Brú na Bóinne

sit arkeoloġiku fl-Irlanda

Brú na Bóinne (pronunzja bl-Irlandiż: [ˈbˠɾˠuː n̪ˠə ˈbˠoːn̠ʲə]; li litteralment tfisser "Palazz ta' Boyne" jew aħjar "Wied ta' Boyne") jew l-oqbra tal-Wied ta' Boyne, hija żona fil-Kontea ta' Meath, l-Irlanda, li tinsab f'lilwa tax-xmara Boyne. Fiha wieħed mill-iżjed pajsaġġi preistoriċi importanti fid-dinja li jmur lura għan-Neolitiku. Tinkludi l-oqbra megalitiċi tal-passaġġ il-kbir ta' Knowth, Newgrange u Dowth, kif ukoll xi 90 monument addizzjonali. Il-kultura arkeoloġika assoċjata ma' dawn is-siti tissejjaħ il-"kultura ta' Boyne".

Newgrange

Brú na Bóinne ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1993 bit-titlu "Brú na Bóinne - Kumpless Arkeoloġiku tal-Lilwa ta' Boyne".[1]

Pożizzjoni immodifika

Iż-żona tinsab tmien kilometri fil-Punent ta' Drogheda fil-Kontea ta' Meath, Irlanda, f'lilwa tax-xmara Boyne. Tinsab madwar 40 kilometru fit-Tramuntana ta' Dublin.[2]

Brú na Bóinne hija mdawra fuq in-naħat tan-Nofsinhar, tal-Punent u tal-Lvant bix-xmara Boyne; barra minn hekk, tributarju żgħir tax-xmara Boyne, ix-xmara Mattock, tnixxi tul it-tarf tat-Tramuntana, u kważi tiċċirkonda għalkollox lil Brú na Bóinne bl-ilma. Kollha ħlief tnejn mis-siti preistoriċi jinsabu fuq din il-peniżola tax-xmara.

Deskrizzjoni immodifika

 
Il-qabar bil-passaġġ ta' Knowth

Iż-żona kienet ċentru ta' insedjament uman għal mill-inqas 6,000 sena, iżda l-istrutturi ewlenin imorru lura għal madwar 5,000 sena ilu, mill-perjodu Neolitiku.

Is-sit huwa kumpless ta' tumbati Neolitiċi, oqbra bil-kompartimenti, ħaġar wieqaf, ċrieki magħmula bil-ħaġar, u strutturi preistoriċi oħrajn, uħud saħansitra mill-35-32 Q.K. Is-sit huwa iktar antik mill-piramidi Eġizzjani u nbena b'sofistikazzjoni u b'għarfien dwar ix-xjenza u l-astronomija, xi ħaġa li toħroġ fid-dieher fil-passaġġ tal-qabar ta' Newgrange.[3]

Is-sit ikopri 780 ettaru (1,927 akru) u fih madwar 40 qabar b'passaġġ, kif ukoll siti preistoriċi oħra u strutturi li nbnew wara. Il-maġġoranza tal-monumenti huma kkonċentrati fuq in-naħa tat-Tramuntana tax-xmara. L-iżjed siti magħrufa fi ħdan il-Brú na Bóinne huma l-oqbra bil-passaġġi ta' Newgrange, ta' Knowth u ta' Dowth, kollha kemm hu magħrufa għall-kollezzjonijiet tagħhom ta' arti megalitika. Kull wieħed minn dawn is-siti jinsab fuq roqgħa tal-lilwa tax-xmara u tnejn mill-oqbra, Knowth u Newgrange, milli jidher għandhom ħaġriet li ntużaw mill-ġdid minn xi monument preċedenti fis-sit stess. Newgrange hija t-tumbata ċentrali taċ-ċimiterju ta' oqbra bil-passaġġi tal-Wied ta' Boyne. It-tumbata ċirkolari b'kompartiment funebri b'għamla ta' salib, għandu dijametru ta' iktar minn 100 metru. Knowth u Dowth għandhom daqs paragunabbli. Ma hemmx evidenza fil-post ta' attività preċedenti, għajr għal xi sejbiet ta' għodod taż-żnied li tħallew minn xi kaċċaturi Mesolitiċi.

 
Veduta mill-ajru ta' Brú na Bóinne

L-oqbra bil-passaġġi nbnew għall-ħabta tat-3,300 Q.K. u x-xogħol tal-kostruzzjoni waqaf ħesrem għall-ħabta tal-2,900 Q.K. L-ikbar tliet oqbra ta' Newgrange, Knowth u Dowth jaf inbnew b'tali mod li jkunu viżibbli minn xulxin u minn approċċi fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tul ix-xmara Boyne, bħala parti minn skema biex "l-elementi individwali preċedenti taċ-ċimiterju estiż tal-oqbra bil-passaġġi jingħataw konfigurazzjoni kollettiva preistorika ferm iktar definita".[4] Iż-żona baqgħet tintuża għall-abitazzjoni u għar-ritwali sa Żmien il-Bronż bikri, u matul dan iż-żmien inbnew ċrieki bil-pilastri tal-injam, b'foss u bit-tumbati (imsejħa kollettivament "henges"). L-artefatti minn Żmien il-Bronż aħħari jispikkaw inqas: oqbra b'foss għamla ta' ċirku u tumbati maħruqa. Għal Żmien il-Ħadid hemm evidenza biss ta' attività sporadika, bħal xi oqbra ħdejn Knowth u Rosnaree. Oġġetti ta' valur minn żmien ir-Rumani, bħal muniti u ġojjellerija, li kienu jingħataw bħala offerti nstabu ħdejn Newgrange.

Bosta siti u strutturi megalitiċi oħra ġew identifikati fi ħdan il-lilwa tax-xmara Boyne u ngħataw deżinjazzjonijiet sempliċi b'ittri differenti, bħall-Istrutturi M. Apparti t-tliet oqbra l-kbar, diversi siti ċerimonjali oħra jikkostitwixxu l-kumpless, inkluż:[5]

  • il-henge ta' Cloghalea;
  • il-qabar bil-passaġġ ta' Townleyhall;
  • il-henge u l-għadira ritwali ta' Monknewtown;
  • il-cursus ta' Newgrange.

Allinjamenti astronomiċi immodifika

Kull wieħed mit-tliet siti megalitiċi prinċipali għandu importanza arkeoastronomika sinifikanti. Newgrange u Dowth għandhom allinjament solari mas-solstizju tax-xitwa, filwaqt li Knowth huwa orjentat lejn l-ekwinozju tar-rebbiegħa u tal-ħarifa. Barra minn hekk, l-inħawi l-iktar fil-qrib tas-siti prinċipali ġew investigati għal allinjamenti possibbli oħra. Il-konfigurazzjoni u d-disinn tal-kumpless ta' Brú na Bóinne tul il-wied ġew studjati wkoll għall-importanza astronomika tagħhom.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Id-daħla megalitika bit-tinqix ta' Newgrange

Is-sit Brú na Bóinne - il-Kumpless Arkeoloġiku tal-Lilwa ta' Boyne ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ċentru għall-viżitaturi immodifika

Kull aċċess għal Newgrange u Knowth isir biss permezz ta' żjara gwidata, b'tours li jibdew miċ-Ċentru għall-Viżitaturi, li nfetaħ fl-1997 f'Donore, il-Kontea ta' Meath. Iċ-ċentru turistiku għall-viżitaturi jinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara Boyne, u s-sit storiku jinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana tax-xmara u jiġi aċċessat permezz ta' karozza tal-linja privata flimkien mal-gwida tat-tour.[2]

Aċċess bit-trasport pubbliku immodifika

Ir-rotta 163 tal-Bus Éireann topera bejn Drogheda u ċ-Ċentru għall-Viżitaturi ta' Brú na Bóinne u tgħaddi minn Donore.[6] L-eqreb stazzjon ferrovjarju huwa l-istazzjon ferrovjarju ta' Drogheda li jinsab madwar disa' kilometri 'l bogħod.

Biblijografija immodifika

  • Lewis-Williams, D. and Pearce, D., Inside the Neolithic Mind, Thames and Hudson, Londra, 2005, ISBN 0-500-05138-0
  • O'Kelly, M. J., Newgrange: archaeology, art, and legend, Londra: Thames and Hudson, Ltd., 1982.
  • Stout, Geraldine, Newgrange and the Bend of the Boyne, 2002, Cork University Press, ISBN 1859183417, 9781859183410.

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Brú na Bóinne - Archaeological Ensemble of the Bend of the Boyne". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
  2. ^ a b "Brú na Bóinne | World Heritage | World Heritage Ireland". www.worldheritageireland.ie. Miġbur 2022-08-19.
  3. ^ "Digging into the roots of the rich and varied Boyne Culture". www.newgrange.com. Miġbur 2022-08-19.
  4. ^ Fenwick, Joseph (2015). "A reassembly of the monumental fragments in Dowth townland and their significance as an integral part of the prehistoric numinous precinct of Brú na Bóinne, Co. Meath". Journal of Irish Archaeology. XXIV: 46.
  5. ^ "Brú na Bóinne World Heritage Site Research Framework. Heritage Council" (PDF).
  6. ^ "Dublin Airport - Bus Éireann - View Ireland Bus and Coach Timetables & Buy Tickets". buseireann.ie. Miġbur 2022-08-19.