Jacob Bernoulli
Jacob Bernoulli (magħruf ukoll bħala jew Jacques) (27 Diċembru, 1654 - Awissu 16, 1705) kien wieħed mill-matematiċi prominenti ħafna fil-familja Bernoulli.
Jacob Bernoulli twieled f'Basel, fl-Iżvizzera. Mexa ma' xewqet missieru u studja t-teoloġija u daħal fil-ministeru tal-knisja Kalvinista. Imma kontra xewqat il-ġenituri tiegħu, studja wkoll il-matematika u l-astronomija. Ivvjaġġa madwar l-Ewropa mill-1676 sal-1682 fejn tgħallem dwar l-aħħar skoperti fil-matematika u x-xjenzi, li fosthom kien hemm ix-xogħol ta' Robert Boyle u Robert Hooke.
Sar jaf dwar il-kalkulu mill-korrispondenza li kellu ma' Gottfried Leibniz, u wara kkollabora ma' ħuh Johann fuq bosta applikazzjonijiet, u partikolarment ippubblika artikli dwar il-kurvi traxxendenti (1696 ) u l-isoperimetrija (1700, 1701). Fl-1690, Jacob Bernoulli sar l-ewwel persuna li żviluppat it-teknika għas-soluzzjoni tal-ekwazzjonijiet differenzjali separabbli.
Meta rritorna lejn Basel fl-1682, waqqaf skola għall-matematika u x-xjenzi. Inħatar professur tal-matematika fl-Università ta' Basel fl-1687 u baqa' f'din il-kariga għall-bqija ta' ħajtu.
Jacob Bernoulli huwa magħruf l-iżjed għax-xogħol Ars Conjectandi (L-Arti tal-konġettura), ippubblikat tmien snin wara mewtu fl-1713 minn neputih Nicholas. F'dan ix-xogħol iddeskriva r-riżultati magħrufa fit-teorija tal-probabbiltà u fl-enumerazzjoni, u spiss ipprovda provi alternattivi ta' riżultati magħrufa. Dan ix-xogħol jinkludi wkoll l-applikazzjoni tat-teorija tal-probabbiltà għal-logħob tal-azzard u l-introduzzjoni tiegħu għat-teorema magħrufa bħala l-liġi tan-numri kbar. It-termini prova ta' Bernoulli u numri ta' Bernoulli ġejjin minn dan ix-xogħol. Il-kratere tal-qmar Bernoulli huwa wkoll msemmi għalih flimkien ma ħuh Johann.
Bernoulli għażel il-figura ta' spirali logaritmika u l-motto Eadem mutata resurgo (Mibdul imma l-istess, nerġa' nirxoxta") għal-lapida tal-qabar tiegħu; però l-ispirali fuq il-lapida hi spirali Arkimedeja[1]. "[Jacques Bernoulli] kiteb li l-ispirali logaritmika tista' tintuża bħala simbolu, jew ta' fortitudni u l-kostanza fl-diffikultajiet, jew tal-ġisem uman, li wara l-bidliet kollha tiegħu, anki wara l-mewt, se jiġi restawrat eżatt u perfett’ ”[2]. Jacob kellu tmien ulied, ħamsa bniet u tlieta subien.
Referenzi
immodifika- ^ Jacob (Jacques) Bernoulli, The MacTutor History of Mathematics archive, School of Mathematics and Statistics, University of St Andrews, UK.
- ^ Livio, Mario, 2002, The golden ratio: the story of Phi, the extraordinary number of nature, art, and beauty Londra .p.116
Bibljografija
immodifika- Hoffman J.E., Bernoulli, Jakob (Jacques) I Vol 2, paġni 46–51
- Schneider, I., Ars conjectandi f' Landmark Writings in Western Mathematics ed. Ivor Grattan-Guinness, Elsevier 2005, paġni 88–104.