Chersonesus Tawrika
Chersonesus Tawrika (bil-Grieg Antik: Χερσόνησος, b'ittri Rumani: Khersónēsos; bil-Latin: Chersonesus; bir-Russu u bl-Ukren modern: Херсоне́с, Khersones; miktuba wkoll bħala Chersonese, Chersonesos; bil-Grieg Medjevali mqassra għal Cherson (Χερσών; bis-Slaviku Antik tal-Lvant: Корсунь, Korsun)) hija kolonja Griega antika li ġiet stabbilita madwar 2,500 sena ilu fil-parti tal-Lbiċ tal-Peniżola tal-Krimea. Insedjaturi mill-Heraclea Pontica f'Bitnija stabbilew il-kolonja fis-seklu 6 Q.K.
Il-belt antika tinsab tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed fil-periferiji tal-belt attwali ta' Sevastopol fil-Peniżola tal-Krimea, fejn kienet issir referenza għaliha bħala Khersones. Is-sit huwa parti mir-Riżerva Nazzjonali tal-Chersonesus Tawrika. L-isem Chersonesus bil-Grieg ifisser "peniżola" u jiddeskrivi perfettament is-sit fejn ġiet stabbilita l-kolonja. Xi kultant, it-terminu Chersonesus Tawrika jintuża b'mod usa' u jirreferi għan-Nofsinhar kollu tal-Krimea.
Matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu klassiku, Chersonesus Tawrika kienet demokrazija mmexxija minn grupp ta' Arkoni eletti u minn kunsill imsejjaħ id-Demiurgoj. Maż-żmien, il-gvern sar iktar oligarkiku, u l-poter kien ikkonċentrat f'idejn l-Arkoni.[1] Forma ta' ġurament li kienu jieħdu ċ-ċittadini kollha mis-seklu 3 Q.K. 'il quddiem għadha teżisti sal-preżent.[2][3] Fl-2013 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Storja
immodifikaKolonja Griega
immodifikaWara li l-belt antika ddefendiet ruħha mir-Renju Bosporan, u x-Xiti u t-Tawri nativi, u saħansitra estendiet il-poter tagħha sal-kosta tal-Punent tal-peniżola, kienet obbligata ssejjaħ għall-għajnuna ta' Mithradates VI u tal-ġeneral tiegħu Diophantus, għall-ħabta tal-110 Q.K., iżda xorta waħda kellha ċċedi quddiem ir-Renju Bosporan. Kienet soġġetta għal Ruma u rċeviet gwarniġjon minn nofs is-seklu 1 Q.K. sas-snin 70 tat-300 W.K., meta nħakmet mal-Unni.[1]
Biżantini
immodifikaIl-belt antika saret parti mis-sjieda Biżantina matul il-Medju Evu Bikri u rreżistiet assedju tal-Göktürk fil-581. Il-ħakma Biżantina kellha għomor qasir: kien hemm gwarniġjon imperjali żgħir iktar għall-protezzjoni tal-belt milli għall-kontroll tal-belt u eżerċita tip ta' awtogovernanza. Il-belt antika kienet utli għal Biżanzju b'żewġ modi: kienet punt ta' osservazzjoni għall-għassa kontra t-tribujiet Barbari, u l-iżolament tagħha wassal biex tkun post popolari għall-eżilju ta' dawk li kkawżaw il-korla tal-gvernijiet Rumani u Biżantini.[1] Fost l-eżiljati l-iktar famużi tagħha kien hemm il-Papa Klement I u l-Papa Martin I, u l-Imperatur Biżantin depost Ġustinjanu II.[1]
Skont Teofanu l-Konfessur u oħrajn, Chersonesus kienet ir-residenza ta' gvernatur Khazar (tudun) fl-aħħar tas-seklu 7. Bejn wieħed u ieħor bejn is-705 u t-840, il-ħwejjeġ tal-belt kienu ġestiti minn uffiċjali eletti msejħa babaghuq, jiġifieri "missirijiet tal-belt".[5]
Fit-833, l-Imperatur Teofilu bagħat lin-nobbli Petronas Kamateros, li ftit qabel kien għadu kemm issorvelja l-kostruzzjoni tal-fortizza Khazar ta' Sarkel, biex jieħu l-kontroll dirett fuq il-belt u l-madwar tagħha, u jistabbilixxi t-tema ta' Klimata/Cherson. Il-belt l-antika baqgħet f'idejn Biżantini sas-snin 80 tad-900, meta jingħad li nħakmet minn Kiev. Vladimir il-Kbir qabel li jevakwa l-fortizza biss jekk oħt Basil II, Anna Porphyrogeneta, tingħatalu għaż-żwieġ. It-talba kkawżat skandlu f'Kostantinopli. Bħala prekundizzjoni għaż-żwieġ irranġat, Vladimir tgħammed hemmhekk fid-988, u b'hekk witta t-triq għall-Magħmudija tar-Rus ta' Kiev u Korsun ġiet evakwata.
Peress li din il-kampanja ma ġietx iddokumentata fis-sorsi Griegi, l-istoriċi ssuġġerew li l-ġrajja fil-fatt tirreferi għall-avvenimenti tal-Gwerra bejn ir-Rus u l-Biżantini tal-1043 u għal Vladimir ieħor. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-oġġetti prezzjużi misruqa mill-Islavi f'Korsun spiċċaw f'Novgorod (x'aktarx permezz ta' Ġwakkin ta' Korsun, l-ewwel isqof ta' Novgorod), fejn ġew ippreservati fil-Katidral tal-Għerf Imqaddes sas-seklu 20. Wieħed mill-iżjed oġġetti interessanti minn dan it-"Teżor ta' Korsun" huwa l-Bieb tar-ram ta' Korsun, li allegatament ittieħdet miċ-ċittadini ta' Novgorod f'Korsun, u li issa jagħmel parti mill-Katidral ta' Santa Sofijata' Kiev.
Wara r-Raba' Kruċjata (1202-1204), Chersonesus saret dipendenti fuq l-Imperu Biżantin ta' Trebizond bħala l-Prinċipat ta' Teodoru. Wara l-Assedju ta' Trebizond fl-1461, il-Prinċipat ta' Teodoru sar indipendenti. Il-belt sfat taħt il-kontroll ta' Genova fil-bidu tas-seklu 13, li pprojbixxiet lill-Griegi milli jwettqu l-kummerċ hemmhekk.[1] Fl-1299, il-belt insterqet mill-armati Mongoli ta' Nogai Khan. Sorsi Biżantini jsemmu lil Chersonesus għall-aħħar darba fl-1396, u abbażi tal-evidenza arkeoloġika jingħad li s-sit kien ġie abbandunat fid-deċennji ta' wara.
Storja ekkleżjastika
immodifikaChersonesus kienet ila sede episkopali Rumana ta' qabel ix-Xiżma l-Kbira, u iktar 'il quddiem Griega/Ortodossa, għal sekli sħaħ, u f'qasir żmien ġiet elevata għal arċiveskovat, kif imsemmi fin-Notitiae Episcopatuum; imbagħad, wara l-ħakma tat-Torok fl-1475 u l-qerda tal-belt għebet.[6]
Fl-aħħar tas-seklu 19, il-Katidral grandjuż Ortodoss Russu ta' San Vladimir (li tlesta fl-1892) inbena fuq għolja żgħira 'l fuq mis-sit; ġie ddisinjat bi stil Biżantin, u kien maħsub biex ifakkar is-sit tal-magħmudija ta' Vladimir.
Sede Latina (issa titulari)
immodifikaFl-1333, ġiet stabbilita djoċesi tal-Knisja Latina ta' Chersonesus, iżda milli jidher kellha isqof wieħed biss, Dumnikan imsejjaħ Richard l-Ingliż.[7][8][9]
Peress li ma għadhiex djoċesi residenzjali, Chersonesus Tawrika (jew f'Zechia) illum il-ġurnata hija elenkata bħala Knisja Kattolika u veskovat titulari, mill-bidu tas-seklu 20. Oriġinarjament kienet tissejjaħ Cherson(a) jew Chersonesos, u mill-1933 bdiet tissejjaħ speċifikament Chersonesus f'Zechia jew Tawrika, biex tiġi evidata l-konfużjoni ma' sedi oħra msejħa Chersonesus (l-iktar fi Kreta) billi jiġi speċifikat li hija tal-Krimea.[10]
Ilha battala għal deċennji, wara li kienet is-sede tal-isqfijiet li ġejjin, ilkoll ta' grad (arċiveskovali) intermedjarju:
- Donald Louis Mackintosh (mill-11 ta' Ġunju 1912 sat-8 ta' Ottubru 1919)
- Alexis-Armand Charost (mill-15 ta' Ġunju 1920 sat-22 ta' Settembru 1921) bħala Arċisqof Awżiljarju ta' Rennes (mill-15 ta' Ġunju 1920 sat-22 ta' Settembru 1921), u suċċessur tal-Arċisqof Metropolitan ta' Rennes (Brittanja, Franza) (mit-22 ta' Settembru 1921 sas-7 ta' Novembru 1930), sar Kardinal-Qassis tal-Knisja ta' Santa Marija tal-Vitorja (mill-14 ta' Diċembru 1922 sas-7 ta' Novembru 1930); preċedentement kien l-Isqof Titulari ta' Miletopolis (mill-14 ta' Frar 1913 sal-21 ta' Novembru 1913) u l-Isqof Awżiljarju ta' Cambrai (Franza, mill-14 ta' Frar 1913 sal-21 ta' Novembru 1913), imbagħad kien l-Isqof ta' Lille (Franza, mill-21 ta' Novembru 1913 sal-15 ta' Ġunju 1920)
- Beda Giovanni Cardinale, tal-Ordni Benedittin (O.S.B., mill-25 ta' Lulju 1922 sal-1 ta' Diċembru 1933)
- Albert Levame (mill-21 ta' Diċembru 1933 sal-5 ta' Diċembru 1958)
- Louis Parisot, tas-Soċjetà tal-Missjonijiet Afrikani (S.M.A., mill-14 ta' Jannar 1960 sal-21 ta' April 1960)
- Serapione Uluhogian, tal-Mekitaristi (C.A.M., mit-22 ta' Lulji 1960 sas-16 ta' Mejju 1965)
- Hemaiagh Guédiguian, (C.A.M., mit-3 ta' Marzu 1971 sat-3 ta' Lulju 1976), li iktar 'il quddiem sar il-Patrijarka ta' Cilicia tal-Armeni (Libanu) (mit-3/5 ta' Lulju 1976 sat-30 ta' Mejju 1982), u l-President tas-Sinodu tal-Knisja Kattolika Armena (mill-5 ta' Lulju 1976 sat-30 ta' Mejju 1982).
Fdalijiet
immodifikaSit arkeoloġiku
immodifikaIl-fdalijiet tal-belt antika ta' Chersonesus Tawrika attwalment jinsabu f'wieħed mis-subborgi ta' Sevastopol. Ġew skavati mill-gvern Russu mill-bidu tal-1827. Attwalment huma attrazzjoni turistika popolari u huma protetti bħala park arkeoloġiku. Il-binjiet fihom taħlita ta' influwenzi tal-kulturi Griegi, Rumani u Biżantini. Il-ħajt difensiv bejn wieħed u ieħor kien twil 3.5 kilometri, kien wiesa' 3.5 sa 4 metri u għoli bejn 8 sa 10 metri u kellu torrijiet għoljin 10 metri sa 12-il metru. Il-ħitan kienu jħaddnu żona ta' madwar 30 ettaru. Fost il-binjiet tas-sit hemm anfiteatru Ruman u tempju Grieg. Il-fatt li s-sit ma reġax ġie abitat mis-seklu 14 iwassal biex is-sit jitqies bħala rappreżentazzjoni importanti tal-ħajja Biżantina.
L-art tal-madwar taħt il-kontroll tal-belt, magħrufa bħala l-chora, tikkonsisti minn diversi kilometri kwadri ta' raba' antik li issa baqa' mhux maħdum, bi fdalijiet ta' tagħmir tat-tgħasir u torrijiet difensivi. Skont l-arkeologi, l-evidenza tissuġġerixxi li n-nies lokali kienu jitħallsu biex jagħmlu xogħol agrikolu flok jitqiesu għall-jasar.
Il-lapidi tal-oqbra li ġew skavati jagħtu ħjiel ta' prattiki funebri li kienu differenti minn dawk Griegi. Kull ġebla timmarka l-qabar ta' individwu, minflok tal-familja kollha, u t-tiżjin jinkludi oġġetti biss bħal żbandoli u armi, minflok statwi funebri. Iktar minn nofs l-oqbra li sabu l-arkeologi kien fihom l-għadam ta' tfal. Fdalijiet maħruqa jissuġġerixxu li l-belt kienet insterqet u mbagħad inqerdet.
Fl-2007, Chersonesus Tawrika ġie ras imb ras għall-ħames post fl-istħarriġ dwar is-Seba Għeġubijiet tal-Ukrajna.
Fit-13 ta' Frar 2009, il-Ministru għad-Difiża Ukren Yuriy Yekhanurov appella lill-flotta navali tar-Russja fil-Baħar l-Iswed biex iċaqilqu l-kwartieri mobbli tiegħu mis-sit għal post ieħor. Il-post fejn kienet tinsab il-flotta navali Russa fil-Baħar l-Iswed kien wieħed mill-ostakli biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[11]
Fl-2017, l-arkeologi skoprew fil-periferiji ta' Sevastopol, frammenti ta' artal Grieg antik b'figuri ta' allat.[12]
Fl-2022, ir-riċerkaturi analizzaw fdalijiet ta' skeletri umani minn nekropoli fil-parti tat-Tramuntana ta' Chersonesus, li jmorru lura għall-iżjed perjodu bikri tal-kolonja (bejn is-seklu 5 u s-seklu 4 Q.K.). Il-biċċa l-kbira tal-individwi deċeduti kienu ppożizzjonati f'pożizzjoni funebri mgħawġa b'riġlejhom mgħawġin sa sidirhom, filwaqt li għadd iżgħar indifnu b'pożizzjoni dritta fuq daharhom. Ir-riċerkaturi sabu li l-biċċa l-kbira tal-individwi kienu ġenetikament simili għal xulxin, kienet x'kienet il-pożizzjoni funebri tagħhom. Dan ir-riżultat jisfida l-opinjoni mifruxa li l-pożizzjoni funebri fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Baħar l-Iswed kienet iddeterminata mill-antenati tad-deċedut, filwaqt li d-difniet b'pożizzjoni funebri mgħawġa kienu drawwa tat-Tawriċi lokali, u d-difniet b'pożizzjoni funebri dritta kienu drawwa tal-kolonjalisti Griegi.[13]
Bażilika tal-1935
immodifikaIl-bażilika tal-1935 hija l-iżjed bażilika famuża li ġiet skavata f'Chersonesus. L-isem oriġinali mhuwiex magħruf, għaldaqstant is-sena 1935 tirreferi għas-sena tal-ftuħ tagħha. Il-bażilika x'aktarx inbniet fis-seklu 6 fuq is-sit ta' tempju iktar bikri, li l-istoriċi ssoponew li kienet sinagoga, li minnha nnifisha ssostitwiet tempju żgħir li jmur lura għaż-żmien bikri tal-Kristjaneżmu. Il-bażilika tal-1935 sikwit tintuża bħala immaġni li tirrappreżenta s-sit ta' Chersonesus. Din l-immaġni tidher ukoll fuq karta tal-flus tal-Ukrajna.
Kontenuti tal-mużew
immodifikaFlimkien mas-siti arkeoloġiċi, il-mużew għandu madwar 200,000 oġġett iżgħar mis-seklu 5 sas-seklu 15, u iktar minn 5,000 oġġett minnhom qegħdin għall-wiri. Dawn jinkludu:[14]
- testi antiki, inkluż il-ġurament taċ-ċittadini ta' Chersonesus (is-seklu 3 Q.K.)[15], u digrieti li jagħtu ġieħ lil Dijofantu (is-seklu 2 Q.K.)
- kollezzjoni ta' muniti
- mużajk ta' tesseri suwed u bojod u tesseri kkuluriti
- ċeramika antika
- frammenti arkitettoniċi, inkluż abaki, riljievi u fdalijiet antiki u Medjevali.
Studji attwali
immodifikaL-Istitut tal-Arkeoloġija Klassika tal-Università ta' Texas f'Austin u l-Park Arkeoloġiku lokali investigaw is-sit mill-1992. Il-gvern Ukren inkluda s-sit bħala Sit Indikattiv u eventwalment is-sit tniżżel fil-lista tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Belt Antika ta' Chersonesus Tawrika u l-Chora tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[4] Is-sit huwa magħmul minn seba' komponenti fi ħdan il-belt ta' Chersonesus Tawrika u sitt irqajja' ta' art agrikola.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4] L-UNESCO tqis li dawn iż-żoni joħorġu fid-dieher l-istil tal-ħajja kulturali u l-użu tal-art tal-popolazzjonijiet tal-qedem li kienu jgħixu f'dawn l-inħawi.[16]
Problemi u kontroversji
immodifikaL-iżvilupp ta' bini modern dejjem joqrob lejn is-sit arkeoloġiku antik, flimkien man-nuqqas ta' finanzjament biex dawn il-pressjonijiet tal-iżvilupp jingħelbu, wasslu biex is-sit ta' Chersonesus jitqies li qiegħed f'riskju.[17]
F'rapport ta' Ottubru 2010 imsejjaħ Saving Our Vanishing Heritage (Insalvaw il-Wirt Tagħna li qed Jisparixxi) tal-Fond għall-Wirt Globali identifika lil Chersonesus bħala wieħed minn 12-il sit fid-dinja li jinsab f'xifer l-irdum ta' telf u qerda irreparabbli, u l-kawżi primarji li ġew ikkwotati kienu n-nuqqas ta' biżżejjed ġestjoni u l-pressjonijiet tal-iżvilupp.
Matul il-kriżi tal-Krimea tal-2014, il-Peniżola tal-Krimea ġiet annessa mir-Russja, iżda l-UNESCO baqgħet issostni li se tibqa' tirrikonoxxi lill-Krimea u lis-Siti ta' Wirt Dinji tagħha bħala tal-Ukrajna.[18]
Fid-29 ta' Lulju 2015, il-Gvernatur ta' Sevastopol Sergei Menyailo (Сергей Меняйло), wara li keċċa lid-direttur tar-Riżerva ta' Chersonesus Andrey Kulagin (Андрей Кулагин), ħatar lil qassis, Sergiy Khalyuta (Сергий Халюта) fil-kariga. Din il-mossa kkawżat protesti jaħarqu mill-persunal, u l-109 membru għalenija rrifjutaw li jaħdmu taħt id-direttur il-ġdid. Il-kunflitt ġibed l-attenzjoni sinifikanti tal-mezzi tax-xandir. Il-ħaddiema saħqu li l-kunflitt tal-gvernatur u tad-direttur tar-Riżerva beda fil-11 ta' Lulju, meta d-direttur ilmenta dwar ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' triq fit-territorju tar-Riżerva, approvati mill-Gvernatur mingħajr il-permessi meħtieġa għal xogħlijiet ta' dak it-tip f'żoni protetti. Eventwalment, taħt pressjoni, il-qassis Sergiy irreżenja mill-kariga.[19]
Biblijografija u iktar qari
immodifika- Anokhin, Vladilen A. The Coinage of Chersonesus: IV century B.C.–XII century A.D. Oxford: British Archaeological Reports, 1980 (paperback, ISBN 0-86054-074-X).
- Carter, Joseph Coleman; Crawford, Melba; Lehman, Paul; Nikolaenko, Galina; Trelogan, Jessica. "The Chora of Chersonesos in Crimea, Ukraine", American Journal of Archaeology, Vol. 104, No. 4. (2000), pp. 707–741.
- Carter, Joseph Coleman; Mack, Glenn Randall. Crimean Chersonesos: City, Chora, Museum, and Environs. Austin, TX: David Brown Book Company, 2003 (paperback, ISBN 0-9708879-2-2).
- Kozelsky, Mara. "Ruins into Relics: The Monument to Saint Vladimir on the Excavations of Chersonesos, 1827–57", The Russian Review, Vol. 63, No. 4. (2004), pp. 655–672.
- Norwich, John Julius. Byzantium: The Early Centuries. New York: Alfred A. Knopf, 1989 (hardcover, ISBN 0-394-53778-5).
- Saprykin, Sergey Yu. Heracleia Pontica and Tauric Chersonesus before Roman domination: (VI–I centuries B.C.). Amsterdam: A.M. Hakkert, 1997 (ISBN 9025611095).
- Stolba, Vladimir F. Aarhus 2014.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e Chersonese. 6. Miġbur 2022-04-02.
- ^ "Syll 360 : Translation of inscription". web.archive.org. 2018-01-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-01-19. Miġbur 2022-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Vladimir F. Stolba, The Oath of Chersonesos and the Chersonesean Economy in the Early Hellenistic Period, in: Z.G. Archibald, J.K. Davies & V. Gabrielsen (eds.), Making, Moving and Managing. The New World of Ancient Economies, 323-31 BC. Oxford: Oxbow 2005, 298-321.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Tauric Chersonese and its Chora". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-02.
- ^ Brook, Kevin Alan (2006-09-27). The Jews of Khazaria. Rowman & Littlefield Publishers. p. 54. ISBN 9781442203020.
- ^ Raymond Janin, v. 3. Chersonnèse, in: Dictionnaire d'Histoire et de Géographie ecclésiastiques, vol. XII, Paris 1953, coll. 636–638.
- ^ Konrad Eubel, Hierarchia Catholica Medii Aevi, vol. 1, p. 184.
- ^ Pius Bonifacius Gams, Series episcoporum Ecclesiae Catholicae, Leipzig 1931, p. 365.
- ^ Telfer, John Buchan (1876). The Crimea and Transcaucasia; being the narrative of a journey in the Kouban, in Gouria, Georgia, Armenia, Ossety, Imeritia, Swannety, and Mingrelia, and in the Tauric range. London : H.S. King & co.
- ^ Annuario Pontificio 2013 (Libreria Editrice Vaticana 2013 ISBN 978-88-209-9070-1), p. 868.
- ^ "Ukranian News". web.archive.org. 2009-07-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-07-28. Miġbur 2022-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "- YouTube". www.youtube.com. Miġbur 2022-04-02.
- ^ Rathmann, Hannes; Stoyanov, Roman; Posamentir, Richard (January 2022). "Comparing individuals buried in flexed and extended positions at the Greek colony of Chersonesos (Crimea) using cranial metric, dental metric, and dental nonmetric traits". International Journal of Osteoarchaeology. 32 (1): 49–63.
- ^ "Chersonesus Taurica - Places to Visit - Places to visit in Ukraine. V…". archive.ph. 2012-07-13. Miġbur 2022-04-02.
- ^ "Syll 360 : Translation of inscription". web.archive.org. 2018-01-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-01-19. Miġbur 2022-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Tauric Chersonese and its Chora". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-02.
- ^ "Ukrainian Museum NYC News: Managing the Archaeological Heritage at the National Preserve of Tauric Chersonesos". web.archive.org. 2017-10-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-10-12. Miġbur 2022-04-02.
- ^ "ЮНЕСКО и впредь будет считать Крым территорией Украины | УНИАН". web.archive.org. 2018-11-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-11-05. Miġbur 2022-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ъ-Газета - "Херсонес" возвращается в лоно Минкульта". web.archive.org. 2016-10-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-22. Miġbur 2022-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)