Doreen Micallef
Doreen Micallef (1 ta' Ġunju 1949 - 1 ta' Diċembru 2001) kienet kittieba Maltija.
Doreen Micallef | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Furjana, 31 Mejju 1949 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
Residenza | Valletta |
Mewt | Valletta, 1 Diċembru 2001 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi |
Malti Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
poeta kittieb drammaturgu |
Ħajja
immodifikaHija twieldet il-Furjana, Malta u kienet l-unika bint ta' Gerald Micallef u Giorgina Micallef imwielda Borg.[1] Hija ħadet l-edukazzjoni tagħha fl-iskola primarja u sekondarja tal-gvern, il-Furjana fejn għexet l-ewwel ftit snin ta' ħajjitha. Hija ma marritx l-università iżda kompliet tavvanza l-istudji tagħha fil-Malti, il-letteratura, l-arti u l-filosofija u magħruf li kitbet studju fuq Pierre Theilhard de Chardin.
Il-Moviment Qawmien Letterarju
immodifikaIs-snin sittin kienu epoka li ġabet rivoluzzjoni sħiħa fil-ħsieb ħieles. Iż-żgħażagħ taż-żmien riedu li l-kreattività tagħhom ma tkunx maħnuqa mir-riġidità tradizzjonali u kultant diskriminatorja. Madwar id-dinja kien hawn movimenti ribelli li riedu bidla kbira fil-ħsieb. Kien żmien il-Beatniks, il-Hippies u l-Flower Power. F'pajjiżna, dan ir-rinaxximent modern tal-ħsieb ħeġġeġ lill-kittieba żgħażagħ li filwaqt li jimirħu f'metodi ħielsa, permezz tal-Moviment Qawmien Letterarju, ikomplu jagħtu spinta lill-ilsien Malti li kien għadu meqjus minn ħafna bħala sekondarju. Fost il-ħafna żgħażagħ kittieba f'dan il-Moviment kien hemm xebba waħda, Doreen Micallef.
Il-Moviment Qawmien Letterarju tas-snin sittin ġab taqliba sħiħa fil-letteratura Maltija. Mhux il-kittieba stabbiliti kollha aċċettaw din il-bixra ġdida. Mhux kulħadd seta' jniżżilha li poeżija tinkiteb fi stil li mhux tradizzjonali. Fi żmien meta l-mara ftit kont issibha f'oqsma pubbliċi, leħen Doreen favur il-vers ħieles kien sinifikanti. Doreen kienet l-ewwel poetessa ta' pajjiżna li kitbet bil-vers ħieles. Kienet ukoll l-unika kittieba mara tal-Moviment Qawmien Letterarju.
Hija qatt ma ddejqet tkun kontroversjali ladarba kienet konvinta mir-raġunijiet tagħha. Darba kien hemm lejla letterarja organizzata mill-istess moviment u fost iż-żgħażagħ kienu attendew ukoll poeti stabbiliti bħal Ġużè Cardona, Anton Buttigieg u Ġużè Aquilina. Deher ċar li kien hemm antagoniżmu bejn min kien favur jew kontra l-vers ħieles. Micallef tkellmet ukoll u nsistiet favur il-vers ħieles u affrontat lil kull min ma qabilx magħha. Saħqet li bħalma kien qiegħed jiġri universalment fil-ħelsien kemm tal-ħsieb kif ukoll tal-mod kif jinkiteb, Malta, bħala nazzjon parti mid-dinja, kellha dritt ukoll li tgħaddi minn din il-bidla.
Doreen Micallef kienet tikteb dwar il-letteratura fIl-Berqa u fost il-ħafna drabi li dehru poeżiji tagħha ppubblikati f'ġurnali jew f'antoloġiji, kienet ħarġet tliet kotba poetiċi li huma Fit-Triq ta' l-Empirew (1975), De Profundis (1979) u Kyrie (1980). F'kull wieħed minn dawn il-kotba dejjem kien hemm daħla analitika minn Oliver Friggieri. Kellha wkoll xogħlijiet li ġew ippubblikati fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti.
Kienet tikteb ukoll id-drammi. Kienet rebħet l-Istilla tad-Deheb organizzata mir-Rediffusion għall-aqwa dramm tas-sena tliet darbiet. Dawn kienu fis-snin 1969, 1970 u 1973. Fl-1972 kienet ħarġet damma ta' sitt drammi bl-isem ta' Wiċċ imb Wiċċ u Drammi Oħra (1972). Għadd ta drammi tagħha ttellgħu fit-Teatru Manoel jew fuq il-mezzi tax-xandir. Kienet kitbet ukoll Maqam li ġie mmużikat minn Charles Camilleri. Iżda l-akbar ħabib u idolu li kellha fil-qasam teatrali kien Francis Ebejer.
Ħajja Personali
immodifikaMeta mietu ommha u missierha, Doreen spiċċat tgħix waħedha f'appartament fi Triq Sant Andrija fil-Belt. Dan il-fatt kien nikkitha ħafna. Il-ġenituri tagħha mietu t-tnejn fl-istess xahar ta' Frar:
u dlam u riħ u kesħa u telf u baħħ u mrar fi frar ħriġna fid-dlam
u ntlifna żewġ ombri suwed fil-lejl
il-lejl inġazzat u riefnu il-lejl mistmerr tal-kesħa ta frar
ħriġna fid-dlam u ħrabna
żewġ ombri suwed fil-lejl ostaġġi tal-lejl u s-sikta fil-kesħa,
fir-reżħa tal-lejl qattret demgħa waħda…
li kitbet storja dmugħ…
il-lejla l-kwiekeb jibku
il-lejla reġa frar
Minkejja s-solitudni ta' bniedma introverta għall-aħħar, mara li qatt ma kienet fiżikament b'saħħitha, kienet tħobb tissoċjalizza wkoll, iżda dejjem b'xi suġġett profond għad-diskussjoni u b'saħħa mentali enormi. Kienet bniedma li tistaqsi ħafna u kultant iġġibek fid-dubju jekk hix tagħtik tagħrif jew inkella hix qiegħda tagħmel mistoqsija. Is-suġġetti tagħha kienu dejjem imsaħħin b'argument filosofiku qawwi, l-aktar dwar il-Malti, il-qawwa fil-kelma Maltija u b'mod partikulari l-poeżija.
Għaliha l-poeżija kienet il-bidu u t-tmiem. Kienet tgħid li “l-poeżija hija r-ruħ, u kull bniedem li għandu ruħ ġo fih għandu wkoll il-poeżija.” Kienet titkellem u taħseb bi stil proża-poetiku. Is-sentimentaliżmu, ribelljoni, qilla, rabja u determinazzjoni kienet tinsiġhom f'versi poetiċi ġo moħħha. Jekk imbagħad kienet tkun fil-burdata kienet tiktibhom, jekk le kienet tħallihom itiru mar-riħ. Araha dejjem itterraq fis-solitudni tat-toroq tal-Belt Valletta. Għexet ħajja fqira, kwieta u umli msejsa fuq it-twemmin tagħha.
jien ma nemminx li jien u int u l-bnedmin kollha ġejna mix-xejn għalxejn…
Forsi l-akbar ħbieb li kellha kienu l-qtates. Kienet tħobb lill-annimali kollha, iżda speċjalment il-qtates. Jekk kien ikollha lira kienet tippreferi tibqa' bil-ġuħ hi, iżda qatt ma tfalli milli tixtri l-ikel għal grupp ta' qtates fil-viċinanza ta' fejn kienet tgħix.
Doreen kienet tinteressa ruħha ħafna fl-astroloġija. Kienet taf taqra l-karattru ta' dak li jkun anke skont id-data tat-twelid, speċjalment f'dik li hi astroloġija Ċiniża.
Kienet tħobb ħafna l-mużika ta' The Beatles u gruppi oħrajn ta' żmienha. Fil-fatt kellha poeżija minnhom li semmietha Eleanor Rigby, isem ta' kanzunetta ta' Lennon/McCartney.
Xogħlijiet
immodifika- Wiċċ imb Wiċċ u Drammi Oħra (1972)
- Fit-Triq tal-Empirew (1975)
- De Profundis (1979)
- Kyrie (1980)
Legat
immodifikaIllum id-dar fejn kienet tgħix, 12 Triq Sant' Andrija, il-Belt hija s-sede tal-Akkademja tal-Malti.
- ^ Spiteri, Rebecca. Doreen Micallef: Il-Konferenza, 13-19 ISBN 978-99932-7-543-5.