Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jew ODS (bl-Ingliż: World Health Organization, WHO), hija istituzzjoni intergovernattivita fi ħdan il-Ġnus Magħquda. L-għan tal-ODS, li tinvolvi 193 stat membru (sal-2010), hu li l-ġnus kollha fid-dinja jilħqu l-ogħla livell ta' saħħa possibbli.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa | |
---|---|
Bandiera tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa | |
Tip | Aġenzija speċjalizzata tal-Ġnus Magħquda |
Akronimi | ODS, WHO |
Kap | Dr. Margaret Chan |
Stat | Attiva |
Fundazzjoni | 7 ta' April 1948 |
Kwartieri ġenerali | Ġinevra, Żvizzera |
Sit | www.who.int |
Il-Kostituzzjoni tal-ODS ġiet approvata fl-1946 u daħlet fis-seħħ fis-7 April 1948. Dan il-jum jitfakkar kull sena bħala l-Jum Dinji tas-Saħħa.
L-ODS taqdi żewġ għanijiet kostituzzjonali ewlenin :
1. li sservi ta’ awtorità sabiex tmexxi u tikkordina xogħol fuq is-saħħa fil-qasam internazzjonali
2. li tinkuraġġixxi koperazzjoni teknika fuq is-saħħa mal-Istati Membri.
L-ODS taqdi dmirijietha permezz ta’ tliet strutturi ewlenin: l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, il-Bord Eżekuttiv u s-Segretarjat.
• Il-Kwartieri Ġenerali tal-ODS qegħdin Ġineva fl-iSvizzera.
• Waħda mill-karatteristiċi tal-ODS hija d-deċentralizzazzjoni tagħha. Hemm sitt reġjuni, kull wieħed minnhom bil-Kumitat Reġjonali u bl-Uffiċċju Reġjonali tiegħu.
Għan u Funzjonijiet
immodifikaBħala l-awtorità li tmexxi u tikkordina x-xogħol fuq is-saħħa fil-qasam internazzjonali, kif miktub fil-Kostituzzjoni tagħha, l-ODS għandha bħala għan “li l-ġnus kollha jilħqu l-ogħla livell ta’ saħħa possibbli”. Hija telenka b’mod partikolari numru ta’ responsabbiltajiet, fosthom:
- li tgħin il-gvernijiet, fuq talba tagħhom, isaħħu s-servizzi tas-saħħa;
- li twettaq u żżomm is-servizzi amministrattivi u tekniċi meħtieġa, inkluż dawk epidemjoloġiċi u statistiċi;
- li tipprovdi tagħrif, pariri u għajnuna fil-qasam tas-saħħa;
- li tistimula l-qerda ta’ mard epidemiku, endemiku u forom ta’ mard ieħor;
- li tippromwovi titjib fin-nutriment, l-akkomodazzjoni, sanità, kundizzjonijiet tax-xogħol, u aspetti oħra tal-iġjene ambjentali;
- li tippromwovi koperazzjoni fost gruppi xjentifiċi u professjonali li jikkontribwixxu għat-titjib tas-saħħa;
- li tipproponi konvenzjonijiet internazzjonali u ftehim dwar kwistjonijiet ta' saħħa;
- li tippromwovi u twettaq riċerka fil-qasam tas-saħħa;
- li tiżviluppa standards internazzjonali għall-ikel, prodotti farmaċewtiċi u bioloġiċi; u
- li tgħin l-iżvilupp fost il-ġnus kollha ta' opinjoni pubblika infurmata dwar kwistjonijiet ta' saħħa.
Struttura
immodifikaL-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tinżamm f'Mejju ta' kull sena, normalment f'Ġinevra, u jattendu għaliha delegazzjonijiet mill-iStati Membri kollha. Ix-xogħlijiet ewlenin tagħha huma li jiġi approvat il-baġit tal-programm fuq sentejn, u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin ta' politika. L-Assemblea tas-Saħħa hija l-ogħla struttura deċiżjonali.
Il-Bord Eżekuttiv hu magħmul minn 34 individwu teknikament ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, kull wieħed maħtur minn Stat Membru elett mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għal dan l-għan. L-iStati Membri jiġu eletti għal perjodu ta’ tliet snin, u l-individwi li huma jaħtru jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom. Il-Bord jiltaqa' minn tal-inqas darbtejn fis-sena; il-laqgħa ewlenija ssir normalment f'Jannar, b'laqgħa oħra iqsar f'Mejju, dritt wara l-Assemblea tas-Saħħa. Il-funzjonijiet ewlenin tal-Bord Eżekuttiv huma li jġibu fis-seħħ id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Assemblea tas-Saħħa, biex jagħtuha pariri u biex jiffaċilitaw ix-xogħol tagħha b’mod ġenerali.
Is-Segretarjat huwa magħmul minn 8000 espert fuq is-saħħa u oqsma oħra, kemm fil-kategoriji professjonali u servizz ġenerali, li jaħdmu kemm fil-kwartieri ġenerali, kif ukoll fis-sitt uffiċċji reġjonali u fil-pajjiżi. Is-Segretarjat huwa mmexxi mid-Direttur Ġenerali (DĠ) tal-ODS, li huwa maħtur mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fuq in-nominazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Ġenerali huwa megħjun minn Viċi Direttur Ġenerali u l-Assistenti Diretturi Ġenerali.
Id-Diretturi Ġenerali mill-1948 'l hawn huma :
Isem | Snin fil-ħatra | Pajjiż | |
---|---|---|---|
1 | Brock Chisholm | 1948–1953 | Kanada |
2 | Marcolino G. Candau | 1953–1973 | Brażil |
3 | Halfdan T. Mahler | 1973–1988 | Danimarka |
4 | Hiroshi Nakajima | 1988–1998 | Ġappun |
5 | Gro Harlem Brundtland | 1998–2003 | Norveġja |
6 | Lee Jong-Wook | 2003–2006 | Korea t'Isfel |
7 | Anders Nordström | 2006–2007 | Żvezja |
8 | Margaret Chan | 2007– | Ċina |
Id-Direttur Ġenerali preżenti, Dr Margaret Chan, inħatret mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fid-9 Novembru 2006. Qabel ma saret Direttur Ġenerali, Dr Chan kellha l-kariga ta’ Assistent DĠ għall-Mard Infettiv kif ukoll Rappreżentant tad-Direttur Ġenerali għall-Influwenza Pandemika. Qabel ma ssieħbet fl-ODS, hija kienet id-Direttur tas-Saħħa f’Hong Kong. Matul id-disa' sena tagħha bħala direttur, Dr Chan iffaċċjat l-ewwel epidemija fost il-bniedem tal-influwenza tat-tjur H5N1 fl-1997. Hija rnexxielha tikkontrolla l-każi tas-sindromu respiratorju akut qawwi (severe acute respiratory syndrome, SARS) f'Hong Kong fl-2003. Hi nediet ukoll servizzi ġodda għall-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa.
Deċentralizzazzjoni
immodifikaWaħda mill-karatteristiċi tal-ODS hija d-deċentralizzazzjoni tagħha f’sitt reġjuni, kull wieħed minnhom magħmul minn Kumitat Reġjonali u Uffiċċju Reġjonali. Kull Uffiċċju Reġjonali huwa mmexxi minn Direttur Reġjonali.
L-Uffiċċji Reġjonali huma responsabbli biex jifformulaw politika ta' natura reġjonali u għal attivitajiet ta' monitoraġġ reġjonali. F'ħafna pajjiżi, l-ODS għandha Rappreżentant residenti, li huwa responsabbli mill-attivitajiet tal-ODS fil-pajjiż, u li jagħti appoġġ lill-gvern fl-ippjanar u fit-tmexxija tal-programmi nazzjonali tas-saħħa.
Madwar 40% tal-istaff kollu tal-ODS jaħdem fil-pajjiżi nnifishom fuq programmi tas-saħħa jew bħala Rappreżentanti tal-ODS; 30% jinsabu fis-sitt Uffiċċji Reġjonali; u 30% fil-kwartieri ġenerali f'Ġinevra. Il-mappa hawn taħt turi kif inhuma mqassmin ir-Reġjuni kif ukoll il-lok tas-sitt Uffiċċji Reġjonali:
Referenza
immodifikaWorld Health Organization. Facts about WHO. Geneva : World Health Organization, 1990. Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. http://www.who.int
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (United Nations World Health Organization) |