Palazz tal-Gran Mastru
Il-Palazz tal-Gran Mastru jew il-Palazz Maġisterjali, huwa420 palazz fil-Belt Valletta, Malta. Bħalissa l-Palazz jagħti lok għall-uffiċċju tal-President ta' Malta. Għal xi żmien kien ukoll is-sit tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta.
Has use | official residence |
---|---|
Native label | Palazz tal-Gran Mastru |
Pajjiż | Malta |
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstab | Valletta |
Koordinati | 35°53′56″N 14°30′51″E |
Propjetarju | Gvern ta' Malta, Heritage Malta |
Ikkummissjonat minn | Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri ta' San Ġwann |
Arkitett | Ġlormu Cassar |
Stil arkitettoniku | Manjeriżmu |
Date of official opening | 1574 |
Maintained by | Heritage Malta |
---
Il-Palazz tal-President, jew inkella kif inhu magħruf aktar, il-Palazz tal-Gran Mastru/i mbena f'żewġ fażijiet. L-ewwel parti mill-palazz, dik tan-naħa tat-tramuntana, jiġifieri dik in-naħa li tagħti ma’ triq l-Arċisqof, ġiet mibnija minn Ġlormu Cassar (jew Girolamo Cassar) fl-1574. Xi swali ta’ fuq, u l-kmamar ta’ isfel tas-servitù, kif ukoll l-istalel fil-pjan terren, iduru mall-bitħa hekk imsejħha ta’ Nettunu. In-naħa l-oħra tal-palazz li għandha bieb għaliha wkoll, u li tagħti għal fuq Triq it-Teatru l-Antik, inbniet fi żmien il-Gran Mastru Pinto, għan-nofs is-seklu tmintax. Hawn, is-swali ta’ fuq u l- kmamar ta' isfel iduru madwar il-bitħa msejħa ‘tal-Prinċep Alfred’.
Il-Palazz ra erba’ epoki differenti: dik ta’ żmien il-kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann (mill-1574 - 1798), dik ta’ żmien il-Franċiżi (1790 -1800), dik ta' żmien l-Ingliżi 1800-1964, u dik preżenti fejn mill-1974 sal-lum il-Palazz beda jservi bħala l-uffiċċju tal-President ta’ Malta. Mill-1921 sal-2017, il-Palazz kien ukoll iservi bħala s-sede tal-Parlament Malti.
L-Armerija tal-Palazz li kienet xi darba fis-sular ta’ fuq, issa qiegħeda f'żewġt iswali, isfel, in-naħa ta’ Triq il-Merkanti. Din l-armerija hi waħda mill-akbar li jeżistu fl-Ewropa għax fiha mijiet ta’ armi u kurazzi tal-epoka ta’ żmien l-Ordni. L-isbaħ fost il-kurazzi li hemm esebiti fil-vetrini, hi dik indurata bid-deheb li kienet tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Din kienet armatura li kienet tintlibes f’okkażjonijiet speċjali biss. Imbagħad, ħdejha hemm armatura oħra tal-istess Gran Mastru li hi tal-ħadid u li ma tagħtix daqstant fil-għajn għax ma għandhiex wisq dekorazzjonijiet. Fl-armerija hemm kwantità ta' xwabel, kanuni, lanez, u armi oħra ta’ kull kwalità tal-epoka.
Fl-ewwel sular (il piano nobile) hemm kurituri twal u sbieħ iddekorati b’diversi pitturi, kemm bħala affreski mal-ħajt kif ukoll impinġijin fuq it-tila mwaħħla matul is-saqaf tal-istess kuritur. Din kien pinġiha Nicolò Nasoni (1724). Fost is-swali li wieħed jista’ jżur hemm is-Sala iż-żgħira tal-Kunsill, imsejħa wkoll “is-Sala tal-Arazzi”. Din is-sala kienet isservi biex fiha jiltaqa' l-Parliament ta’ Malta sal-1976. Hawnhekk, miżmuma fid-dlam, hemm l-arazzi ta’ Perellos, magħrufa bħala “l-Arazzi Goblin”. Dawn l-arazzi imprezzabli jiġbru f’ għaxar biċċiet dehriet mlewna ta’ pjanti u annimali eżotiċi mill-Afrika u mill-Amerika ta’ Isfel. Dawn ix-xeni fuq it-tapizzeriji huma meħudin minn disinji li kienu ġew mogħtija mill-Prinċep ta’ Nassau lir-Re ta’ Franza Louis X1V, fl-1679. L-arazzi ġew ikkommisjonati apposta għall-Palazz mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful fl-1710.
FIs-Sala tal-Pranzu hemm esebiti mal-ħajt, serje ta’ ritratti tal-Presidenti tar-Repubblika li ġew eletti mill-1974 sal-lum. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, din is-sala ntlaqtet u saritilha ħafna ħsara minn bomba li ntefgħet waqt attakk mill-ajru. Ma’ din hemm sala oħra, biss ikbar, dik tal-Kunsill Suprem. Din is-sala hija ddekorata mal-partijiet għolja tal-ħitan tagħha minn serje ta’ affreski mpenġijin minn Mattia Perez D’Aleccio. Dawn l-affreski jiddiskrivu l-Assedju l-Kbir tal- 1565, f’serje ta’ mapep bil-pożizzjoniet tal-gwerriera ta’ kull naħa kif ukoll minn serje ta’ episodji diversi tal-Assedju ta’ l-1565. Din is-sala kienet u għadha sservi biex go fiha jsiru avvenimenti u okażżjonijiet statali, fosthom l-Għoti ta’ Ġieħ ir-Repubblika.
Sala oħra mogħnija b’rikezzi kbar ta’ pitturi, ċeramika u għamara hija dik magħrufa bħala s-Sala s-Safra (jew is-Sala tal-Paġġi). Din fiha bosta għamara fina u pitturi ta’ valur, kif ukoll serje ta’ affreski man-naħa ta’ fuq tal-ħitan. Imbagħad, hemm is-Sala il-Ħamra, (imsejħa hekk minhabba d-damask aħmar li hi ddekorata bih). din hi s-sala fejn il-President jilqa’ il-mistednin tiegħu, fosthom lill-ambaxxaturi meta dawn jippreżentaw l-kredenzjali tagħhom lill-President. Din is-sala ukoll hija miżawda b’bosta affarijiet ta' arti fina, fosthom affreski. jirrakkuntaw l-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann, kif ukoll serje ta’ pitturi tar-rejiet Franċiżi kif ukoll għamara u oġġetti oħra.
Illum, Il-Palazz, barra li jservi ħafna funzjonijiet li semmejnha, iservi wkoll bħala attrazzjoni kbira għat-turisti li jżuru Malta.