Fuji

muntanja u vulkan fil-Prefetturi ta' Yamanashi u Shizuoka, il-Ġappun

Fuji (bil-Ġappuniż: 富士山, Fujisan, Japanese: [ɸɯꜜ(d)ʑisaɴ] (listen)), jew Fugaku, hija hija l-ogħla muntanja u vulkan fil-gżira ta' Honshū, il-Ġappun, u tlaħħaq 3,776.24 metru (12,389.2 pied). Hija wkoll it-tieni l-ogħla vulkan fuq gżira fl-Asja (wara Kerinci fil-gżira ta' Sumatra, l-Indoneżja), u s-seba' l-ogħla quċċata ta' gżira fid-Dinja.[1][2] Fuji hija stratovulkan rieqed li żbroffa l-aħħar mill-1707 sal-1708.[3][4] Il-muntanja tinsab madwar 100 kilometru (62 mil) fil-Lbiċ tal-belt kapitali Tokjo u tidher minn hemm meta jkun bnazzi. Il-kon eċċezzjonalment simetriku ta' Fuji, li jkun miksi bil-borra għal madwar ħames xhur fis-sena, spiss jintuża bħala ikona kulturali tal-Ġappun u sikwit jintuża fl-arti u fil-fotografija, u jżuruh bosta viżitaturi u xabbaturi.[5]

Veduta tal-vulkan Fuji minn Ōwakudani.

Fuji hija waħda minn "Tliet Muntanji Sagri" (bil-Ġappuniż: 三霊山, Sanreizan) tal-Ġappun flimkien mal-muntanji Tate u Haku. Titqies bħala Post Speċjali ta' Sbuħija Xenika u hija wieħed mis-Siti Storiċi tal-Ġappun.[6] Fit-22 ta' Ġunju 2013, Fuji żdiedet bħala sit kulturali fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Skont l-UNESCO, Fuji "ispirat lill-artisti u lill-poeti u kienet destinazzjoni tal-pellegrinaġġi għal sekli sħaħ". L-UNESCO tirrikonoxxi 25 komponent ta' dan il-wirt dinji li jinkludu l-muntanja u s-santwarju tax-Xintoiżmu, Fujisan Hongū Sengen Taisha.[7]

Etimoloġija

immodifika

Il-pittogrammi kanji għal Fuji, 富 u 士, ifissru "ġid" jew "abbundanti" u "raġel imlaħħaq" rispettivament. Madankollu, l-oriġini ta' din l-ortografija u tal-isem Fuji għadha mhix ċerta.

Test tas-seklu 9, Ġrajja ta' Wieħed li Jaqta' l-Bambù, jirrakkonta li l-isem ġej minn "immortali" (不死, fushi, fuji) kif ukoll mill-pittogramma ta' "suldati" (士, shi, ji) "abbundanti" (富, fu) telgħin ix-xaqlibiet tal-muntanja. Etimoloġija folkloristika bikrija ssostni li l-isem Fuji oriġina minn 不二 (mhux + tnejn), jiġifieri "mingħajr ekwivalenti". Oħra ssostni li oriġina minn 不尽 (ma + tgħejjiex), jiġifieri "bla tmiem".

Hirata Atsutane, studjuż klassiku Ġappuniż fil-perjodu Edo, kien jispekula li l-isem ġej minn tifsira ta' kelma, "muntanja wieqfa qisha sbula (穂, ho) ta' pjanta tar-ross". Il-missjunarju Brittaniku John Batchelor (1854-1944) argumenta li l-isem ġej mill-kelma Ainu għal "nar" (fuchi) tad-divinità tan-nar Kamui Fuchi, li hija teorija li ġiet irrifjutata mil-lingwist Ġappuniż Kyōsuke Kindaichi abbażi tal-iżvilupp fonetiku (tibdil fil-ħsejjes). Jingħad ukoll li huchi tfisser "mara anzjana" u ape tfisser "nare", għaldaqstant ape huchi kamuy tirreferi għad-divinità tan-nar. Ir-riċerka fit-toponimi (l-ismijiet tal-postijiet) li jinkludu fuji bħala parti minnhom tissuġġerixxi wkoll li l-oriġini tal-kelma fuji ġejja mil-lingwa Yamato iktar milli mil-lingwa Ainu. It-toponimista Ġappuniż Kanji Kagami argumenta li l-isem għandu l-istess għerq bħal wisterja (bil-Ġappuniż: 藤, fuji, tip ta' pjanta) u qawsalla (bil-Ġappuniż: 虹, niji, iżda b'interpretazzjoni alternattiva, fuji), u ġie mis-"sura tax-xaqliba twila" tagħha.[8][9][10][11]

Il-lingwist modern Alexander Vovin jipproponi ipoteżi alternattiva bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Ġappuniż Antik */puⁿzi/: il-kelma jaf ġiet missellfda mill-Ġappuniż Antik tal-Lvant */pu nusi/ 火主 li tfisser "sinjur tan-nar".[12]

Varjazzjonijiet

immodifika

Xi sorsi jirreferu għall-muntanja Fuji bħala "Fuji-san", "Fujiyama" jew, b'mod ridondanti, "Muntanja Fujiyama". Il-kelliema tal-Ġappuniż jirreferu għall-muntanja bħala "Fuji-san". Hawnhekk "san" mhuwiex is-suffiss tar-rispett li jintuża mal-ismijiet tan-nies, bħal pereżempju Watanabe-san, iżda l-interpretazzjoni Ċiniża-Ġappuniża tal-pittogramma yama (山, "muntanja") li tintuża fil-kliem kompost fiċ-Ċiniż u fil-Ġappuniż. B'ittri Rumani tan-Nihon-shiki u tal-Kunrei-shiki, l-isem jiġi ttrażlitterat bħala Huzi.

Ismijiet Ġappuniżi oħra li saru antikwati jew poetiċi jinkludu Fuji-no-Yama (ふじの山, "il-muntanja ta' Fuji"), Fuji-no-Takane (ふじの高嶺, "il-Quċċata l-Għolja ta' Fuji"), Fuyō-hō (芙蓉峰, "il-Quċċata tal-Lotus"), u Fugaku (富岳/富嶽), maħluqa bil-kombinament tal-ewwel karattru ta' 富士, Fuji, u 岳, "muntanja".[13]

 
II-litografija fuq blokka tal-injam imsejħa Żiffa Fina, Għodwa Ċara ta' Hokusai magħmula fis-seklu 19.

Fuji hija kon vulkaniku attraenti u suġġett frekwenti fl-arti Ġappuniża speċjalment wara l-1600, meta Edo (issa Tokjo) saret il-belt kapitali u n-nies kienu jaraw il-muntanja huma u jivvjaġġaw tul it-triq ta' Tōkaidō. Skont l-istoriku H. Byron Earhart, "fil-Medju Evu eventwalment ġiet meqjusa mill-Ġappuniżi bħala l-muntanja "numru wieħed" tad-dinja magħrufa tat-tliet pajjiżi tal-Indja, iċ-Ċina u l-Ġappun".[14] Il-muntanja tissemma tul iż-żmien fil-letteratura Ġappuniża u hija s-suġġett ta' bosta poeżiji.[15]

Il-quċċata ilha meqjusa bħala sagra mill-qedem u għaldaqstant kienet ipprojbita għan-nisa. Iżda fl-4 ta' Mejju 1872 il-gvern Ġappuniż ħareġ l-Editt 98 tal-Gran Kunsill tal-Istat li ddikjara li "Kwalunkwe prattika ta' esklużjoni tan-nisa minn artijiet tas-santwarji u tat-tempji għandha tiġi abolita minnufih, u n-nisa li jkunu jridu jitilgħu fuq il-muntanja għall-qima, eċċ. għandhom jitħallew".[16] Madankollu, Tatsu Takayama (magħrufa wkoll bħala Takayama Tatsu), mara Ġappuniża, saret l-ewwel mara ddokumentata li telgħet sal-quċċata ta' Fuji fil-ħarifa tal-1832.[17][18]

Is-samuraj tal-qedem kienu jużaw il-bażi tal-muntanja bħala żona remota għat-taħriġ tagħhom, qrib ir-raħal attwali ta' Gotemba. Ix-shōgun Minamoto no Yoritomo kien jorganizza kompetizzjonijiet yabusame bil-qaws u l-vleġeġ fl-inħawi fil-bidu tal-perjodu ta' Kamakura.

L-ewwel barrani li tela' sal-quċċata ta' Fuji kien Sir Rutherford Alcock f'Settembru 1860, li tela' fi tmien sigħat u niżel fi tliet sigħat. Ir-rakkont qasir ta' Alcock f'The Capital of the Tycoon kien l-ewwel deskrizzjoni mifruxa b'mod wiesa' tal-muntanja fil-Punent.[19] Is-sinjura Fanny Parkes, il-mara tal-ambaxxatur Brittaniku Sir Harry Parkes, kienet l-ewwel mara mhux Ġappuniża li telgħet sal-quċċata ta' Fuji fl-1867.[20] Il-fotografu Felix Beato tela' sentejn wara.[21]

Fil-5 ta' Marzu 1966, it-titjira BOAC 911 fuq Boeing 707 kellha xi ħsarat fl-ajru u kkraxxjat ħdejn il-ħames stazzjon ta' Gotemba, ftit wara t-tluq mill-Ajruport Internazzjonali ta' Tokjo. Il-113-il passiġġier u l-11-il membru tal-ekwipaġġ kollha mietu fid-diżastru, li ntqal li seħħ minħabba t-turbolenza estrema fl-ajru kkawżata mill-irjieħ 'l isfel tal-muntanja. Hemm mafkar tal-ħabta ftit 'l isfel mill-ħames stazzjon il-ġdid ta' Gotemba.[22]

 
Pittura ta' Fuji minn Omiya, għall-ħabta tal-1890.

Illum il-ġurnata, Fuji hija destinazzjoni internazzjonali għat-turisti u għax-xabbaturi tal-muntanji.[23][24] Fil-bidu tas-seklu 20, il-lekċers taċ-Chautauqua tal-edukatur populista Frederick Starr dwar id-diversi drabi li tela' sal-quċċata ta' Fuji— fl-1913, fl-1919 u fl-1923 — kienu magħrufa sew fl-Amerka.[25] Qawl magħruf Ġappuniż jissuġġerixxi li xi ħadd għaref jitla' sal-quċċata ta' Fuji darba f'ħajtu, iżda xi ħadd iblah biss jitla' darbtejn.[26] Il-muntanja hija simbolu popolari fil-kultura Ġappuniża u ntużat f'diversi films[27], ispirat il-logo ta' Infiniti[28], u saħansitra ntużat fl-ippakkjar tal-mediċini.[29][30]

F'Settembru 2004, l-istazzjon meteoroloġiku bil-persunal fil-quċċata tal-muntanja ngħalaq wara 72 sena ta' ħidma. L-osservaturi kienu jimmonitoraw it-temp bir-radar sabiex ibassru meta kien se jkun hemm xi tifuni jew maltempati kbar bix-xita. L-istazzjon, li kien l-ogħla wieħed fil-Ġappun f'għoli ta' 3,780 metru (12,402 pied) ġie sostitwit b'sistema meteoroloġika awtomatizzata għalkollox.[31]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Fit-22 ta' Ġunju 2013 Fuji tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit kulturali.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[7]

Ġeografija

immodifika
 
Ritratt satellitari ta' Fuji fil-bidu tas-sajf mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.

Fuji hija karatteristika li tispikka ħafna fil-ġeografija tal-Ġappun. Il-muntanja hija għolja 3,776.24 metru (12,389 pied) u tinsab qrib il-kosta Paċifika taċ-ċentru ta' Honshu, ftit lejn il-Lbiċ ta' Tokjo. Tinsab fil-konfini bejn il-Prefettura ta' Shizuoka u dik ta' Yamanashi. Madwarha hemm erba' bliet żgħar: Gotemba fil-Lvant, Fujiyoshida fit-Tramuntana, Fujinomiya fil-Lbiċ, u l-belt ta' Fuji fin-Nofsinhar. Il-muntanja hija mdawra b'ħames lagi: il-Lag Kawaguchi, il-Lag Yamanaka, il-Lag Sai, il-Lag Motosu u l-Lag Shōji.[32] Dawn l-erba' lagi, flimkien mal-Lag Ashi fil-qrib, jipprovdu veduti xeniċi tal-muntanja. Il-vulkan huwa parti mill-Park Nazzjonali ta' Fuji-Hakone-Izu. Wieħed jista' jarah mill-bogħod minn Yokohama, Tokjo, u xi kultant saħansitra minn Chiba, Saitama, Tochigi, Ibaraki u l-Lag Hamana meta t-temp ikun bnazzi. Ittieħdu ritratti tal-vulkan mill-ispazju matul missjuni bix-shuttle.[33]

Il-quċċata ta' Fuji għandha klima tat-tundra (skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen: ET). It-temperatura tkun baxxa ħafna f'altitudni għolja, u l-kon ikun miksi bil-borra għal diversi xhur fis-sena. L-iżjed temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata kienet −38.0 °C (−36.4 °F) fi Frar 1981, u l-ogħla temperatura rreġistrata kienet 17.8 °C (64.0 °F) f'Awwissu 1942.

Data klimatika ta' Fuji (1991-2020, temperaturi normali u estremi mill-1932 sa issa)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) −1.7

(28.9)

0.0

(32.0)

1.0

(33.8)

4.7

(40.5)

12.2

(54.0)

12.3

(54.1)

17.4

(63.3)

17.8

(64.0)

16.3

(61.3)

14.0

(57.2)

6.9

(44.4)

3.6

(38.5)

17.8

(64.0)

Temp. għolja medja f'°C (°F) −15.3

(4.5)

−14.3

(6.3)

−10.9

(12.4)

−5.9

(21.4)

−0.6

(30.9)

4.0

(39.2)

8.0

(46.4)

9.5

(49.1)

6.5

(43.7)

0.7

(33.3)

−5.9

(21.4)

−12.2

(10.0)

−3.0

(26.6)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −18.2

(−0.8)

−17.4

(0.7)

−14.1

(6.6)

−8.8

(16.2)

−3.2

(26.2)

1.4

(34.5)

5.3

(41.5)

6.4

(43.5)

3.5

(38.3)

−2.0

(28.4)

−8.7

(16.3)

−15.1

(4.8)

−5.9

(21.4)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −21.4

(−6.5)

−21.1

(−6.0)

−17.7

(0.1)

−12.2

(10.0)

−6.3

(20.7)

−1.4

(29.5)

2.8

(37.0)

3.8

(38.8)

0.6

(33.1)

−5.1

(22.8)

−11.8

(10.8)

−18.3

(−0.9)

−9.0

(15.8)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −37.3

(−35.1)

−38.0

(−36.4)

−33.9

(−29.0)

−27.8

(−18.0)

−18.9

(−2.0)

−13.1

(8.4)

−6.9

(19.6)

−4.3

(24.3)

−10.8

(12.6)

−19.5

(−3.1)

−28.1

(−18.6)

−33.0

(−27.4)

−38.0

(−36.4)

Umdità relattiva medja (%) 53 56 61 63 60 70 79 75 67 53 52 52 62
Sors: L-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun[34]

Ġeoloġija

immodifika
 
Mappa tar-riljievi ta' Fuji.

Fuji tinsab f'trunċiera fejn jiltaqgħu flimkien tliet plakek ġeoloġiċi: il-Plakka Amurjana, il-Plakka ta' Okhotsk u l-Plakka tal-Baħar tal-Filippini.[35] Dawn it-tliet plakek jiffurmaw il-parti tal-Punent tal-Ġappun, il-parti tal-Lvant tal-Ġappun, u l-Peniżola ta' Izu rispettivament.[36] Il-Plakka Paċifika qed tisfronda bil-mod il-mod taħt dawn il-plakek, u dan jirriżulta f'attività vulkanika. Fuji tinsab ukoll ħdejn tliet arki ta' ġżejjer: l-Ark tal-Lbiċ tal-Ġappun, l-Ark tal-Grigal tal-Ġappun, u l-Ark ta' Izu-Bonin-Mariana.

Il-krater prinċipali ta' Fuji għandu dijametru ta' 780 metru (2,560 pied) u huwa fond 240 metru (790 pied). Il-qiegħ tal-krater għandu dijametru ta' 100-130 metru (330-430 pied). L-angoli tax-xaqlibiet mill-krater sa distanza ta' 1.5–2 kilometri (0.93–1.24 mil) huma ta' 31°-35°, li huwa l-angolu l-iktar wieqaf li fuqu jistrieħ iż-żrar niexef. Lil hinn minn din id-distanza, l-angoli tax-xaqlibiet huma ta' madwar 27°, li huma kkawżati minn żieda fil-blat ignew. L-angoli tax-xaqlibiet ta' nofs il-ġnub tal-vulkan jonqsu minn 23° għal inqas minn 10° lejn il-bażi.[36]

 
Animazzjoni tridimensjonali ta' Fuji żviluppata bid-data SRTM.

Ix-xjenzati identifikaw erba' fażijiet distinti ta' attività vulkanika fil-formazzjoni ta' Fuji. L-ewwel fażi, imsejħa Sen-komitake, hija magħmula mill-qalba tal-andesit li ġiet skoperta reċentement fil-fond tal-muntanja. Wara l-fażi Sen-komitake kien hemm il-fażi Komitake Fuji, fejn ifforma saff tal-bażalt diversi mijiet ta' eluf ta' snin ilu. Madwar 100,000 sena ilu, Fuji l-Antika ġiet iffurmata fuq il-quċċata ta' Komitake Fuji. Fuji l-Ġdida, li hija l-muntanja kif nafuha llum il-ġurnata, x'aktarx li ffurmat fuq il-quċċata ta' Fuji l-Antika madwar 10,000 sena ilu.[37]

 
Mappa ġeoloġika trasversali ta' Fuji.

Il-vulkan ta' qabel il-fażi Komitake Fuji beda jiżbroffa fil-Plejstoċen Nofsani f'żona xi seba' kilometri (4.3 mili) fit-Tramuntana ta' Fuji. Wara pawża relattivament qasira, l-iżbroffar reġa' beda u fforma l-vulkan Komitake fl-istess post. Dan l-iżbroffar intemm 100,000 sena ilu. Il-vulkan Ashitake kien attiv minn 400,000 sa 100,000 sena ilu, u jinsab 20 kilometru (12-il mil) fix-Xlokk ta' Fuji. Il-vulkan Fuji beda jiżbroffa 100,000 sena ilu, u Ko-Fuji (Fuji l-Antika) iffurmat 100,000 sa 17,000 sena ilu, iżda issa tinsab kważi mirduma għalkollox. Ċediment kbir tal-art max-xaqliba tal-Lbiċ seħħ madwar 18,000 sena ilu. Żbroffar ta' Shin-Fuji (Fuji l-Ġdida) fil-forma ta' lava, lapilli u rmied vulkaniku seħħ bejn 17,000 u 8,000 sena ilu, bejn 7,000 u 3,500 sena ilu, u bejn 4,000 u 2,000 sena ilu. L-iżbroffar laterali fix-xaqlibiet, l-iktar fil-forma ta' koni parassitiċi tal-irmied waqfu fl-1707. L-ikbar kon, Omuro-Yama, huwa wieħed minn iktar minn 100 kon allinjati NW-SE u NE-SW mal-quċċata. Barra minn hekk, il-vulkan Fuji għandu iktar minn 70 mina tal-lava u forom estensivi ta' fdalijiet tas-siġar fil-lava. Fil-widien Yoshida-Osawa u Osawa-Kuzure seħħew żewġ ċedimenti kbar tal-art.[36]

 
Il-krater ta' Fuji.

Minn Diċembru 2002, il-vulkan ġie kklassifikat bħala attiv b'riskju baxx ta' żbroffar. L-aħħar żbroffar irreġistrat kien l-iżbroffar ta' Hōei li beda fis-16 ta' Diċembru 1707 u ntemm fl-1 ta' Jannar 1708.[38] L-iżbroffar ifforma krater ġdid u t-tieni quċċata msejħa Hōei (għall-epoka Hōei), nofs triq 'l isfel mix-xaqliba tax-Xlokk ta' Fuji. Meta seħħ l-iżbroffar, l-irmied vulkaniku niżel qisu xita f'Izu, f'Kai, f'Sagami u f'Musashi.[39] Minn dak iż-żmien 'l hawn, ma kien hemm l-ebda sinjal ta' żbroffar. Madankollu, fil-15 ta' Marzu 2011 filgħaxija, kien hemm terremot qawwi ta' 6.2 mhux wisq fil-fond u ftit kilometri 'l bogħod min-naħa tan-Nofsinhar ta' Fuji. Iżda skont is-Servizz Meteoroloġiku Ġappuniż ma kien hemm l-ebda sinjal ta' żbroffar.[40]

Żbroffar irreġistrat

immodifika

Madwar 11,000 sena ilu, ammont kbir ta' lava beda jiżbroffa min-naħa tal-Punent tal-quċċata ta' Fuji l-Antika. Din il-lava ffurmat lil Fuji l-Ġdida li hija l-formazzjoni aħħarija ta' Fuji. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-qċaċet ta' Fuji l-Antika u ta' Fuji l-Ġdida jinsabu ħdejn xulxin. Madwar 2500-2800 sena ilu, il-parti ta' fuq ta' Fuji l-Antika kkawżat ċediment tal-art fuq skala kbira minħabba l-erożjoni, u fl-aħħar mill-aħħar baqgħet biss il-quċċata ta' Shin-Fuji. Hemm għaxar żbroffi magħrufa li ġew iddokumentati u rreġistrati b'mod affidabbli.[41][42]

Dati Noti Ref
Il-31 ta' Lulju 781 L-iżbroffar ġie rreġistrat fix-Shoku Nihongi u ssemma li "niżel l-irmied", iżda ma hemmx iżjed dettalji oħra. [43]
Il-11 ta' April – il-15 ta' Mejju 800 sat-13 ta' Frar 802 In-Nihon Kiryaku jiddikjara li matul l-ewwel fażi, is-smewwiet kienu skuri anke binhar. It-tieni fażi hija magħrufa min-Nippon Kiseki, li jsemmi li ż-żrar niżel qisu silġ mis-smewwiet. [44]
Ġunju–Settembru 864

Diċembru 865 – Jannar 866

Iż-żewġ fażijiet ġew irreġistrati fin-Nihon Sandai Jitsuroku. Dan l-iżbroffar ħoloq tlieta mill-Ħames Lagi ta' Fuji: Motosu, Shōji u Saiko, minn lag wieħed li ġie sseparat minħabba l-fluss tal-lava. [45]
Novembru 937 Dan l-iżbroffar ġie rreġistrat fin-Nihon Kiryaku. [46]
Marzu 999 Ġie rreġistrat fil-Honchō Seiki li fi Kjoto kienu waslu aħbarijiet dwar xi żbroffar, iżda ma hemmx dettalji oħra. [47]
Jannar 1033 Skont in-Nihon Kiryaku, l-aħbarijiet dwar dan l-iżbroffar waslu fi Kjoto xahrejn wara. [48]
Is-17 ta' April 1083 L-unika dokumentazzjoni kontemporanja ta' dan l-iżbroffar saret minn patri Buddist u tinstab fil-Fusō Ryakuki. Kitbiet li saru wara jindikat li l-ħoss tal-iżbroffar seta' jinstema' minn Kjoto. [49]
Bejn it-30 ta' Jannar 1435 u t-18 ta' Jannar 1436 Dan l-iżbroffar ġie rreġistrat fl-Ōdaiki, ġrajja ta' kronaka miżmuma mill-patrijiet fis-Santwarju ta' Kubo Hachiman fil-belt ta' Yamanashi u tiddikjara li l-fjammi kienu viżibbli f'Fuji. Peress li ma jissemmiex id-duħħan, x'aktarx li kien żbroffar tat-tip ta' Hawaii (lava biss). [50]
Awwissu 1511 Il-Katsuyamaki (jew Myōhōjiki), miktuba mill-patrijiet ta' Myōhō-ji f'Fujikawaguchiko, tindika li kien hemm in-nirien fil-vulkan Fuji dak iż-żmien, iżda peress li ma hemm l-ebda veġetazzjoni fil-post deskritt, x'aktar li kien hemm fluss tal-lava. [51]
Is-16 ta' Diċembru 1707 L-iżbroffar ta' Hōei. [52]

Periklu attwali ta' żbroffar

immodifika

Wara t-terremot ta' Tōhoku fl-2011, kien hemm spekulazzjoni fil-mezzi tax-xandir li t-theżżiż seta' jwassal għal attività vulkanika fil-vulkan Fuji. F'Settembru 2012, mudelli matematiċi maħluqa mill-Istitut tar-Riċerka Nazzjonali għax-Xjenza tad-Dinja u l-Prevenzjoni tad-Diżastri (NRIESDP) issuġġerew li l-pressjoni fil-kompartiment tal-magma ta' Fuji setgħet tkun 1.6 megapascal ogħla minn qabel l-aħħar żbroffar fl-1707. Dan ġie interpretat minn xi mezzi tax-xandir li xi żbroffar fil-vulkan Fuji seta' jseħħ b'mod imminenti.[53] Madankollu, peress li ma hemm l-ebda metodu magħruf ta' kejl dirett tal-pressjoni ta' kompartiment tal-magma ta' vulkan, il-kalkoli indiretti mwettqa mill-NRIESDP huma spekulattivi u mhux verifikabbli. Indikaturi oħra li jissuġġerixxu żieda fil-periklu ta' żbroffar, bħal fumaroli (xquq vulkaniċi li minnhom joħorġu gassijiet jaħarqu tal-kubrit) attivi u xi xquq skopruti reċentement, huma okkorenzi tipiċi f'dan it-tip ta' vulkan.[54]

Foresta ta' Aokigahara

immodifika
 
Il-Foresta ta' Aokigahara bil-muntanji ta' Fuji u ta' Ashiwada fl-isfond.

Il-foresta fil-bażi tal-Majjistral tal-muntanja jisimha Aokigahara. Ġrajjiet u leġġendi folkloristiċi jirrakkontaw li hemm fatati, xjaten, Yūrei u Yōkai fil-foresta, u fis-seklu 19, il-Foresta ta' Aokigahara kienet wieħed mill-bosta postijiet fejn il-familja foqra kienu jabbandunaw lit-tfal u lill-anzjani li ma setgħux jieħdu ħsieb iktar.[55] Il-Foresta ta' Aokigahara hija t-tielet l-iktar post popolari fejn jitwettqu suwiċidji fid-dinja wara l-Pont ta' Golden Gate f'San Francisco, l-Istati Uniti, u l-Pont tax-Xmara f'Nanjing, iċ-Ċina. Mis-snin 50 tas-seklu 20, iktar minn 500 ruħ mietu fil-foresta, l-iktar b'suwiċidju.[56] Xi 30 suwiċidju jiġu magħduda kull sena, b'saħansitra kważi 80 wieħed fl-2002.[57] Iż-żieda reċenti fl-għadd ta' suwiċidji ħeġġeġ lill-uffiċjali pubbliċi jwaħħlu tabelli biex jippruvaw jikkonvinċu lill-individwi li jkunu qed jaħsbuha biex iwettqu suwiċidju biex jerġgħu jaħsbuha, u xi kultant dawn il-messaġġi fuq it-tabelli kienu effettivi.[58] L-għadd ta' suwiċidji fl-imgħoddi donnu attira lin-nies fl-aħħar deċennji.[59][60]

Ħafna min-nies li jżuru l-foresta jimmarkaw ir-rotot tagħhom billi jħallu biċċiet tat-tejp ikkuluriti tal-plastik tul ir-rotor, u dan ikkawża tħassib fost l-uffiċjali tal-prefetturi fir-rigward tal-ekosistema tal-foresta.[61]

Trasport

immodifika

L-eqreb ajruport b'servizz internazzjonali skedat huwa l-ajruport Shizuoka ta' Fuji li nfetaħ f'Ġunju 2009. Jinsab madwar 80 kilometru (50 mil) mill-vulkan Fuji. L-ajruporti internazzjonali maġġuri li jaqdu lill-belt ta' Tokjo, l-Ajruport Internazzjonali ta' Tokjo (l-Ajruport ta' Haneda) f'Tokyo u l-Ajruport Internazzjonali ta' Narita f'Chiba jinsabu madwar tliet sigħat u kwart 'il bogħod minn Fuji.[62]

Avventura

immodifika
 
Veduta ta' Fuji mit-tempju ta' Taisekiji fuq blokka tal-injam tal-artist Katsushika Hokusai.

Rotot tax-xabbaturi

immodifika

Fl-2009 madwar 300,000 ruħ telgħu sal-quċċata ta' Fuji.[63] L-iżjed perjodu popolari li fih ix-xabbaturi jitilgħu sal-quċċata ta' Fuji huwa minn Lulju sa Awwissu, meta r-rifuġji u faċilitajiet oħra jkunu qed joperaw u t-temp ikun l-iktar sħun. Il-karozzi tal-linja li jwasslu sal-bidu tar-rotot li tipikament jintużaw mix-xabbaturi jibdew joperaw mill-1 ta' Lulju.[64] Wara għadd ta' mwiet ta' xabbaturi ta' profil għoli u temp tassew kiesaħ li normalment ikun qed jaħkem lil Fuji f'dak iż-żmien, il-perjodu minn Ottubru sa Mejju mhuwiex suġġerit.[65] Il-biċċa l-kbira tal-Ġappuniżi jitilgħu l-muntanja billejl biex jilħqu jaslu sal-quċċata jew fil-qrib meta meta titla' x-xemx. Id-dawl ta' filgħodu jissejjaħ 御来光 goraikō, jiġifieri l-"wasla tad-dawl".[66]

 
Illustrazzjoni storika tar-rotot sal-quċċata ta' Fuji.

Hemm erba' rotot ewlenin li jwasslu sal-quċċata ta' Fuji, u kull waħda għandha stazzjonijiet bin-numri tul ir-rotta. Skont l-arloġġ mit-Tramuntana huma r-rotot Kawaguchiko, Subashiri, Gotemba u Fujinomiya. Ix-xabbaturi normalment jibdew fil-ħames stazzjon ta' kull rotta, peress li wieħed jista' jasal għalihom bil-karozza jew bil-karozza tal-linja. Il-quċċata hija l-għaxar stazzjon ta' kull rotta. L-istazzjonijiet fir-rotot differenti jinsabu f'elevazzjonijiet differenti; l-ogħla ħames stazzjon jinsab f'Fujinomiya, segwit minn dak ta' Yoshida, ta' Subashiri u ta' Gotemba. Hemm erba' rotot addizzjonali mill-bażi tal-muntanja li huma r-rotot Shojiko, Yoshida, Suyama u Murayama.

Minkejja li għandha t-tieni l-ogħla ħames stazzjon, ir-rotta ta' Yoshida hija l-iżjed rotta popolari minħabba li għandha parkeġġ kbir għall-karozzi u bosta rifuġji kbar tal-muntanja fejn ix-xabbaturi jistgħu jistrieħu jew jissoġġornaw. Matul l-istaġun tas-sajf, il-biċċa l-kbir tal-kowċis turistiċi għat-tlugħ sal-quċċata ta' Fuji jaslu hemmhekk. It-tieni l-iktar popolari hija r-rotta ta' Fujinomiya, li għandha l-ogħla ħames stazzjon, segwita minn dawk ta' Subashiri u ta' Gotemba. It-tlugħ mill-ħames stazzjon il-ġdid ta' din ir-rotta normalment idum bejn ħames u seba' sigħat, filwaqt li l-inżul idum bejn tlieta u erba' sigħat.[67]

 
Daħla Torii qrib il-quċċata ta' Fuji.

Minkejja li l-biċċa l-kbira tax-xabbaturi ma jitilgħux mir-rotot ta' Subashiri u ta' Gotemba, ħafna jinżlu minnhom minħabba li għandhom mogħdijiet fl-irmied. Mis-seba' stazzjon sa ħdejn il-ħames stazzjon, wieħed jista' jiġri 'l isfel minn dawn il-mogħdijiet fl-irmied f'madwar 30 minuta. Maġenb dawn ir-rotot, hemm ukoll rotot għat-tratturi. Dawn jintużaw għat-trasport tal-ikel u ta' materjali oħra lejn ir-rifuġji tal-muntanja. Peress li t-tratturi normalment jokkupaw il-biċċa l-kbira tal-wisa' ta' dawn il-mogħdijiet u jċaqilqu blat kbir mill-ġnub tal-mogħdijiet, dawn il-mogħdijiet għat-tratturi huma pprojbiti għax-xabbaturi. Minkejja dan, mhijiex l-ewwel darba li jkun hemm ċiklisti li jinżlu minnhom mill-quċċata bir-roti tal-muntanji u b'hekk ikunu ta' periklu għalihom u għal ħaddieħor.

 
Il-quċċata ta' Fuji.

Fl-erba' rotot mill-bażi tal-muntanja hemm ukoll siti storiċi. Ir-rotta ta' Murayama hija l-eqdem rotta ta' Fuji u r-rotta ta' Yoshida għandha bosta santwarji antiki, djar tat-te u rifuġji. Dawn ir-rotot kulma jmur qed isiru popolari u qed jiġu rrestawrati, iżda ma tantx hija komuni li xabbatur jibda tiela' l-muntanja mill-bażi tagħha. Barra minn hekk, tul ir-rotta ta' Yoshida ntlemħu xi orsijiet ukoll.

Normalment ir-rifuġji fil-ħames stazzjon u iktar 'il fuq ikunu operattivi matul l-istaġun tax-xabbaturi bil-persunal preżenti, iżda r-rifuġji taħt il-ħames stazzjon normalment ma jkollhomx personal fihom. L-għadd ta' rifuġji miftuħa tul ir-rotot huma proporzjonali mal-għadd ta' xabbaturi — ir-rotta ta' Yoshida l-iktar li għandha filwaqt li dik ta' Gotemba l-inqas li għandha. Ir-rifuġji tul ir-rotta ta' Gotemba normalment jiftħu iktar tard u jagħlqu iktar kmieni minn dawk tar-rotta ta' Yoshida. Barra minn hekk, minħabba li Fuji hija wkoll park nazzjonali, huwa illegali li wieħed jikkampja 'l fuq mill-ħames stazzjon.

Hemm tmien qċaċet differenti madwar il-krater. L-ogħla punt fil-Ġappun, Ken-ga-mine, huwa l-post fejn kien hemm is-Sistema tar-Radar ta' Fuji (li ġiet sostitwita b'sistema awtomatizzata fl-2004). Ix-xabbaturi jistgħu jżuru kull waħda minn dawn il-qċaċet.

Paragliding

immodifika

Il-punt ta' tluq ewlieni għal min jipprattika l-paragliding huwa qrib il-ħames stazzjon u l-parkeġġ tar-rotta ta' Gotemba, bejn il-qċaċet ta' Subashiri u ta' Hōei-zan fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-muntanja, apparti diversi postijiet oħra, dejjem skont id-direzzjoni tar-riħ. Diversi skejjel tal-paragliding jużaw ix-xaqliba wiesgħa tar-ramel/tal-ħaxix bejn il-parkeġġi tar-rotot ta' Gotemba u ta' Subashiri bħala għolja tat-taħriġ.

Mitoloġija Xintoista

immodifika
 
Santwarju ta' barra ta' Fujisan Hongū Sengen Taisha.

Fil-mitoloġija Xintoista, Kuninotokotachi (国之常立神?, Kuninotokotachi-no-Kami, fil-Kojiki)(国常立尊?, Kuninotokotachi-no-Mikoto, fin-Nihon Shoki) huwa wieħed miż-żewġ allat imwielda minn "xi ħaġa bħall-qasab li nibet mill-ħamrija" meta d-dinja kienet kaotika. Skont in-Nihon Shoki, Konohanasakuya-hime, il-mara ta' Ninigi, hija l-alla femminili ta' Fuji, u s-santwarju ta' Fujisan Hongū Sengen Taisha huwa ddedikat lilha.

Fil-qedem, il-muntanja kienet tiġi meqjuma mill-bogħod. Is-santwarju ta' Asama ġie stabbilit fl-għoljiet fil-bażi tal-muntanja biex inaffar l-iżbroffar. Fil-perjodu Heian (794-1185), l-attività vulkanika naqset u Fuji ntużat bħala bażi għax-Shugendō, reliġjon sinkretika li tikkombina l-qima tal-muntanja u l-Buddiżmu. Il-prattikanti tagħha bdew jixxabtu max-xaqlibiet tal-muntanja u sal-bidu tas-seklu 12, Matsudai Shonin kien stabbilixxa tempju fil-quċċata.[68]

Il-Fuji-kō kien twemmin tal-perjodu Edo ċċentrat fuq il-muntanja u ġie stabbilit mill-axxetiku Hasegawa Kakugyō (1541-1646). Fil-qalba ta' dan it-twemmin kien hemm il-qima tal-muntanja bħala divinità femminili, u l-membri tat-twemmin kienu jiġu mħeġġa jixxabtu sal-quċċata. B'hekk kien jemmnu li kienu jitwieldu mill-ġdid, jiġu "ppurifikati u... kapaċi jsibu l-kuntentizza". It-twemmin batta fil-perjodu Meiji u għalkemm għadu jippersisti sa llum il-ġurnata, ħafna drabi żvinta f'setet Xintoisti.[69]

Buddiżmu

immodifika

Dawk li jemmnu fil-Buddiżmu Hokkeko tas-setta ta' Nichiren Shoshu jsostnu b'mod devot li l-mandala ta' Dai Gohonzon tagħti protezzjoni sovranaturali mid-divinitajiet Buddisti kontra l-possibbiltà tal-iżbroffar vulkaniku ta' Fuji permezz tar-ritwal ta' filgħodu ta' Ushitora Gongyo.

Kultura popolari

immodifika

Bħala simbolu nazzjonali tal-pajjiż, il-muntanja ntużat f'diversi forom ta' arti bħal pitturi, blokok tal-injam (bħal Sitta u Tletin Veduta ta' Fuji u 100 Veduta ta' Fuji ta' Hokusai tas-snin 30 tas-seklu 19), poeżiji, mużika, teatru, films, manga, anime, xogħol bil-fuħħar u saħansitra sottokultura Kawaii.[70]

Qabel l-iżbroffar splussiv tal-vulkan fl-1980, il-muntanja St. Helens xi darba kienet magħrufa bħala l-Fuji tal-Amerka, minħabba li kienet tixbah lil Fuji. Il-muntanja Taranaki / Egmont f'New Zealand jingħad li wkoll tixbah lil Fuji, u għal din ir-raġuni ntużat bħala alternattiva għal Fuji fil-films u fit-televiżjoni.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "富士山情報コーナー". www.cbr.mlit.go.jp. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-01-07. Miġbur 2022-08-28.
  2. ^ "Information inspection service of the Triangulation station". sokuseikagis1.gsi.go.jp.
  3. ^ "Active Volcano Map". gbank.gsj.jp. Miġbur 2022-08-28.
  4. ^ "Mount Fuji | Facts, Height, Location, & Eruptions | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  5. ^ Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States: Reader's Digest Association. p. 153. ISBN 0-89577-087-3.
  6. ^ "Japan's Mt Fuji granted World Heritage status - Channel NewsAsia". web.archive.org. 2013-06-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-27. Miġbur 2022-08-28.
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Fujisan, sacred place and source of artistic inspiration". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  8. ^ "富士山の名前の由来". web.archive.org. 2008-05-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-31. Miġbur 2022-08-28.
  9. ^ "%C9%D9%BB%CE%BB%B3 の編集 - 知泉Wiki". tisen.jp. Miġbur 2022-08-28.
  10. ^ "地名・富士山の意味". archive.ph. 2008-06-03. Miġbur 2022-08-28.
  11. ^ "富士山アイヌ語語源説について". www.asahi-net.or.jp. Miġbur 2022-08-28.
  12. ^ Vovin, Alexander (January 1, 2017). "On the Etymology of the Name of Mt. Fuji". Studies in Japanese and Korean Historical and Theoretical Linguistics and Beyond. Languages of Asia. Vol. 16. Brill. pp. 80–89. ISBN 9789004351134.
  13. ^ "ふじ‐さん【富士山】 の意味とは - Yahoo!辞書". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Mount Fuji: Shield of War, Badge of Peace−−". The Asia-Pacific Journal: Japan Focus. Miġbur 2022-08-28.
  15. ^ "富士山吉田口登山道関連遺跡II". sitereports.nabunken.go.jp. Miġbur 2022-08-28.
  16. ^ Dewitt, Lindsey E. (March 2016). "Envisioning and Observing Women's Exclusion from Sacred Mountains in Japan". Journal of Asian Humanities at Kyushu University. 1: 19–28.
  17. ^ Budgen, Mara (2022-07-04). "Climb every mountain: Japan's female mountaineers scale new heights". The Japan Times (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  18. ^ Intersect. Volumi 9-10, p. 39. Il-Ġappun, PHP Institute, 1993.
  19. ^ Alcock, Sir Rutherford (1863). The Capital of the Tycoon: A Narrative of a Three Years' Residence in Japan (bl-Ingliż). Longman, Green, Longman, Roberts & Green. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  20. ^ "Biographies | Lillian Hope PARKES (#259) - The Cobbold Family History Trust". family-tree.cobboldfht.com. Miġbur 2022-08-28.
  21. ^ Tucker, Anne Wilkes; et al. (2003). The History of Japanese Photography. p. 30. ISBN 978-0-300-09925-6.
  22. ^ Ranter, Harro. "ASN Aircraft accident Boeing 707-436 G-APFE Mount Fuji". aviation-safety.net. Miġbur 2022-08-28.
  23. ^ "Climbing Mount Fuji? route maps" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-03-27. Miġbur 2022-08-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  24. ^ "christmasWhistler - adventure - mtFuji". web.archive.org. 2016-03-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2022-08-29.
  25. ^ "STARR TELLS OF ESCAPE.; American Scientist Found Refuge in a Tokio Temple" (bl-Ingliż). 1923-10-01. Miġbur 2022-08-29.
  26. ^ "09/15/97 MASTERING MT. FUJI". archive.ph. 2013-01-18. Miġbur 2022-08-29.
  27. ^ Bloody Spear at Mount Fuji (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  28. ^ "Lippincott Mercer | Clients | Infiniti". web.archive.org. 2006-10-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-10-30. Miġbur 2022-08-29.
  29. ^ Sadeghian H (September 2000). "Mount Fuji sign in tension pneumocephalus". Archives of Neurology. 57 (9): 1366.
  30. ^ Heckmann JG, Ganslandt O; Ganslandt (April 2004). "Images in clinical medicine. The Mount Fuji sign". The New England Journal of Medicine. 350 (18): 1881.
  31. ^ "Weather station on Mt. Fuji closes". UPI (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-29.
  32. ^ "Global Volcanism Program | Fujisan". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-29.
  33. ^ "Photo-s107e05690". web.archive.org. 2003-02-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-15. Miġbur 2022-08-29.
  34. ^ "気象庁|過去の気象データ検索". www.data.jma.go.jp. Miġbur 2022-08-29.
  35. ^ Moores, Eldridge M.; Twiss, Robert J. (1995). Tectonics. Waveland Press. p. 208. ISBN 978-1-4786-2199-7.
  36. ^ a b ċ Oguchi, Takashi; Oguchi, Chiaki (2010). Migon, Piotr (ed.). Mt. Fuji: The Beauty of a Symmetric Stratovolcano, in Geomorphological Landscapes of the World. Springer. pp. 303–309. ISBN 9789048130542.
  37. ^ "Fuji Geology". www.eri.u-tokyo.ac.jp. Miġbur 2022-08-29.
  38. ^ "●宝永四年(1707)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  39. ^ Hayashi Gahō (1834) [1652]. "Siyun-sai Rin-siyo". Nipon o daï itsi ran or Annales des empereurs du Japon. Translated by Titsingh, Isaac. Pariġi: Oriental Translation Society of Great Britain and Ireland. p. 416.
  40. ^ "6.0 Earthquake east of Tokyo, signs of Mt. Fujiyama unrest is possible". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  41. ^ "歴史時代の富士山噴火史の再検討". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  42. ^ admin (2021-10-08). "All About Mount Fuji • PandorabossAll About Mount Fuji" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-05. Miġbur 2022-08-29.
  43. ^ "●天応元年(781)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  44. ^ "●延暦十九~二十一年(800~802)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  45. ^ "●貞観六~七年(864~866初頭)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  46. ^ "●承平七年(937)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  47. ^ "●長保元年(999)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  48. ^ "●長元五年末(1033初頭)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  49. ^ "●永保三年(1083)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  50. ^ Shizuoka University (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-29. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  51. ^ "●永正八年(1511)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  52. ^ "●宝永四年(1707)噴火". sakuya.vulcania.jp. Miġbur 2022-08-29.
  53. ^ Nast, Condé. "Pressure in Mount Fuji is now higher than last eruption, warn experts". Wired UK (bl-Ingliż).
  54. ^ Klemetti, Erik. "Doooom! The Perception of Volcano Research by the Media". Wired (bl-Ingliż).
  55. ^ "Japan's harvest of death". The Independent (bl-Ingliż). 2000-10-23. Miġbur 2022-08-29.
  56. ^ "Book Review: Cliffs of Despair A Journey to Suicide's Edge - Monsters and Critics". web.archive.org. 2012-08-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-06. Miġbur 2022-08-29.
  57. ^ "Japan struggles with soaring death toll in Suicide Forest". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2022-08-29.
  58. ^ "Sign saves lives of 29 suicidal people : National : DAILY YOMIURI ONL…". archive.ph. 2008-03-02. Miġbur 2022-08-29.
  59. ^ Yoshitomo, Takahashi (Summer 1988). "Aokigahara-jukai: Suicide and Amnesia in Mt. Fuji's Black Forest". Suicide and Life-Threatening Behavior. 18 (2): 164–75.
  60. ^ "The Suicide Woods of Mt. Fuji" (bl-Ingliż). 2021-02-25. Miġbur 2022-08-29.
  61. ^ "asahi.com : Intruders tangle 'suicide forest' with tape - ENGLISH". web.archive.org. 2008-05-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-06. Miġbur 2022-08-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  62. ^ "Mt. Fuji Shizuoka Airport English". web.archive.org. 2008-05-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-16. Miġbur 2022-08-29.
  63. ^ "環境省_富士箱根伊豆国立公園_ニュース&トピックス_【お知らせ】平成21年度の富士山登山者数について". www.env.go.jp. Miġbur 2022-08-29.
  64. ^ "Climbing Season | Read before climbing | Official Web Site for Mt. Fuji Climbing". www.fujisan-climb.jp. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-29. Miġbur 2022-08-29.
  65. ^ "Video: Climbing Mount Fuji, Japan in May (closed season) fuq Youtube.com".
  66. ^ Glass, Kathy (1990-08-26). "Climbing Mount Fuji By Night" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-29.
  67. ^ "Mountain Trails | Read before climbing | Official Web Site for Mt. Fuji Climbing". www.fujisan-climb.jp. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-19. Miġbur 2022-08-29.
  68. ^ "Mt. Fuji's selection as a cultural World Heritage site | The Complete Guide to Mt. Fuji". www.fujisan223.com. Miġbur 2022-08-29.
  69. ^ Melton, J. Gordon. Encyclopedia of Religious Phenomena. Canton, MI: Visible Ink Press, 2008, p. 231.
  70. ^ "収蔵品のご紹介 | サンリツ服部美術館". www.sunritz-hattori-museum.or.jp. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-07. Miġbur 2022-08-29.