija Molekolari. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa l-Ġurnal tal-Bijoloġija Molekolari u għal ħafna snin kien l-editur kap tiegħu. Huwa sar Sieħeb tas-Soċjetà Amerikana tal-Bijokimiċi fl-1967 u membru onorarju tal-Akkademja Internazzjonali tax-Xjenza fi Munich. Fl-1974, huwa rnexxielu jipperswadi lill-gvernijiet biex jistabbilixxu l-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekolari f'Heidelberg u sar l-ewwel direttur tiegħu. Huwa sar Kavallier fl-1974.[1] Mill-1974 sal-1979, huwa kien Fiduċjarju tal-British Museum, u mill-1974 sal-1988 huwa kien, wara xulxin, Segretarju Ġenerali, Viċi President, u President tal-Kunsill Internazzjonali tal-Unjins Xjentifiċi.
Wara li rtira mil-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekolari, Kendrew sar President tal-Kulleġġ ta' San Ġwann fl-Università ta' Oxford, kariga li dam fiha mill-1981 sal-1987. Fit-testment tiegħu, huwa ħalla l-wirt tiegħu lil dan il-kulleġġ għal boroż ta' studju fix-xjenza u fil-mużika għall-istudenti minn pajjiżi li kienu għadhom qed jiżviluppaw. Il-Kwadranglu ta' Kendrew fil-Kulleġġ ta' San Ġwann f'Oxford, li nfetaħ uffiċjalment fis-16 ta' Ottubru 2010, ingħata kunjomu.[6]
Kendrew kien miżżewweġ lil Elizabeth Jarvie (kunjomha xebba Gorvin) mill-1948 sal-1956. Iż-żwieġ tagħhom spiċċa b'divorzju u ma kellhomx tfal. Suċċessivament, Kendrew kien sieħeb mal-artista Ruth Harris[1] u mill-ġdid ma kellux ulied.[7]
Bijografija ta' John Kendrew, bit-titlu A Place in History: The Biography of John C. Kendrew, ta' Paul M. Wassarman ġiet ippubblikata mill-Oxford University Press f'Marzu 2020.
Għażla ta' Pubblikazzjonijiet ta' Kendrew
immodifika- Kendrew, JC (April 1949). "Foetal haemoglobin". Endeavour. 8 (30): 80–5. ISSN 0160-9327.
- Kendrew, JC; Parrish, RG; Marrack, JR; Orlans, ES (Novembru 1954). "The species specificity of myoglobin". Nature. 174 (4438): 946–9. ISSN 0028-0836.
- Kendrew, JC; Parris, RG (Jannar 1955). "Imidazole complexes of myoglobin and the position of the haem group". Nature. 175 (4448): 206–7. ISSN 0028-0836.
- Ingram, DJ; Kendrew, JC (Ottubru 1956). "Orientation of the haem group in myoglobin and its relation to the polypeptide chain direction". Nature. 178 (4539): 905–6. ISSN 0028-0836.
- Kendrew, JC; Bodo, G; Dintzis, HM; Parrish, RG; Wyckoff, H; Phillips, DC (Marzu 1958). "A three-dimensional model of the myoglobin molecule obtained by x-ray analysis". Nature. 181 (4610): 662–6. ISSN 0028-0836.
- Kendrew, JC (Lulju 1959). "Structure and function in myoglobin and other proteins". Federation Proceedings. 18 (2, Part 1): 740–51. ISSN 0014-9446.
- Kendrew, JC; Watson, HC; Strandberg, BE; Dickerson, RE; Phillips, DC; Shore, VC (Mejju 1961). "The amino-acid sequence x-ray methods, and its correlation with chemical data". Nature. 190 (4777): 666–70. ISSN 0028-0836.
- Watson, HC; Kendrew, JC (Mejju 1961). "The amino-acid sequence of sperm whale myoglobin. Comparison between the amino-acid sequences of sperm whale myoglobin and of human hemoglobin". Nature. 190 (4777): 670–2. ISSN 0028-0836.
- Kendrew, JC (Diċembru 1961). "The three-dimensional structure of a protein molecule". Scientific American. 205 (6): 96–110. ISSN 0036-8733.
- Kendrew, JC (Ottubru 1962). "The structure of globular proteins". Comparative Biochemistry and Physiology. 4 (2–4): 249–52. ISSN 0010-406X.
- Kendrew, John C. (1966). The thread of life: an introduction to molecular biology. Londra: Bell & Hyman. ISBN 978-0-7135-0618-1.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Holmes, K. C. (2001). "Sir John Cowdery Kendrew. 24 March 1917 - 23 August 1997: Elected F.R.S. 1960". Biographical Memoirs of Fellows of the Royal Society. 47: 311–332.
- ^ "The Nobel Prize in Chemistry 1962". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-23.
- ^ "Clifton College Register" Muirhead, J.A.O. p. 462: Bristol; J.W Arrowsmith for Old Cliftonian Society; April, 1948
- ^ Kendrew, John Cowdery (1949). X-ray studies of certain crystalline proteins : the crystal structure of foetal and adult sheep haemoglobins and of horse myoglobin. lib.cam.ac.uk (teżi tad-dottorat). L-Università ta' Cambridge.
- ^ Kendrew, JC; Dickerson, RE; Strandberg, BE; et al. (Frar 1960). "Structure of myoglobin: A three-dimensional Fourier synthesis at 2 A. resolution". Nature. 185 (4711): 422–7.
- ^ "The 21st century". St John's College (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-24.
- ^ Saxon, Wolfgang (1997-08-30). "John C. Kendrew Dies at 80; Biochemist Won Nobel in '62" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-24.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': John Kendrew (John Kendrew) |