Caterina Scappi
Caterina Scappi (mietet fl-20 ta’ Ġunju 1643) kienet benefattriċi għanja u rispettata sew tal-knisja tal-Karmelitani f’Malta.[1][2] Ftit hu magħruf dwar l-oriġini jew il-ħajja bikrija tagħha, iżda hija magħrufa għad-donazzjonijiet ta’ karità sostanzjali għall-kawżi tan-nisa. B’mod partikolari, hija waqqfet l-ewwel sptar f’Malta esklussivament għas-servizz tan-nisa.
Caterina Scappi | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Siena, |
Residenza | Valletta |
Mewt | Valletta, 20 Ġunju 1643 |
Post tad-dfin | Bażilika Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
negozjant filantropu |
Ħajja bikrija
immodifikaOriġinarjament minn Siena, l-Italja, minn fejn ħadet il-laqam tagħha "La Senese", Scappi qattgħet ħafna minn ħajjitha f'Malta.[1] Scappi kienet negozjanta attiva, li minn hekk setgħet akkwistat ftit ġidha.[3] Il-post tat-twelid tagħha, is-sena tat-twelid, u l-familja tagħha mhumiex magħrufa, u qatt ma ssemmihom fl-ebda kuntratt jew testmenti notoriali li kitbet.[1][3] L-ewwel dehra ta’ Caterina Scappi f’Malta tinstab fid-dokumenti kriminali tal-qorti mill-1583-4, li fih Scappi jixhdet f’każ ta’ serq.[3]
Donazzjonijiet ta’ karità u t-twaqqif tal-isptar
immodifikaScappi kienet għonja konsiderevolment, iżda ma għexetx ħajja ta' lussu, u pjuttost għaddiet ħafna mill-flus tagħha biex jintużaw f'kawżi ta' karità.[2] Hija magħrufa li tat flus lill-kunvent tar-Ripentiti fl-1597; dan kien istitut reliġjuż li l-missjoni tiegħu kienet li jgħin lill-prostituti.[1] Dak iż-żmien, hija speċifikat li jekk aktar tard tagħżel li tingħaqad mal-kunvent, dan il-ħlas għandu jitqies bħala ħlas parzjali.[1]
Għalkemm kienu jeżistu sptarijiet għall-kavallieri, in-nisa li kellhom bżonn xi kura ma kellhomx fejn imorru. Scappi huwa maħsub li kkurat lin-nisa fid-dar privata tagħha, iżda fl-1625, billi użat ir-riżorsi tagħha, hija ffinanzjat l-ospedaletto, magħruf ukoll bħala La Casetta, l-ewwel sptar iddedikat esklussivament għan-nisa.[1][2] Fit-testment tagħha, hija tiddeskrivi l-motivazzjonijiet tagħha għat-twaqqif tal-isptar: “Kif ispirata mill-Mulej, ħerqana biex ngħin u nfejjaq lil dawk in-nisa żvinturati li mardu u li, nieqsa minn kollox, ma jistgħux jirċievu kura fi djarhom, immexxija mill-ħniena għall-miżerja tagħhom”.[2] Għalhekk, u l-ħafna kontributi tagħha biex tgħin lin-nisa, Giovanni Bonello li rriċerka ħajjitha għal sensiela ta’ artikli li dehru fit-Times of Malta, isejħilha “l-ewwel femminista fl-istorja ta’ Malta dominanta mill-irġiel”.[3]
L-isptar infetaħ f’dar jisimha Santa Maria della Scala, l-istess bħal sptar rinomat f’Sienna.[1] L-arma ta’ dan l-isptar kienet imnaqqxa fuq il-lapida ta’ Scappi.[1] Aktar tard, l-isptar kien irrelokat, u uffiċjalment sar jismu Santa Maria della Pietà.[1] L-isptar kien issussidjat mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1631.[4]
Fil-ktieb tiegħu History of Gynecology in Malta, Charles Savona-Ventura jispjega li “Il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530 u t-twaqqif tal-Gżira bħala bażi marittima ġabu l-prostituzzjoni fil-Gżejjer u ħoloq ambjent ideali għat-tixrid tal-mard venerali."[5] Ir-rata għolja ta’ infezzjoni tal-mard venereali ta’ Malta kienet oskurat ir-reputazzjoni tal-gżira. Fl-1979, awtur anonimu kiteb: "M'hemm l-ebda post fid-dinja kollha fejn il-mard venerali jattakka aktar malajr u jinfirex aktar faċli milli f'Malta, għax hawn huwa kompost tal-ġidri kollu fid-dinja."[6] L-isptar ta’ Scappi beda jkun magħruf bħala l-“spedale delle donne incurabili”, l-isptar għal nisa inkurabbli. Dan għaliex ħafna min-nisa li ġew biex jiġu kkurati kienu prostituti b’mard venerali, li dak iż-żmien ma kienx jitfejjaq.[1] Ġeneralment dawn kienu jkunu trattati bil-merkurju, u xi pazjenti mietu propju bl-avvelenament tal-merkurju.[1]
Legat
immodifikaFl-aħħar testment li għamlet, fl-1643, għażlet żewġ kavallieri minn Sienna, Fra Ottavio Bardinelli u Fra Giulio Cesare, bħala l-eżekuturi testamentarji tagħha, u protetturi tal-ospedaletto.[1] Mal-mewt tagħhom, hija talbet li jieħdu posthom żewġ kavallieri oħra minn Siena.[1] Speċifikat ukoll li jekk jiġri xi ħaġa lid-dar Santa Maria della Pietà, ġidha għandu jintuża biex tinxtar dar oħra biex isservi bħala sptar għan-nisa.[1]
Wara l-mewt ta’ Scappi, il-Kunsill Ordinarju tal-Ordni ta’ San Ġwann għalaq l-isptar, iżda mingħajru, ma kien hemm ebda mod kif jiġi evitat t-tixrid tal-mard venerali jew ikkurat, għalhekk l-isptar reġa’ nfetaħ fl-1659.[4] L-isptar ġie rinovat biex jiżdied in-numru ta’ sodod, u laħaq il-230 sodda sal-1786.[4] Bdiet jaċċetta pazjenti b'mard mentali, kif ukoll każijiet ta’ maternità, u eventwalment tfal.[4] L-isptar inqered waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.[7]
It-testment tagħha fih aktar donazzjonijiet: Scappi stabbilixxet refuġji b’xejn għan-nisa, u tat għamara, flus, ħwejjeġ, u doti.[7] Scappi kellha skjava, Giuliana, li rċeviet il-ħelsien ma' mewtha. [7] Scappi ħalliet aktar wirt lil ħafna nisa, fosthom Caterina Doneo, bint il-pittur Francesco Doneo, u Lucrezia Montano, bint l-avukat Palermino Montano.[7]
M'hemm l-ebda dokument magħruf ta' Scappi miżżewġa, u lanqas li kellha xi tfal bijoloġiċi.[1]Madankollu, fl-1632 adottat tifla ta’ sitt snin jisimha Maria, u rabbietha għal 14-il sena.[1]
Hija ġiet midfuna fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.[1] Fil-bidu kienet midfuna fir-rokna ta’ kappella fil-knisja, iżda fl-1791 ġisimha ġie eżhumat sabiex jerġa’ jindifen f’żona iktar prominenti tal-knisja.[7] Hemm spekulazzjoni li din id-difna mill-ġdid kienet evidenza ta’ logħoba tal-poter mill-fondazzjoni Scappi.[7]
Meta l-knisja twaqqgħet fl-1958, kemm il-lapida tagħha kif ukoll dik ta’ Caterina Vitale inżammu u tpoġġew għall-wiri fil-knisja l-ġdida.[1]
Casa Scappi, id-dar fejn x’aktarx kienet tgħix, f’74 Triq il-Fran fil-Belt, għal xi żmien fl-aħħar deċenji tas-seklu 20 kienet tintuża bħala l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss.[1]
Fil-ktieb Awguri Giovanni Bonello!, Clare Azzopardi kitbet dramm qasir dwar Caterina Scappi, mill-perspettivi ta’ nisa li kienu jafuha.[8][9]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ i ie j k l m n o "Caterina Scappi and her revolutionary hospital for women who were incurable". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.
- ^ a b ċ d "Caterina Scappi, forgotten feminist benefactress". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.
- ^ a b ċ d "Caterina Scappi revisited". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.
- ^ a b ċ d Cassar, Paul (2006-03-01). "The concept and range of charitable institutions up to World War I" (PDF). Malta Medical Journal (bl-Ingliż). Malta. 18: 46–49.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
- ^ Savona-Ventura, Charles (2010). History of Gynaecology in Malta (bl-Ingliż). Malta: Department of Obstetrics-Gynaecology, University of Malta. p. 18.
- ^ Nouvelle Relation d'un Voyage et description exacte de l'isle de Malthe. Paris. 1979. (2010). in Savona-Ventura, Charles. History of Gynaecology in Malta (bl-Ingliż). Malta: University of Malta. p. 169.
- ^ a b ċ d e f "Caterina Scappi, forgotten feminist benefactress". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.
- ^ "Awguri, Giovanni Bonello! | WorldCat.org". www.worldcat.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.
- ^ "Truth transformed by fiction". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-04.