Grotta ta' Chauvet

grotta b'pitturi preistoriċi fi Franza

Il-Grotta ta' Chauvet, magħrufa wkoll bħala l-Grotta Chauvet-Pont-d'Arc jew il-Grotta ta' Pont d'Arc, (bil-Franċiż: Grotte Chauvet-Pont d'Arc, pronunzjata bil-Franċiż: ​[ɡʁɔt ʃovɛ pɔ̃ daʁk]) fid-dipartiment ta' Ardèche fix-Xlokk ta' Franza hija grotta li fiha wħud mill-iktar pitturi ppreservati ta' ġol-għerien fid-dinja, kif ukoll evidenza oħra dwar il-ħajja fl-Aħħar tal-Era Paleolitika.[1] Il-grotta tinsab qrib il-komun ta' Vallon-Pont-d'Arc fuq irdum tal-ġebla tal-ġir 'il fuq mill-baċir preċedenti tax-xmara Ardèche, fil-widien dojoq ta' Ardèche.

L-iljuni mpittra fil-Grotta ta' Chauvet

Il-grotta ġie skoperta fit-18 ta' Diċembru 1994, u hija meqjusa bħala wieħed mill-iktar siti sinifikanti tal-arti preistorika, tant li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-22 ta' Ġunju 2014[2], inqas minn għaxar snin wara li ġiet skoperta.[3] Il-grotta ġiet esplorata għall-ewwel darba minn grupp ta' tliet speleologi: Eliette Brunel-Deschamps, Christian Hillaire, u Jean-Marie Chauvet. Il-grotta ssemmiet għal dan tal-aħħar sitt xhur wara li fetħa magħrufa bħala "Le Trou de Baba" ("It-Toqba ta' Baba") ġiet skoperta minn Michel Rosa (Baba).[4] Iktar 'il quddiem, il-grupp irritorna fil-grotta. Membru ieħor tal-grupp, Michel Chabaud, flimkien ma' tnejn oħra, daħlu iktar fil-fond tal-grotta u skoprew il-Gallerija tal-Iljuni, l-Aħħar Kompartiment tal-grotta. Chauvet fassal rendikont dettaljat tiegħu stess tal-iskoperta.[5] Minbarra l-pitturi u evidenza umana oħra, huma skoprew ukoll fdalijiet fossilizzati, impronti, u marki minn varjetà ta' annimali, li wħud minnhom issa huma estinti.

Studju ulterjuri mill-arkeologu Franċiż Jean Clottes żvela ħafna iktar dwar is-sit. Id-datar kien kwistjoni ta' diżgwid iżda studju li ġie ppubblikat fl-2012 appoġġa d-datar tal-arti fil-perjodu ta' Aurignac, bejn wieħed u ieħor 30,000–32,000 sena ilu. Studju li ġie ppubblikat fl-2016 uża 88 datar addizzjonali permezz tar-radjokarbonju, u wera li kien hemm żewġ perjodi ta' abitazzjoni fil-grotta, waħda bejn 33,500 sa 37,000 sena ilu u oħra bejn 28,000 sa 31,000 sena ilu, u l-biċċa l-kbira tat-tpinġijiet suwed ġew datati li saru fl-iktar perjodu bikri.[2]

Karatteristiċi

immodifika
 
Impronti ta' orsijiet fil-Grotta ta' Chauvet u x'aktarx il-postijiet ittundjati fl-art fejn kienu jorqdu

Il-grotta tinsab 'il fuq mill-baċir preċedenti tax-xmara Ardèche qabel iffurmat il-ħnejja naturali ta' Pont d'Arc. Fil-widien dojoq tar-reġjun ta' Ardèche hemm bosta għerien, u diversi minnhom għandhom xi importanza ġeoloġika jew arkeoloġika.

Abbażi tad-datar bir-radjokarbonju, il-grotta jidher li ntużat mill-bnedmin matul żewġ perjodi distinti: l-Era ta' Aurignac u l-Era Gravettjana. Il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet tal-arti saru fl-Era ta' Aurignac (30,000 sa 32,000 sena ilu). L-abitazzjoni fl-Era Gravettjana, li seħħet xi 25,000 sa 27,000 sena ilu, ħalliet biss l-impronti tas-saqajn ta' tifel jew tifla, il-fdalijiet maħruqin ta' ħuġġiġiet antiki[6], u tebgħat tal-karbonju min-nugrufun ta' torċi li kien jinxtegħlu fil-grotta. L-impronti tas-saqajn jaf huma l-eqdem impronti tas-saqajn umani li jistgħu jiġu datati b'mod akkurat. Wara ż-żjara tat-tifel jew tat-tifla fil-grotta, l-evidenza tissuġġerixxi li minħabba ċediment tal-art li għatta d-daħla storika, il-grotta baqgħet mhux mimsusa sa ma ġiet skoperta fl-1994.[7]

Fuq l-art ratba u qisha taflija tal-grotta nstabu impronti tas-saqajn tal-orsijiet, flimkien ma' marki kbar ġejjin għat-tond li jingħad li x'aktarx ġew magħmula mill-orsijiet biex jorqdu fihom. L-għadam fossilizzat huwa abbundanti u jinkludi l-kranji ta' orsijiet tal-għerien u l-kranju bil-qrun ta' mogħża tal-barr.[8] L-impronti tas-saqajn ta' tifel jew tifla ta' età żgħira u dawk ta' lupu jew kelb mexjin maġenb xulxin instabu fil-grotta. Din l-informazzjoni tissuġġerixxi li l-oriġini tal-kelb domestiku tmur lura għal qabel l-aħħar era glaċjali.[9]

 
Pitturi ta' diversi annimali fil-Grotta ta' Chauvet

Mijiet ta' pittturi ta' annimali ġew katalogizzati, u juru mill-inqas 13-il speċi differenti, inkluż uħud li qajla jew qatt ma nstabu f'pitturi oħra tal-era glaċjali. Minflok jintwerew l-erbivori familjari biss li kienu predominanti fl-arti Paleolitika fl-għerien, jiġifieri żwiemel, gniedes estinti, mammutijiet, eċċ., il-ħitan tal-Grotta ta' Chauvet fiha bosta annimali predaturi, eż., iljuni tal-għerien, leopardi, orsijiet, u jeni tal-għerien. Hemm ukoll pitturi ta' rinoċerontijiet.[10]

Xi ħaġa tipika tal-biċċa l-kbira tal-arti fl-għerien hi li ma hemm l-ebda pittura ta' figuri umani sħaħ, għalkemm hemm figura parzjali waħda ta' "Venere" komposta minn qisha vulva mehmuża ma' par mhux komplut ta' riġlejn. 'Il fuq mill-Venere, u f'kuntatt magħha, hemm ras ta' biżont, li wassal biex uħud jiddeskrivu t-tpinġija kompożita bħala Minotawru.[11] Hemm ftit pannelli ta' impronti u marki tal-idejn bl-okra ħamra magħmula bl-infiħ tal-pigment fuq l-idejn magħfusin mas-superfiċe tal-grotta. Fil-grotta kollha hemm ukoll bosta marki astratti — linji u tikek. Barra minn hekk, hemm żewġ immaġnijiet mhux identifikabbli li għandhom għamla vaga ta' farfett jew tajra. Dan il-kombinament ta' suġġetti wassal biex xi studenti tal-arti u tal-kultura preistorika jemmnu li kien hemm aspett ritwalistiku, xamaniku jew maġiku mehmuż ma' dawn il-pitturi.[12]

 
Pittura ta' speċi ta' biżont tal-isteppa (Bison priscus) fil-Grotta ta' Chauvet fuq bolla tar-Rumanija tal-2001

Tpinġija partikolari, li iktar 'il quddiem ġiet sovraimposta bi skizz ta' ċerva, qisha vulkan li ħierġa l-lava minnu, simili għall-vulkani reġjonali li kienu attivi dak iż-żmien. Jekk dan huwa l-każ, din tkun tirrappreżenta l-iktar tpinġija bikrija magħrufa ta' żbroffar vulkaniku.[13]

L-artisti li pproduċew dawn it-tpinġijiet użaw tekniki li qajla ntużaw fl-arti ta' għerien oħra. Bosta mill-pitturi jidher li saru biss wara li l-ħitan ġew imnaddfa mit-trab u xi depożiti, biex b'hekk iż-żona fejn kienu se jsiru l-pitturi mill-artisti kienet tkun iktar lixxa u ferm inqas skura. Bl-istess mod, kwalità tridimensjonali u suġġeriment ta' ċaqliq inkisbu permezz ta' inċiżjoni jew grif madwar il-kontorn ta' ċertu figuri. L-arti hija wkoll eċċezzjonali għal dak iż-żmien peress li tinkludi "xeni", eż. annimali jinteraġixxu ma' xulxin; par rinoċerontijiet sufija, pereżempju, jidhru jiġġieldu ma' xulxin bil-qarn tagħhom f'qisha battalja għat-territorju jew għad-drittijiet tat-tgħammir.[14]

 
Pitturi ta' rinoċeronti fil-Grotta ta' Chauvet

Il-grotta fiha wħud mill-eqdem pitturi magħrufa fl-għerien, abbażi tad-datar bir-radjokarbonju tal-"iswed mit-tpinġijiet, mill-marki tan-nugrufun mit-torċi u mill-art", skont Jean Clottes. Clottes jikkonkludi li d-"dati jinqasmu f'żewġ gruppi, waħda għall-ħabta tal-27,000–26,000 BP u l-oħra għall-ħabta tal-32,000–30,000 BP". Mill-1999, id-dati ta' 31 kampjun mill-grotta ġew irrapportati. L-iktar waħda bikrija, tal-kampjun Gifa 99776 miż-"żona 10", tmur lura għat-32,900 ± 490 BP.[15]

Xi arkeologi ddubitaw dawn id-dati. Christian Züchner, li serraħ fuq tqabbil stilistiku ma' pitturi simili f'siti oħra datati sew, esprima l-opinjoni li l-pitturi bl-aħmar saru fil-perjodu Gravettjan (għall-ħabta tat-28,000–23,000 BP) u l-pitturi bl-iswed saru fil-perjodu Magdalenjan Bikri (fil-bidu tal-18,000–10,000 BP).[16] Pettitt u Bahn ikkontestaw ukoll li d-datar ma kienx konsistenti mas-sekwenza stilistika tradizzjonali u li hemm inċertezza dwar is-sors tal-karbonju li ntuża fit-tpinġijiet u l-livell ta' kontaminazzjoni tas-superfiċe fuq iż-żoni esposti tal-blat.[17][18][19] Studji stilistiċi wrew li wħud mill-inċiżjonijiet Gravettjani huma sovraimposti fuq pitturi bl-iswed u dan juri li l-pitturi saru qabel.[20]

Sal-2011, inkisbu iktar minn 80 data bir-radjokarbonju, permezz ta' kampjuni minn marki tan-nugrufun bit-torċi u mill-pitturi stess, kif ukoll minn għadam tal-annimali u karbonju li nstab mal-art fil-grotta. Id-dati bir-radjokarbonju minn dawn il-kampjuni jissuġġerixxu li kien hemm żewġ perjodi fejn ġiet prodotta l-arti fil-Grotta ta' Chauvet: 35,000 sena ilu u 30,000 sena ilu.[21] B'hekk l-okkupazzjoni u t-tpittir tal-grotta jiġu kkollokati fl-Era ta' Aurignac.

 
Pittura ta' diversi annimali fosthom rinoċeront impinġi b'mod ripetut qisu qed jiċċaqlaq jew jaħrab mill-attakk tal-iljun fil-qrib

Artiklu ta' riċerka ppubblikat fil-Proceedings of the National Academy of Sciences f'Mejju 2012 minn xjenzati mill-Università ta' Savoy, mill-Università ta' Aix-Marseille u miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Preistorja, ikkonferma li l-pitturi nħolqu min-nies fl-Era ta' Aurignac, bejn 30,000 u 32,000 sena ilu. Is-sejbiet tar-riċerkaturi huma bbażati fuq l-analiżi bl-użu tad-datar ġeomorfoloġiku u tas-36Cl tas-superfiċi taċ-ċediment tal-art madwar dik li titqies bħala l-unika daħla tal-grotta. L-analiżi li għamlu wriet li d-daħla ġiet issiġillata biċ-ċediment ta' rdum xi 29,000 sena ilu. Is-sejbiet tagħhom wasslu għad-datar tal-preżenza umana fil-grotta u tal-pitturi, li qabel ma' dak li kien ġie dedott mid-datar bir-radjokarbonju, jiġifieri bejn 32,000–30,000 BP.[22][23]

Studju tal-2016 fl-istess ġurnal li eżamina 259 data tar-radjokarbonju, uħud li qatt ma kienu ġew ippubblikati qabel, ikkonkluda li kien hemm żewġ fażijiet ta' okkupazzjoni umana, waħda bejn 33,500 sa 37,000 sena ilu u t-tieni minn 28,000 sa 31,000 sena ilu. Id-dati kollha ħlief tnejn għat-tpinġijiet bl-iswed kienu minn fażi iktar bikrija. L-awturi jemmnu li l-ewwel fażi ntemmet minħabba ċediment tal-blat ta' rdum li ssiġilla l-grotta, u mbagħad seħħew żewġ ċedimenti oħra lejn l-aħħar tat-tieni fażi ta' okkupazzjoni u warajha l-ebda bniedem jew annimal kbir ma daħal fil-grotta sa meta ġiet skoperta mill-ġdid.[24] F'email lil-Los Angeles Times, tnejn mill-awturi spjegaw:

Grupp ta' bnedmin (klikka jew tribù) żaru l-Grotta ta' Chauvet matul l-ewwel perjodu madwar 36,000 sena ilu għal skopijiet kulturali. Huma pproduċew tpinġijiet bl-iswed ta' mammiferi enormi. Imbagħad, diversi eluf ta' snin wara, grupp ieħor minn post ieħor b'kultura oħra żaru l-grotta.[25]

 
Il-post fejn instabet il-Grotta oriġinal ta' Chauvet (immarkat bl-aħmar)

Fl-2020, ir-riċerkaturi użaw il-kurva l-ġdida tal-kalibrazzjoni tar-radjokarbonju IntCal20 u waslu għal stima li l-eqdem pittura fil-grotta ġiet maħluqa 36,500 sena ilu.[26]

B'mod parallel mad-datar li twettaq fil-Grotta ta' Chauvet stess, mill-2008 'il quddiem, diversi membri tat-tim xjentifiku inkarigati biex jistudjaw il-grotta wettqu riċerka kronoloġika f'bosta siti tal-arti fuq il-blat tul il-widien dojoq tax-xmara Ardèche taħt it-tmexxija ta' Julien Monney.[27] Seħħet fil-Grotta ta' Points (Aiguèze; Gard; Franza), li fiha jispikkaw similaritajiet ikonografiċi ċari mal-Grotta ta' Chauvet[28], iżda anke fil-Grotta ta' Deux-Ouvertures.[29] Din ir-riċerka, bit-titlu ta' Proġett "Datation Grottes Ornées" (jew DGO), kienet maħsuba biex tiddetermina l-kuntest li fih ġew viżitati l-grotti bl-arti fuq il-blat tar-reġjun. Il-Proġett DGO jipproponi li tiġi diskussa l-eċċezzjonalità kronoloġika u ikonografika apparenti tal-Grotta ta' Chauvet "minn barra" billi tiġi kollokata fi ħdan grupp ta' grotti reġjonali. Ir-riċerka pproduċiet bosta riżultati li indirettament jikkonċernaw il-kronoloġija tal-Grotta ta' Chauvet.[30][31][32]

Preservazzjoni

immodifika
 
Pittura ta' jena tal-għerien li ġiet datata li saret madwar 20,000 sena ilu

Il-grotta ġiet issiġillata għall-pubbliku mill-1994. L-aċċess huwa ristrett b'rigorożità kbira minħabba l-esperjenza ta' x'ġara f'għerien iddekorati oħra bħal dawk ta' Altamira u Lascaux li nstabu fis-sekli 19 u 20, fejn l-aċċess lill-viżitaturi fuq skala kbira wassal għat-tkabbir ta' moffa fuq il-ħitan li xi kultant saħansitra għamlet ħsara lill-arti. Fis-sena 2000, l-arkeologa u esperta tal-pitturi fl-għerien Dominique Baffier inħatret biex tissorvelja l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-grotta. Warajha nħatret Marie Bardisa fl-2014.

Replika tal-Grotta ta' Chauvet, imsejħa "Caverne du Pont-d'Arc", ibbażata fuq il-mudell tar-replika ta' Lascaux, infetħet għall-pubbliku ġenerali nhar il-25 ta' April 2015.[33] Hija l-ikbar replika ta' grotta li qatt inbniet fid-dinja, saħansitra għaxar darbiet akbar mir-replika ta' Lascaux. L-arti hija riprodotta bid-daqs tal-arti oriġinali f'replika kkondensata tal-ambjent ta' taħt l-art, f'binja ċirkolari 'l fuq mill-art, ftit kilometri mill-grotta oriġinali.[34] Is-sensi tal-viżitaturi huma stimolati mill-istess sensazzjonijiet ta' silenzju, dlam, temperatura, umdità u akustika, li ġew riprodotti bir-reqqa kollha.[35] Żjara virtwali tal-grotta, magħmula b'sistema ta' immaġnijiet tridimensjonali, hija disponibbli wkoll għall-pubbliku.[36]

 
Inċiżjoni ta' kokka magħmula bis-swaba' fil-Grotta ta' Chauvet

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Grotta ta' Chauvet ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2014.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

Kultura popolari

immodifika

Fit-18 ta' Diċembru 2020, il-mutur tat-tfittxija fuq l-internet Google ċċelebra s-26 anniversarju tal-iskoperta tal-Grotta ta' Chauvet b'Google Doodle.

L-awtur Kim Stanley Robinson immaġina l-ħajjiet ta' dawk li pittru l-Grotta ta' Chauvet fir-rumanz tiegħu tal-2013 Shaman.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Clottes (2003b), p. 214.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Decorated Cave of Pont d'Arc, known as Grotte Chauvet-Pont d'Arc, Ardèche". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-14.
  3. ^ "UNESCO grants heritage status to prehistoric French cave - France 24". web.archive.org. 2018-01-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-01-07. Miġbur 2021-09-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Hammer, Joshua. "Finally, the Beauty of France's Chauvet Cave Makes its Grand Public Debut". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-14.
  5. ^ Chauvet, Jean-Marie; Deschamps, Eliette Brunel; Hillaire, Christian; Clottes, Jean; Bahn, Paul (1996). Dawn of art : the Chauvet Cave : the oldest known paintings in the world. New York: H.N. Abrams. ISBN 0-8109-3232-6.
  6. ^ Ferrier, Catherine; Debard, Évelyne; Kervazo, Bertrand; Brodard, Aurélie; Guibert, Pierre; Baffier, Dominique; Feruglio, Valérie; Gély, Bernard; Geneste, Jean-Michel; Maksud, Frédéric (2014-12-28). "Heated walls of the cave Chauvet-Pont d'Arc (Ardèche, France): characterization and chronology". PALEO. Revue d'archéologie préhistorique (25): 59–78.
  7. ^ Curtis, Gregory (2006). The Cave Painters: Probing the Mysteries of the World's First Artists. New York: Knopf, pp. 215–216.
  8. ^ Curry, Andrew. "Fate of the Cave Bear". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-14.
  9. ^ Hobgood-Oster, Laura (2014). A Dog's History of the World. Baylor University Press. pp. 6–7.
  10. ^ Adams, Laurie (2011). Art Across Time (4th ed.). Mc-Graw Hill. p. 34.
  11. ^ Nast, Condé (2008-06-16). "What Does the World's Oldest Art Say About Us?". The New Yorker (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  12. ^ Lewis-Williams, David (2002). The Mind in the Cave. London: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-28465-0.
  13. ^ Callaway, Ewen (2016-01-15). "'Cave of forgotten dreams' may hold earliest painting of volcanic eruption". Nature (bl-Ingliż).
  14. ^ Fritz, Carole; Tosello, Gilles (2007-02-21). "The Hidden Meaning of Forms: Methods of Recording Paleolithic Parietal Art". Journal of Archaeological Method and Theory. Springer Science and Business Media LLC. 14 (1): 48–80.
  15. ^ Clottes (2003b), p. 33. See also Chauvet (1996), p. 131
  16. ^ Züchner, Christian (September 1998). "Grotte Chauvet Archaeologically Dated". Communication at the International Rock Art Congress IRAC ´98. Clottes (2003b), pp. 213–14.
  17. ^ Pettitt, Paul; Paul Bahn (March 2003). "Current problems in dating Palaeolithic cave art: Candamo and Chauvet". Antiquity. 77 (295): 134–41.
  18. ^ "Pettitt, P. (2008). "Art and the Middle-to-Upper Paleolithic transition in Europe: Comments on the archaeological arguments for an early Upper Paleolithic antiquity of the Grotte Chauvet art". Journal of Human Evolution". PubMed (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  19. ^ Bahn, P., P. Pettitt and C. Züchner, "The Chauvet Conundrum: Are claims for the 'birthplace of art' premature?" in An Enquiring Mind: Studies in Honor of Alexander Marshack (ed. P. Bahn), Oxford 2009, pp. 253–78.
  20. ^ "Paleoesthetique.com » The Grotte Chauvet : a completely homogeneous art ?". web.archive.org. 2014-07-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-30. Miġbur 2021-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Archaeology Magazine - March/April 2011 - 39". www.nxtbook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  22. ^ "Latest Breaking News, Headlines & Updates | National Post". nationalpost (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  23. ^ Sadier, Benjamin; Delannoy, Jean-Jacques; Benedetti, Lucilla; Bourles, Didier; Jaillet, Stephane; Geneste, Jean-Michel; Lebatard, Anne-Elisabeth; Arnold, Maurice (2012). "Further constraints on the Chauvet cave artwork elaboration". Proceedings of the National Academy of Sciences. 109 (21): 8002–6.
  24. ^ Anita Quiles, Hélène Valladas, Hervé Bocherens, Emmanuelle Delqué-Kolic, Evelyne Kaltnecker, Johannes van der Plicht, Jean-Jacques Delannoy, Valérie Feruglio, Carole Fritz, Julien Monney, Michel Philippe, Gilles Tosello, Jean Clottes, and Jean-Michel Geneste "A high-precision chronological model for the decorated Upper Paleolithic cave of Chauvet-Pont d’Arc, Ardèche, France" PNAS 2016 113 (17) 4670–75
  25. ^ Facebook; Twitter; options, Show more sharing; Facebook; Twitter; LinkedIn (2016-04-12). "Chauvet cave: The most accurate timeline yet of who used the cave and when". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  26. ^ "From cave art to climate chaos: How a new carbon dating timeline is changing our view of history". phys.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-15.
  27. ^ Monney, Julien (2018). "La grotte aux Points d'Aiguèze, petite soeur de la grotte Chauvet et les recherches menées dans le cadre du projet "Datation Grottes Ornées"". Karstologia. 72: 1–12. ISSN 0751-7688.
  28. ^ Monney, Julien (2018). "L'art pariétal paléolithique de la grotte aux Points d'Aiguèze : définition d'un dispositif pariétal singulier et discussion de ses implications". Karstologia. 72: 45–60. ISSN 0751-7688.
  29. ^ Monney, Julien (2010). "La grotte des Deux-Ouvertures : Le regard et la mémoire". Ardèche Archéologie. 27: 3–12.
  30. ^ Monney, Julien (2014). "Nouveaux éléments de discussion chronologique dans le paysage des grottes ornées de l'Ardèche: Oulen, Chabot et Tête-du-Lion". Paléo: 271–283. ISSN 1145-3370.
  31. ^ Monney, Julien (2014). "La grotte des Deux-Ouvertures à Saint-Martin-d'Ardèche: approches chronométriques croisées de la mise en place du massif stalagmitique (U/Th et 14C AMS): implications quant aux fréquentations humaines de la cavité et à la présence ursine dans la région". Paléo: 41–50. ISSN 1145-3370.
  32. ^ Condemi, Silvana; Voisin, Jean-Luc; Puymérail, Laurent; Monney, Julien; Philippe, Michel (2017-06-01). "Les restes humains de la grotte ornée paléolithique des Deux-Ouvertures (Ardèche, France)". Comptes Rendus Palevol. 16 (4): 452–461.
  33. ^ Rauchhaupt, Ulf von. "Steinzeitkunst: Frühe Meister ohne Lehrzeit" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-09-15.
  34. ^ "Chauvet-Pont d'Arc cave, grand opening!". TRACCE (bl-Ingliż). 2015-02-07. Miġbur 2021-09-15.
  35. ^ "Conservation of prehistoric caves and stability of their inner climate: lessons from Chauvet and other French caves". Bourges F., Genthon P., Genty D., Lorblanchet M., Mauduit E., D’Hulst D. Science of the Total Environment. Vol. 493, 15 Sept. 2014, pp. 79–91.
  36. ^ "Explore the cave". La Grotte Chauvet-Pont d'Arc. Miġbur 2021-09-15.