Francesco Cossiga

Francesco Cossiga (Sassari, 26 ta' Lulju 1928Ruma, 17 ta' Awwissu 2010) kien politiku, ġurista u professur Taljan, it-tmien President tar-Repubblika Taljana mill-1985 sal-1992. Kien Ministru tal-Intern fit-tielet Gvern Andreotti mill-1976 sal-1978, meta rriżenja wara l-qtil ta' Aldo Moro. Mill-1979 sal-1980 kien Prim Ministru, u mill-1983 sal-1985 kien President tas-Senat.

Francesco Cossiga

Politiku

immodifika

Cossiga twieled f'Sassari, fin-naħa ta' fuq ta' Sardinja. Huwa beda l-karriera politika tiegħu matul it-Tieni Gwerra Dinjija mal-FUCI, Federazione Universitaria Cattolica Italiana. L-ewwel darba li kien elett deputat kien fl-1958 mal-Partit Demokristjan. Kien l-iżgħar sottosegretarju fit-tielet gvern ta' Moro fl-1966. L-iżgħar Ministr tal-Intern fl-1976, l-iżgħar President tas-Senat fl-1983 u l-iżgħar President tar-Repubblika fl-1985, ta' 56 sena.

Cossiga kien Ministru tal-Intern fl-1978 meta t-terroristi tal-Brigate Rosse ħatfu u qatlu lill-President tad-Demokrazija Kristjana u ex-Priministru Aldo Moro. Ir-riżenja ta' Cossiga ġabitlu r-rispett tal-Oppożizzjoni Komunista għax hu kien l-uniku wieħed mill-Gvern Demokristjan li refa' r-responsabbiltà ta' kif spiċċat l-istorja ta' Moro.

President tar-Repubblika

immodifika

Ir-rispett tal-oppożizzjoni wassal biex Cossiga ikun l-ewwel wieħed li jinħatar President tar-Repubblika fl-1985 mal-ewwel votazzjoni. Kienu vvutawlu 752 deputat minn 977. Mill-1990, Cossiga beda jagħmel stqarrijiet kontroversjali u beda jissejjaħ "il picconatore". Cossiga kien qal li l-Partiti l-kbar, id-Demokristjani u l-Komunisti għandhom jaġġornaw ruħhom wara l-waqgha tal-Ħajt ta' Berlin.

Fl-1991 il-Prim Ministru Giulio Andreotti żvela l-ezistenza tal-organizazzjoni Gladio. L-għan ewlieni tal-Gladio, li kienet is-sezzjoni Taljana ta' Stay Behind Net, organizzazzjoni sigrieta tan-NATO, kien li jkun hemm kull reżistenza possibbli f'każ ta' invażjoni Sovjetika permezz ta' sabutaġġi u terroriżmu. Cossiga ammetta l-involviment tiegħu fit-twaqqif ta' dan l-organizazzjoni. F'Diċembru 1991, il-Partit Komunista kien ressaq talba biex Cossiga jitneħħa minn President, talba, iżda li kienet ġiet irtirata.

Cossiga rriżenja minn President fit-28 ta' April, 1992, xahrejn qabel kellu jintemm iż-żmien tal-ħatra tiegħu.

Wara l-Presidenza

immodifika

Wara nħatar Senatur għal għomru bħal kull eks-President. Fi Frar 1998, Cossiga ħoloq partit politiku ġdid, Unione Demokratica per la Repubblica (UDR). Il-partit ġie xolt sena wara. Fis-27 ta' Novembru, 2006, huwa rriżenja minn Senatur għal għomru, iżda r-riżenja tiegħu ma ġietx aċċettata wara vot fis-Senat fl-aħħar ta' Jannar 2007.

Cossiga u Malta

immodifika

Cossiga żar diversi drabi Malta kemm fuq żjajjar uffiċjali u kemm żjajjar privati, u kien "ħabib ta' Malta". Lejn l-aħħar tal-Presidenza tiegħu, fl-1991, kien għamel żjara statali f'Malta fejn kien esprima l-appoġġ tiegħu li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Huwa kien ingħata Dottorat fil-Liġi (Honoris Causa) mill-Università ta' Malta. L-aħħar li ġie Malta, kien fl-2008, meta indirizza konferenza tal-AŻAD flimkien ma' Guido de Marco, Rocco Buttiglione u Ugo Mifsud Bonnici fuq il-kwistjoni Moro. Cossiga kien ukoll Kavallier ta' Malta.