Figolla

ħelu tal-Għid

Figolla hija tip ta' ħelu Malti b'mili qisu marżipan li tittiekel fi żmien l-Għid.[1][2] Spiss il-figola tingħata forma ta' qalb, salib, stilla, ħuta, fenek, u kwalunkwe simbolu b'rabta mal-Kristjaneżmu, b'mod partikolari l-Kattoliċiżmu, iżda dan l-aħħar saret tingħata kull tip ta' forma skont il-gosti ta' dak li jkun.

Figolla b'għamla ta' qalb.

Il-bażi tal-ħelu ssir l-iktar bid-dqiq, bil-butir/marġarina, zokkor ismar, essenza tal-vanilja, bajd, qxur tal-lumi u ilma.

Il-mili qisu marżipan isir bil-lewż mitħun, zokkor ismar, abjad tal-bajd u essenza tal-lewż. Hemm min iżid ukoll il-qxur tal-larinġ jew iktar lumi.

Il-figolli ġeneralment ikunu miksija bl-icing sugar jew biċ-ċikkulata mdewba u bil-"hundreds-and-thousands" ikkuluriti fil-wiċċ, u spiss titpoġġa nofs bajda taċ-ċikkulata mqartsa wkoll.

F'Malta, il-figolli jinħmew matul il-Ġimgħa Mqaddsa fid-denominazzjoni Kattolika tal-Kristjaneżmu, u jingħataw lit-tfal jew lill-qrabat biex jittieklu fl-Għid il-Kbir. Xi rħula Maltin għandhom it-tradizzjoni tat-tberik tal-figolli minn qassis fil-pjazza jew fiz-zuntier tal-knisja, flimkien mal-bajd tal-Għid taċ-ċikkulata.

Huwa maħsub li l-figolli għandhom għeruq Sqallin tal-qedem, peress li t-terminu "figolla" x'aktarx li ġej mit-terminu Sqalli "figulina", li tfisser "figura". Dawn kien jinħmew ukoll għal skopijiet reliġjużi u anke bħala ċelebrazzjoni tar-rebħa kontra l-invażuri bħat-Torok. Dawn il-"figulina" li kienu jinħmew fi Sqallija fil-qedem mhumiex daqshekk popolari fi Sqallija llum il-ġurnata, iżda f'Malta t-tradizzjoni baqgħet u evolviet.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "M3P : Malta Media Memory Preservation". www.m3p.com.mt. Miġbur 2023-04-08.
  2. ^ "Maltese Figolli - Easter Characters Recipe". www.grouprecipes.com. Miġbur 2023-04-08.