Hospital de Sant Pau
L-Hospital de Sant Pau, li qabel kien magħruf bħala Hospital de la Santa Creu i Sant Pau (pronunzja bil-Katalan: [uspiˈtal də lə ˈsantə ˈkɾɛw i ˈsam ˈpaw], bil-Malti: Sptar tas-Salib Imqaddes u ta' San Pawl), fil-kwartier ta' El Guinardó, f'Barċellona, il-Katalonja, Spanja, huwa kumpless li nbena bejn l-1901 u l-1930. Huwa wieħed mill-iżjed xogħlijiet prominenti tal-arkitett tal-moderniżmu Katalan Lluís Domènech i Montaner. Il-kumpless ġie elenkat bħala Conjunto Histórico (monument storiku) fl-1978. Flimkien mal-Palau de la Música Catalana, ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1][2]
Magħmul minn 12-il paviljun konnessi permezz ta' galleriji twal taħt l-art fi ħdan l-ispazju aħdar kbir tiegħu, l-Hospital de Sant Pau huwa l-ikbar kumpless li qatt inbena bl-istil tal-Art Nouveau.[3] Kien sptar li kien jiffunzjona għalkollox sa Ġunju 2009 u mbagħad inbena sptar ġdid ħdejh, qabel ma beda x-xogħol ta' restawr fuqu biex jibda jintuża bħala mużew u ċentru kulturali li nfetaħ fl-2014. Apparti li l-eks sptar huwa kapulavur storiku u arkitettoniku importanti, il-binji toffri wkoll spazji tax-xogħol għal organizzazzjoni soċjali ta' profil għoli bħad-WHO, il-Banco Farmacéutico, il-Barcelona Health Hub, l-EMEA, il-UN-HABITAT fost oħrajn.[4] Iċ-ċentru kulturali għandu wkoll arkivju storiku fejn jinstabu r-rekords u d-dokumenti ta' ġrajjiet notevoli b'rabta mal-eks sptar u mal-belt. L-arkivji huma miftuħa għall-pubbliku flimkien ma' kamra għall-qari u joffru tagħrif għall-viżitaturi u għar-riċerkaturi permezz tas-servizz tal-informazzjoni u tar-reprografika.[5]
Storja
immodifikaGħalkemm is-26 binja attwali tal-isptar imorru lura għas-seklu 20, l-Hospital de la Santa Creu (l-aħħar parti tal-isem, "Sant Pau", ġiet miżjuda bħala ġieħ għall-bankier Pau Gil li ħallas għall-binjiet il-ġodda fis-seklu 20) ġie stabbilit fl-1401 meta sitt sptarijiet Medjevali ngħaqdu fi sptar kbir wieħed.[6] L-eks binjiet tal-isptar ħdejn iċ-ċentru ta' Barċellona jmorru lura għas-seklu 15, u issa jospitaw skola tal-arti (Escola Massana) u l-Biblioteca de Catalunya (il-Librerija Nazzjonali tal-Katalonja).[7]
Il-kostruzzjoni tal-binja inizjali li bdiet fl-1401 tlestiet fl-1450. Iktar 'il quddiem fis-seklu 17, ġiet miżjuda l-binja tal-Casa Convalescència mal-kumplament tal-kumpless.[8] Bl-espansjoni tal-belt kif ukoll id-dehra antikwata u l-qagħda tal-binjiet Medjevali, fl-1902 bdiet il-kostruzzjoni ta' sptar ġdid iddisinjat minn Lluís Domènech i Montaner. Il-pjanta oriġinali ta' Domènech kellha 48 binja iżda effettivament inbnew 27 binja.
Fl-1991, l-isptar ingħata s-Salib ta' San Ġorġ mill-Generalitat de Catalunya.
Fl-2003 nbniet binja ta' sptar ġdid lejn it-Tramuntana tal-paviljuni tal-Modernist Domènech i Montaner u kważi d-dipartimenti kollha ġew ittrasferiti fih. Madankollu, xi ftit dipartimenti bħall-Bank tad-Demm u tat-Tessuti, id-dipartiment tar-radjografija u d-dipartiment tat-terapija fiżika baqgħu f'uħud mill-binjiet l-antiki.
Restawr
immodifikaWara snin ta' użu fis-servizz tas-saħħa, il-binjiet tal-Hospital de Sant Pau kellhom xi ħsarat u kellhom bżonn restawr. Għalhekk, fl-2009 beda restawr metikoluż tal-kumpless. Kumitat tal-Wirt ġie msawwar biex jikkoordina l-proċess u jiżgura l-kwalità tal-interventi. Iktar minn 30 tim ta' esperti u arkitetti ħadu sehem fir-restawr. Il-konfigurazzjoni oriġinali tal-binjiet ġiet stabbilita, qabel ma bdew l-interventi, permezz ta' eżaminar tal-arkivji storiċi.[9]
Żona bil-bini ta' 29.517 metru kwadru u spazju estern kumplessiv ta' 31.052 metru kwadru ġew inklużi fir-restawr. Iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea, mill-Generalitat de Catalunya, mill-Gvern Spanjol, mill-IDAE, mill-Kunsill tal-Belt ta' Barċellona, mill-Kunsill Provinċjali ta' Barċellona, mis-CEB u mill-Fondazzjoni Privata tal-Hospital de la Sant Creu i Sant Pau, il-proġett ta' restawr kellu baġit totali ta' €100 miljun.[10]
Il-proġett ta' restawr kellu tliet objettivi prinċipali. L-ewwel wieħed kien li l-binja tiġi rrestawrata għall-istat oriġinali tagħha permezz tat-tisħiħ tal-istruttura u t-tneħħija ta' kwalunkwe element li kien ġie miżjud fi stadji iktar 'il quddiem tul il-ħajja tal-binja. It-tieni objettiv kien li jiġu enfasizzati l-elementi ornamentali bl-użu ta' materjali adattati skont id-disinn oriġinali tal-binjiet. It-tielet objettiv kien li l-kumpless jiġi adattat għall-ħtiġijiet kontemporanji u għal użi alternattivi possibbli mingħajr ma titnaqqas l-awtentiċità tal-binja.[11]
L-objettivi b'rabta mal-binjiet intlaħqu permezz ta' tliet passi. L-ewwel nett ġiet irkuprata l-istruttura oriġinali skont il-pjanta oriġinali u ġew eliminati l-istrutturi li ma kinux skont il-pjanta oriġinali. Imbagħad, l-infrastruttura ġiet imsaħħa flimkien mal-istrutturi li jirfdu l-binjiet, bħax-xorok tal-ħadid, l-oqfsa tal-ħadid, eċċ. Kmamar ġodda taħt l-art u spazju ġdid tul il-perimetru nbnew biex tiżdied il-funzjonalità tal-binja mingħajr ma jtellfu d-dehra tal-faċċata oriġinali.[9]
Minkejja li l-binja nfetħet għall-viżitaturi fl-2014, il-proġett tar-restawr baqa' għaddej u tlesta għalkollox fl-2020.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Palau de la Música Catalana u l-Hospital de Sant Pau f'Barċellona ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1997. Iż-żona ta' lqugħ ġiet immodifikata kemxejn fl-2008.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
immodifika- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Inscribes 46 New Sites on World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Palau de la Música Catalana and Hospital de Sant Pau, Barcelona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Visites". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-03-04. Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Resident Institutions". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-01-28. Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Historical Archive". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-01-28. Miġbur 2022-08-23.
- ^ Tóibín, Colm (2002). Homage to Barcelona. Londra: Picador. p. 34. ISBN 9780330373562.
- ^ "History". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-01-28. Miġbur 2022-08-23.
- ^ "The Mediaeval Hospital". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-01-28. Miġbur 2022-08-23.
- ^ a b "The sublime restoration of Sant Pau's Hospital: a modernist treasure looking to the future". diariodesign.com (bl-Ispanjol). 2014-07-01. Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Administration Pavilion of the Historical site "Sant Pau Hospital" - Restoration of interiors onl, arquitectura". World-Architects (bil-Franċiż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Restoration". Sant Pau Recinte Modernista (bl-Ingliż). 2014-01-28. Miġbur 2022-08-23.