Ġlormu Cassar

perit Malti
(Rindirizzat minn Girolamo Cassar)

Ġlormu Cassar (Taljan: Girolamo Cassar, c. 1520 – c. 1592) kien perit u inġinier militari Malti li hu magħruf għall-irwol tiegħu fil-kostruzzjoni tal-Belt Valletta. Hu beda bħala assistent ta' Francesco Laparelli, u wara li dan telaq minn Malta Cassar ħa l-proġett f'idejh u ddiżinja ħafna bini pubbliku, reliġjuż u privat fil-belt kapitali l-ġdida, inkluż il-Knisja Konventwali (illum magħrufa bħala l-Kon-Katidral ta' San Ġwann), il-Palazz tal-Gran Mastru u l-bereġ. Hu sar l-inġinier residenti tal-Ordni ta' San Ġwann, u sar membru fl-Ordni fl-1569. Wieħed mit-tfal tiegħu, Vitor Cassar, ukoll sar perit u inġinier militari.

Faċċata tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann

Bijografija

immodifika

Id-data tat-twelid ta' Cassar mhix magħrufa, iżda hu maħsub li twieled madwar l-1520 fil-Birgu jew fil-Gudja. Il-familja Cassar probabbilment kienet toriġina minn Sqallija, u kienet ilha stabbilita f'Malta minn madwar l-1440. Cassar kellu żewġt aħwa jisimhom Andrea u Ians, u hu żżewweġ lil martu Mattea fil-bidu tas-snin 1560. Ġlormu u Mattea Cassar kellhom ħames itfal: żewġ subien, Vittorio u Gabriele; u tliet tfajliet, Marietta, Battistina u Caterinella.[1] Cassar kellu tifel ieħor jismu Gio Domenico minn relazzjoni extra-matrimonjali u ma riedx li dan ikollu parti mill-wirt tiegħu, u ironikament iġġustifika dan billi kiteb li ibnu kien diżubbidjenti.[2]

Cassar beda l-karriera tiegħu bħala kapumastru, u kien student ta' Evangelista Menga, l-inġinier residenti tal-Ordni ta' San Ġwann. Hu ħadem bħala inġinier militari waqt il-Battalja ta' Ġerba fl-1560 u fl-Assedju l-Kbir ta' Malta fl-1565. Matul l-aħħar assedju, huwa ħadem fuq it-tiswija ta' swar li ġarrbu ħsara mill-attakki Ottomani, xi drabi taħt riskju personali kbir.[3]

Wara l-assedju, il-kavallieri ddeċidew li jibnu belt kapitali ġdida bl-isem ta' Valletta, u Cassar sar l-assistent ta' Francesco Laparelli inġinier militari Taljan li ntbagħat Malta biex jiddiżinja s-swar u l-pjanta ġenerali tal-belt. Fit-22 t'April 1569, Cassar sar membru tal-Ordni bħala rikonoxximent tal-merti tiegħu bħala perit u inġinier. Il-Gran Mastru ħariġlu passaport u Cassar qatta l-bqija tas-sena jdur diversi bliet Taljani,[3] inkluż Napli, Ruma u Lucca. Waqt li kien l-Italja hu sar familjari mal-Manneriżmu, u uża dan l-istil f'ħafna mill-bini li ddiżinja wara.[4]

Cassar irritorna lejn Malta fl-aħħar tal-1569. Sadattant, ix-xogħol fuq is-swar kien kważi lest u wara li Laparelli telaq minn Malta hu ħa l-proġett f'idejh u sar il-perit u inġinier residenti tal-Ordni. Huwa ddiżinja ħafna bini pubbliku, reliġjuż u privat fil-belt kapitali l-ġdida, inkluż il-Knisja Konventwali (illum magħrufa bħala l-Kon-Katidral ta' San Ġwann), il-Palazz tal-Gran Mastru, is-seba' bereġ oriġinali u possibilment is-Sacra Infermeria. Cassar iddiżinja wkoll xi binjiet barra l-Belt, inkluż il-Palazz ta' Verdala.[3]

Id-data u ċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Cassar mhumhiex magħrufin. Hu għamel it-tieni testment tiegħu fid-9 ta' Jannar 1589, u maħsub li miet fil-Belt madwar is-sena 1592. Hu kien midfun fil-Knisja ta' Porto Salvo.[3]

Bini attribwit lil Cassar

immodifika
 
Berġa ta' Aragona
 
Il-Forni della Signoria, li twaqqgħu fis-seklu 20

Din hi lista ta' binjiet li huma magħrufin li ġew iddiżinjati minn Cassar jew li huma attribwiti lejh:[3]

Il-Belt Valletta
 
Il-Palazz Verdala
Postijiet oħra madwar Malta

Ħafna minn dawn il-binjiet twaqqgħu jew reġgħu nbnew mill-ġdid bejn is-sekli 17 u 20, u illum ftit binjiet għadhom jeżistu li għad għandhom id-disinn oriġinali ta' Cassar. Mill-bereġ tal-Belt, l-unika waħda li għadha bil-faċċata ta' Cassar hija l-Berġa ta' Aragona, fejn l-unika alterazzjoni tikkonsisti f'portiku li kien miżjud mal-bieb prinċipali fis-seklu 19. Bini ieħor li jżomm id-disinn estern ta' Cassar jinkludi l-Kon-Katidral ta' San Ġwann u l-Knisja ta' San Mark fir-Rabat, iżda minn ġewwa dawn inbidlu ukoll maż-żmien.[5]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Mangion, Giovanni (1973). "Girolamo Cassar Architetto maltese del cinquecento". Melita Historica (bit-Taljan). Malta Historical Society. 6 (2): 192–200. Arkivjat mill-oriġinal fis-16 ta' Marzu 2016.
  2. ^ Abela, Joan (2007). "De uxore proxima futura magistri Hieroniymi Cassar: New light on Girolamo Cassar's immediate family". Melita Historica (bl-Ingliż). Malta Historical Society. XIV (4): 375–385. Arkivjat mill-oriġinal fis-17 ta' Mejju 2020.
  3. ^ a b ċ d e Schiavone, Michael J. (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol. 1 A–F (bl-Ingliż). Tal-Pietà: Pubblikazzjonijiet Indipendenza. p. 520–521. ISBN 9789993291329.
  4. ^ Ellul, Michael (2004). !In search of Girolamo Cassar: An unpublished manuscript at the State Archives of Lucca". Melita Historica (bl-Ingliż). XIV (1): 37. ISSN 1021-6952. Arkivjat mill-oriġinal fit-13 ta' Marzu 2016.
  5. ^ "Façade of church dedicated to St Mark in Rabat to be restored". The Malta Independent (bl-Ingliż). 30 ta' Ġunju 2016. Arkivjat mill-oriġinal fl-1 ta' Lulju 2016.