Buddha Ġgantesk ta' Leshan

skultura monumentali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina

Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan (biċ-Ċiniż: 樂山大佛) hija statwa tal-ġebel għolja 71 metru (233 pied), li nbniet bejn is-713 u t-803 (matul żmien id-dinastija Tang). Ġiet imnaqqxa f'irdum tal-ġebel ramli aħmar Kretaċju fil-u tinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Min u Dadu fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Provinċja ta' Sichuan fiċ-Ċina, qrib il-belt ta' Leshan.[1] L-iskultura tal-ġebel tħares lejn il-Muntanja Emei, bix-xmajjar inixxu taħt saqajha. Hija l-ikbar u l-ogħla statwa tal-ġebel tal-Buddha fid-dinja u hija bil-bosta l-itwal statwa premoderna fid-dinja. Tinsab iktar minn 4 kilometri (2.5 mili) mit-Tempju ta' Wuyou.[2]

Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan.

Iż-Żona Xenika tal-Muntanja Emei, inkluż iż-Żona Xenika tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Pożizzjoni

immodifika

Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan jinsab fil-Quċċata ta' Qifeng tal-Muntanja Lingyun. Il-Quċċata ta' Qifeng tinsab fil-punt fejn jiltaqgħu x-xmajjar Minjiang, Qingyi u Dadu.

Apparti l-Buddha Ġgantesk ta' Leshan, il-Pjattaforma Ġeoloġika ta' Danxia fiha abbundanza ta' konnotazzjonijiet storiċi u kulturali, bħal oqbra fl-irdumijiet u abitazzjonijiet fl-irdumijiet. L-Oqbra fl-Irdumijiet ta' Mahao fiż-Żona Xenika tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan inbnew matul żmien id-dinastija Han, u jagħtu ħjiel dwar id-drawwiet tal-għajxien tar-residenti tal-qedem.[4]

 
Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan u t-turisti telgħin it-taraġ ħdejn spallejh.

Il-kostruzzjoni bdiet fis-723 W.K., taħt it-tmexxija ta' patri Buddist Ċiniż jismu Hai Tong. Huwa kien jemmen li l-Buddha Maitreya kien se jikkalma l-ilmijiet turbolenti li b'mod kostanti kienu jħabbtu lill-bastimenti tal-merkanzija li kienu jbaħħru 'l isfel tul ix-xmara. Meta l-finanzjament għall-proġett ġie mhedded, jingħad li qala' għajnejh stess biex juri kien devot u li l-għan tiegħu kien sinċier. Madankollu, wara mewtu, il-kostruzzjoni ddewmet minħabba finanzjament insuffiċjenti. L-istatwa dak iż-żmien kienet tlestiet biss mill-ispallejn 'il fuq. Diversi snin wara, id-dixxipli ta' Hai Tong komplew ix-xogħol fuq l-istatwa bis-sostenn finanzjarju mingħand uffiċjal lokali jismu Zhangchou Jianxiong. Id-dixxipli ta' Hai Tong komplew il-kostruzzjoni sal-irkopptejn, iżda l-kostruzzjoni mbagħad waqfet ħesrem minħabba li Zhangchou Jianxiong ġie msejjaħ biex jerġa' jservi l-qorti rjali f'Chang'an. Madwar 70 sena wara, Jiedushi Wei Gao baqa' jappoġġa u jiffinanzja l-proġett u l-kostruzzjoni finalment tlestiet mid-dixxipli ta' Hai Tong fit-803.

Sal-bidu ta' żmien id-dinastija Song tat-Tramuntana, il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan kien ġarrab xi ħsarat — ġismu ġie miksi bil-muski, u l-paviljun tal-injam ċeda u kkrolla. Matul ir-renju ta' Song Renzong, saru xi tiswijiet fuq skala kbira lill-Buddha Ġgantesk u l-paviljun tal-injam reġa' nbena. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-rekords tal-qerda u tar-rikostruzzjoni tal-Buddha ma nżammux jew intilfu, u t-tempju oriġinali, it-Tempju ta' Lingyun, inqered bosta drabi minħabba l-gwerra.

 
Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan mill-bażi.

Milli jidher, il-kostruzzjoni enormi tant irriżultat f'ġebel li tneħħa minn wiċċ l-irdum u ġie ddepożitat 'l isfel fix-xmara, li l-kurrenti tabilħaqq ġew alterati mill-istatwa, u b'hekk l-ilmijiet saru sikuri għat-tbaħħit tal-bastimenti.

Sistema sofistikata tad-drenaġġ ġiet inkorporata fl-istatwa tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan meta nbniet. Din għadha taħdem u tinkludi pajpijiet tad-drenaġġ imnaqqxin f'diversi postijiet tul il-ġisem tal-Buddha, sabiex l-ilma tax-xita jgħaddi minnhom u b'hekk titnaqqas l-erożjoni.

Meta tnaqqxet l-istatwa tal-Buddha Ġgantesk, struttura kbira tal-injam tlettax-il sular (simili għal dik li ntużat għall-Buddha Ġgantesk ta' Rongxian) inbniet biex tilqalu x-xita u x-xemx. Din l-istruttura nqerdet u nsterqet mill-Mongoli matul il-gwerer fl-aħħar ta' żmien id-dinastija Yuan. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-istatwa tal-ġebel baqgħet esposta għall-elementi.

Degradazzjoni

immodifika

L-istatwa tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan ġiet affettwata mit-tniġġis tal-iżvilupp bla rażan fir-reġjun. Skont aġenzija tal-aħbarijiet ta' Xinhua, il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan u bosta siti naturali u kulturali Ċiniżi fir-reġjun ġew affettwati mid-degradazzjoni minħabba l-erożjoni, it-tniġġis tal-arja u t-turiżmu. Sabiex jindirizza din il-kwistjoni, il-gvern wiegħed li jsir xogħol ta' restawr. Barra minn hekk, ix-xjenzati ilhom jinvestigaw l-interazzjonijiet bejn il-komunità mikrobika fil-ħamrija tal-madwar u l-pjanti ta' fuq l-art, u l-effetti tagħhom fuq l-iskultura. Il-ġisem tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan illum il-ġurnata huwa miksi minn diversi likeni, felċi u brijofiti oħra, kif ukoll minn arbuxxelli u pjanti xeblikin. Ir-riċerka attwali qed tittama li l-fehim aħjar tal-effetti tal-erożjoni kkawżati mill-pjanti u mill-mikrobi jkun jista' jgħin fil-preservazzjoni tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan.[5]

Kompożizzjoni

immodifika

L-opra tal-arti kollha hija magħmula mill-ġebel, għajr il-widnejn li ġew iddisinjati bl-injam, ġew miksijin bit-tajn mal-wiċċ biex jiġi qisu tafal, u twaħħlu ma' ras l-istawa.

L-istatwa hija twila 71 metru (233 pied), u turi Buddha bilqiegħda b'idejh iserrħu fuq l-irkopptejh. Spallejh huma wesgħin 28 metru u l-iżgħar difer ta' saqajh huwa kbir daqs bniedem. Hemm qawl lokali li jgħid li: "Il-muntanja hija Buddha u l-Buddha huwa muntanja". Dan parzjalment għax huwa maħsub li l-katina muntanjuża li fiha jinsab il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan għandha għamla ta' Buddha mimdud meta wieħed iħares lejha mix-xmara, u l-Buddha Ġgantesk ta' Leshan jinsab fil-qalba tagħha.

Din l-istatwa ta' 71 metru (233 pied), imnaqqxa fil-Muntanja Lingyun, hija l-ikbar u l-ogħla statwa tal-ġebel fid-dinja (il-Buddha Ġgantesk modern tat-Tajlandja biss, magħmul bil-konkos, huwa ogħla). Ix-xagħar tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan hija magħmul minn 1,021 nokkla spirali inkorporati f'rasu, li hija għolja 14.7-il metru (48 pied) u wiesgħa 10 metri (33 pied). Widnejh, li fihom joqogħdu saħansitra żewġ persuni, huma twal 7 metri (23 pied). Huwa għandu ħuġbejn twal 5.6 metri (18-il pied), swaba' twal 8.3 metri (27 pied), spallejn wesgħin 24 metru (79 pied), u mnieħer twil 5.6 metri (18-il pied). Ħalqu u kull waħda minn għajnejh huma wesgħin 3.3 metri (11-il metru). Fuq in-naħa ta' ġewwa ta' saqajh hemm wisa' ta' madwar 8.5 metri u hemmhekk jifilħu joqogħdu madwar mitt ruħ u f'difru ż-żgħir nett toqgħod persuna bilqiegħda. Din l-istatwa hija għolja għaxar sulari, jiġifieri tista' titqabbel mad-daqs tal-Istatwa tal-Libertà fil-Belt ta' New York, l-Istati Uniti, li kieku l-Buddha qiegħed bilwieqfa. Il-ġisem tal-Buddha qiegħed f'poża simetrika u l-proporzjonijiet tal-partijiet differenti ta' ġismu huma proporzjonati f'konformità mar-rekwiżiti tal-Buddharupa ta' statwa. Għandu forma kalma li hija konformi mal-istil tal-istatwi ta' żmien id-dinastija Tang.[6]

Sistema tad-drenaġġ

immodifika

Wara ras il-Buddha u bejn widnejh it-tnejn, il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan għandu sistema tad-drenaġġ unika u avvanzata biex l-istatwa tiġi ppreservata mill-erożjoni. Hemm diversi gandotti u kanali moħbijin u sparpaljati fix-xagħar, fil-kullar u f'sider il-Buddha, u hemm toqob fuq in-naħa ta' wara ta' widnejh u f'sidru li permezz tagħhom l-ilma tax-xita tibqa' 'l barra u b'hekk in-naħa ta' ġewwa tibqa' niexfa. Din is-sistema arkitettonika kumplessa ilha tipprevjeni l-erożjoni fl-istatwa għal dawn l-aħħar 1,200 sena.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iż-Żona Xenika tal-Muntanja Emei, inkluż iż-Żona Xenika tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]

Protezzjoni

immodifika

Wara l-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan ġie ddeżinjat bħala relikwa kulturali u tqiegħed taħt protezzjoni mill-Kumitat tal-Poplu tal-Provinċja ta' Sichuan fl-1956. Fl-1996, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO niżżel il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Fl-1998 ġie stabbilit formalment il-Kumitat tal-Ġestjoni taż-Żona Xenika tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan. L-ambitu ta' kontroll tal-kumitat tal-ġestjoni laħaq 17.88-il kilometru kwadru (6.90 mili kwadri). Fl-2008 ġie stabbilit formalment il-Kumitat tal-Ġestjoni taż-Żona Xenika tal-Muntanja Emei u tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan, bil-kompitu prinċipali li jiżviluppa r-riżorsi turistiċi għall-Muntanja Emei u għall-Buddha Ġgantesk ta' Leshan. Fl-24 ta' Marzu 2002, l-ewwel fażi tal-proġett ta' tiswijiet tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan tal-Bank Dinji nbeda uffiċjalment. Il-proġett kien jinkludi r-rinnovazzjoni sħiħa tal-Buddha minn sidru sa rasu u t-tisħiħ tal-ħajt tal-blat. Fit-23 ta' Ġunju 2002 bdiet it-tieni fażi tal-Proġett ta' Manutenzjoni tal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan. Matul din il-fażi, saru tiswijiet fil-blat ta' fejn saqajn il-Buddha u l-parti mikula tal-blat taħt il-livell tal-ilma ġiet irranġata.

Turiżmu

immodifika

Peress li l-istatwa hija waħda minn sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-provinċja ta' Sichuan, jiġu jarawha bosta turisti. Mill-2001 sal-2003, kienet ikklassifikata bħala t-tieni l-iżjed attrazzjoni popolari fost is-siti ta' wirt provinċjali b'bejn 1.4 u 1.5 miljun viżitatur fis-sena. Fl-2004, kien hemm żvolta li wasslet biex l-għadd ta' viżitaturi jispara 'l fuq drastikament għal 2.1 miljun viżitatur. Mill-2005 sal-2007, kien hemm madwar 2.3 sa 2.8 miljun viżitatur fis-sena, jiġifieri iktar minn kwalunkwe sit ieħor fil-provinċja. L-influss tat-turisti ppermetta lill-ekonomija lokali tiffjorixxi b'bosta impjiegi u l-introjtu relatat. Madankollu, hemm tħassib dwar kemm hija etika ż-żieda kontinwa fit-turiżmu, u kif din tista' taffettwa l-kwalità tal-istatwa. B'hekk il-gvern lokali stabbilixxa limiti u linji gwida biex tiġi ppreservata l-integrità tal-istatwa.[7] Il-Buddha Ġgantesk ta' Leshan huwa popolari l-iktar matul is-Sena l-Ġdida Ċiniża, meta t-turisti mid-dinja kollha jiġu biex jitolbu għar-risq.

L-iżjed mod konvenjenti biex wieħed jasal sal-Buddha Ġgantesk ta' Leshan mir-raħal ta' Leshan huwa permezz tal-karozza tal-linja lokali nru 13.[8] Malli wieħed jasal, irid jixtri biljett li jiswa madwar CNY 90 kull persuna (inkluż id-dħul għat-Tempju ta' Wuyou u l-Oqbra tal-Irdumijiet ta' Mahao).[9] Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mis-7:30 ta' filgħodu sas-6:30 ta' filgħaxija minn April sa Ottubru u mit-8:00 ta' filgħodu sal-5:30 ta' filgħaxija minn Ottubru sa Marzu.[10] Fi tmiem il-ġimgħa u fil-btajjel ikun hemm iktar nies iżuruh milli matul il-ġimgħa.

Apparti l-attrazzjoni prinċipali, hemm għexieren ta' mogħdijiet madwar il-muntanja li wieħed jista' jesplora bil-mixi.

In-nies mid-dinja kollha jiġu biex iqimu l-Buddha Maitreya. Biex wieħed jasal tassew qrib tiegħu, hemm mogħdija bil-mixi li permezz tagħha l-viżitaturi jistgħu japprezzaw il-veduta tinbidel ta' ġisem il-Buddha minn perspettivi differenti. Ta' min jinnota li l-mogħdija hija tassew wieqfa u dejqa. Biex wieħed ikollu veduta panoramika tal-Buddha, jiġu organizzati wkoll mawriet bid-dgħajsa għal CNY 70 kull persuna. Peress li dawn id-dgħajjes jesgħu sa 35 persuna, jaf ikun hemm il-kju għalihom.

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ Rajarajan, R.K.K. (2020). "'Religious Art and Culture in 2019' Thousand Faces of the Buddha". Indian Journal of History of Science. 55 (2): 194–201.
  2. ^ "Wuyou Temple". Wendy Wei Tours (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-24.
  3. ^ a b ċ d "Mount Emei Scenic Area, including Leshan Giant Buddha Scenic Area". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-24.
  4. ^ 唐长寿. 《乐山麻浩崖墓研究》. 四川文物, 1987 (biċ-Ċiniż), 年, 2期: 10.
  5. ^ "Leshan Buddha, Chengdu, Regent Tour China". web.archive.org. 2008-11-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-11-18. Miġbur 2024-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Leshan Giant Buddha History and Facts & Useful Travel Guide 2024". www.chinadiscovery.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-24.
  7. ^ Li, Yan (2017). "Analysis on Tourism Competitiveness of Six World Cultural Heritage Sites in Sichuan Province". Revista de la Facultad de Ingenier a U.C.V. 32 (15): 61–67.
  8. ^ Anita. "Self guided tour of Leshan Buddha". sanetraveler (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-24.
  9. ^ "Leshan Giant Buddha, Dafo: Location, History & Opening Hour, Sichuan". www.topchinatravel.com. Miġbur 2024-08-24.
  10. ^ "Leshan Giant Buddha Travel Tips & Tours, Chengdu". www.thechinaguide.com. Miġbur 2024-08-24.